IL-BIDLA: TĦEJJIJA TA’ TRIQ – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 10 ta’ Diċembru 2023
It-2 Ħadd ta’ l-Avvent
IL-BIDLA – TĦEJJIJA TA’ TRIQ
Isaija 40:1-5; 9-11; Salm 84; Pietru 3:8-14; Mark 1, 1-8
Il-Vanġelu
Il-Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,
‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr
tiegħi biex iħejji triqtek.
Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħi,’
hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”
Il-Ħsieb
Ħsieb dominanti fil-bidu tas-sena liturġika, b’mod speċjali fil-bidu ta’ l-Avvent, hija insistenza kbira fuq il-ħtieġa li ninbidlu. Hemm bżonn li kull sena ninbidlu u niġġeddu biex nikbru aktar ma’ Kristu u mal-Knisja fil-mixja u fl-eżempju li għandna nagħtu ta’ Nsara ħajjin. U dan jitlob minna BIDLA RADIKALI. Bidla li tfisser li ninqatgħu mill-passat, minn affarijiet li qed jagħmluna lsiera. Il-figura ta’ Ġwanni l-Battista hija figura ta’ radikalità evanġelika fil-proċess ta’ tħejjija li lkoll irridu nagħmlu tul il-ħajja tagħna. Hemm bżonn li lkoll, bħal Ġwanni l-Battista, ma nistħux nikkonfrontaw l-ambjent ta’ madwarna; għax, minħabba l-mistħija, ħafna drabi nikkonformaw ma’ dak li jdur ma’ saqajna għax nistħu ngħidu li aħna nsara.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, huwa espressjoni ta’ ferħ u hena għaliex il-Mulej se jeħles il-poplu tiegħu mill-eżilju. Hija espressjoni ta’ hena għax il-Mulej qed iżomm il-wegħdiet li għamel ma’ l-istess poplu. Salm 84, li ntennu fis-Salm Responsorjali, jurina li għandna nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nakkwistaw is-salvazzjoni. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu, għandna lil San Pietru iħeġġeġ lill-Insara biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-bini ta’ smewwiet ġodda. Fil-Vanġelu ta’ San Mark, propju fil-bidu ta’ dan il-Vanġelu, għandna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista li qiegħed jgħajjat fid-deżert biex inħejju t-triq għall-Mulej.
Il-Ħajja
Id-Djalogu
Mulej, għinni niddritta l-mogħdijiet ta’ ħajti,
biex niftaħ ħajti beraħ għall-messaġġi tiegħek.