OMM IL-PAĊI – Marija Omm Alla – L-1 ta’ Jannar 2025
L-1 ta’ Jannar – Marija Omm Alla
OMM IL-PAĊI
Numri 6, 22-27; Salm 62; Galatin 4, 4-7; Luqa 2: 16-21
Il-Vanġelu
Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.
Il-Ħsieb
L-ewwel jum tas-sena. L-ewwel jum ta’ tant proponimenti. L-ewwel jum li l-Knisja tiddedikah lil Ommna Marija u tħeġġiġna għal talb għall-paċi. Huwa jum simboliku li fih se nibdew ngħixu sena oħra minn ħajjitna. Sena oħra ta’ ħidma, sena oħra ta’ għajxien tal-fidi tagħna. Huwa jum li fih il-Knisja tpoġġilna bħala mudell lil Ommna Marija, għaliex jekk din is-sena rridu tassew nikbru mhux biss fiż-żmien iżda wkoll fil-fidi rridu lkoll kemm aħna nifhmu li rridu bħal Marija niskopru kuljum il-pjan ta’ Alla għalina. Matul din is-sena kuljum il-Mulej ser jagħtina biċċa xogħol fl-għalqa tiegħu. X’ser nagħmlu… indawru wiċċna ’l bogħod mir-realtà u l-ħidma li suppost qed inwettqu jew bħal Marija ngħidulu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek”? Huwa jum ta’ ferħ għax bdejna sena ġdida u dan il-ferħ irridu nżommuh tul il-jiem kollha tas-sena, għaliex li tiskopri lil Alla u r-rieda tiegħu fil-ħajja tiegħek, hija festa kontinwa, ferħ kontinwu minkejja s-slaleb tal-ħajja…. Li tgħix fuq il-passi ta’ Ġesù permezz tal-Mudell Marija hija ħidma kontinwa għall-paċi fina nfusna u fis-soċjetà.
Il-Kelma
Fl-ewwel qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tan-Numri, għandna talba għall-barka tal-Mulej, biex jinżel fuqna l-isem tiegħu biex huwa nnifsu jiġi ħalli jsalvana. Din is-salvazzjoni ġġib magħha li l-Mulej iħarisna, jaħfrilna u jagħtina r-rigal tal-paċi u tal-hena. Il-Mulej jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 62, għandna talba fl-ewwel jum tas-sena biex f’isem il-popli kollha ta’ l-art inroddu ħajr lill-Mulej Alla tagħna, li permezz ta’ Kristu tana sehem mill-barkiet mogħtija fl-imgħoddi. Fit-tieni qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, għandna li Ġesù huwa tassew bniedem bħalna għax bħalna huwa mwieled minn mara. Ġesù jeħlisna mill-jasar tal-ħażen u jagħmilna wlied Alla. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu li kienu r-ragħajja, nies fqar u mwarrbin, li jiltaqgħu l-ewwel ma’ Ġesù. L-isem Ġesù jfisser Salvatur. Dan juri li l-ħidma tiegħu kellha tkun li jsalva lill-bniedem.
Il-Ħajja
Marija hija l-mudell tal-bniedem tal-fidi li l-kelma ta’ Alla jgħożżha, jaħseb fuqha u jħalliha tmexxih, għalkemm mhux dejjem jara kollox ċar. Marija qalet IVA lil Alla minkejja li ma fehmitx kollox. Ħafna drabi nġarrbu l-istess esperjenza aħna; irridu ngħidu IVA lil Alla iżda nixtie qu naraw ċar mill-ewwel. Nibqgħu nenfasizzaw il-mentalità tagħna fuq dik ta’ Alla. Alla ma jaħdimx hekk. Propju fil-bidu ta’ din is-sena aktar milli nagħmlu proponimenti ejjew nintelqu f’idejn Alla, ejjew nintelqu biex inwettqu r-rieda ta’ Alla, ejjew nintelqu biex ilkoll kemm aħna nifhmu li Alla huwa magħna; ma għandniex għalfejn nibżgħu u naqtgħu qalbna, ma għandniex għalfejn nitkaxkru minn qtiegħ il-qalb. Mhux dejjem naraw ċar iżda bħal Marija rridu ngħidu IVA fix-xogħol u l-missjoni li Alla tana biex inwettqu. Huwa b’dan il-mod li jista jkollna garanzija tal-paċi fil-qalb, fil-familja u fis-soċjetà tagħna. L-inkwiet ħafna drabi jinġema’ u jinżera’ meta l-egoiżmu tagħna jibda jmexxina hu u titwarrab minna kull tfittxija biex ngħixu r-rieda ta’ Alla bħal Marija.
Id-Djalogu
Għażiża Ommna Marija,
Kun int l-mudell tal-ħajja tagħna
Għinna fil-mixja tagħna.