SENA OĦRA MAL-MULEJ – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 3 ta’ Diċembru 2023
L-1 Ħadd ta’ l-Avvent
SENA OĦRA MAL-MULEJ
Isaija 63, 16b-17,19b; 64:1-7; Salm 79, 1 Korintin 1,3-9; Mark 13: 33-37
Il-Vanġelu
“Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”
Il-Ħsieb
Il-Mulej illum jurina kif għandna nagħmlu dan billi NIFTĦU GĦAJNEJNA U NISHRU. Inkunu konxji tar-realtajiet li hawn madwarna kif ukoll inkunu konxji li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn. Għalhekk hemm bżonn li jkollna djalogu kontinwu ma’ Alla permezz tat-talb.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, nisimgħu lill-profeta jkellem lill-poplu Lhudi eżiljat u umiljat f’Babel. Jurih lil dan il-poplu li ma jistax jinfeda jekk Alla nnifsu ma jidħolx għalih minn rajh. Il-profeta għalhekk jitlob dan lil Alla b’fiduċja kbira. Fis-Salm Responsorjali minn
Salm 79 għandna l-għajta tal-poplu Lhudi li hija wkoll l-għajta tagħna llum biex il-Mulej jeħodna f’idejh u kontinwament jipproteġina. L-istess protezzjoni ta’ Alla tagħti lok lil San Pawl fl-Ittra lill-Korintin li jagħmel innu ta’ tifħir lil Alla. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù, f’diskors ieħor eskatoloġiku, iwissina biex noqogħdu attenti u nitolbu għax ma nafux il-jum u s-siegħa li niltaqgħu għal dejjem mal-Mulej.
Il-Ħajja
Kemm tassew bħala Nisrani li rrid ngħix il-fidi tiegħi ninsab b’għajnejja miftuħa dwar dak li qed jiġri madwari? Kemm qed nieħu kull deċiżjoni f’għaqda sħiħa ma’ Alla? Kemm tassew qed ikun hemm mumenti fil-ħajja tiegħi li nkun nishar fit-talb? Jew insibu ħin għal kollox barra għad-djalogu tiegħi ma’ Dak li ħalaqni? Kif se nimxi mal-Mulej matul din is-sena? Kollox bil-qies? Jiġifieri quddiesa tal-Ħadd għax bilfors, qrara għad-Duluri u daqshekk? Kemm tassew qed nipprova nitkellem u ngħix li Alla huwa mħabba?
Id-Djalogu
Mulej, agħmel li matul din is-sena liturġika ġdida
nikber aktar fil-fidi tiegħi.