It-Tnissil bla tebgħa ta’ Marija – Il-Ħamis 8 ta’ Diċembru 2023
8 ta’ Diċembru: It-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa
MILL-KONĊEPIMENT ĦIELSA
Ġenesi 3, 9-15.20; Salm 97; Efesin 1, 3-6,11.12; Luqa 1, 28-38
Il-Vanġelu
Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija. jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Il-Ħsieb
Illum naraw ukoll li kif Alla għażel lil Marija, aħna wkoll maħbubin u magħżulin ta’ Alla. Alla għażilna sa minn qabel it-twaqqif tad-dinja jafna b’mod personali u jrid jurina li lkoll kemm aħna aħna l-magħżulin tiegħu. Fil-festa tal-lum mhux biss niċċelebraw b’tifħir lil Marija, iżda huwa wkoll mument ta’ ringrazzjament għal dak li Alla jagħmel magħna sa minn qabel ġejna fid-dinja.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ġenesi, għandna l-waqgħa ta’ l-ewwel bnedmin, waqgħa li kienet turi li għalkemm Alla ħalaq il-bniedem, dan ħallieh f’libertaÏ assoluta li saħansitra jista’ jeħodha kontra tiegħu. Il-mara wieġbet “is-serp daħak bija u kilt”. L-ewwel bnedmin ħaduha kontra l-kmand ta’ mħabba li kien tahom Alla. L-ewwel bnedmin tennew li lkoll kemm huma ma setgħux jwettqu dik l-imħabba li wegħdu lil Alla għax ċedew għall-pressjoni tal-ħażen. L-ewwel Eva ċediet u għalhekk kien jeħtieġ Eva ġdida biex terġa’ tmexxi l-proċess ta’ salvazzjoni li Alla baqa’ jrid iwettaq fuq il-bniedem, issa mifni mid-dnub. Is-Salm Responsorjali minn Salm 97 huwa għanja lill-Mulej għax għamel l-għeġubijiet. Irridu nfaħħru llum lill-Mulej għax ma l-umanitaÏ għamel għeġubijiet kbar. “Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.” Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna t-tħabbira ta’ l-Anġlu Gabriel lil Marija. Hija kienet mimlija bil-grazzja u l-Mulej kien magħha. Huwa messaġġ qawwi ta’ missjoni kbira li Alla kien qed jafda f’idejn xebba. Marija tintelaq f’idejn Alla u tgħid IVA. Ir-riskju ħaditu għal Alla.
Il-Ħajja
“Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla!” Messaġġ qawwi ta’ kuraġġ minn Alla permezz ta’ l-Anġlu Gabriel. Messaġġ lil Marija iżda messaġġ ukoll lill-umanitaÏ kollha. Messaġġ li ried juri l-kuntatt kontinwu bejn Alla u l-bniedem. Alla qatt ma jħallina waħedna anki meta l-bniedem ħadha kontra tiegħu. Marija wieġbet IVA – HAWN JIEN IL-QADDEJJA TAL-MULEJ, ħa jsir minni skond kelmtek. Marija tħawdet quddiem il-kliem ta’ l-Anġlu Gabriel. Iżda qalet iva. Iva konvinta minkejja li ma fehmet xejn x’ried minnha Alla. iżda permezz tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu setgħet tintelaq f’idejn Alla. Aħna wkoll ħafna drabi niġu mitluba nwettqu missjonijiet minn dak Alla li għażilna sa minn qabel il-ħolqien, dak Alla li jħobbna u jsegwina kull ħin. Il-festa tal-lum turi li l-imħabba ta’ Alla hija dik li ssegwina b’kull mod, kif ħaseb biex wettaq fit-tnissil mingħajr tebgħa ta’ Marija. Il-Mulej huwa dak li jħarisna kull ħin… huwa aħna li rridu nħarsu ftit madwarna u naraw li għandna nwettqu dak kollu li jordnalna l-Mulej anki jekk f’ċerti mumenti li ma nifhmux.
Id-Djalogu
O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa
Aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.