XHIEDA GĦAD-DAWL – It-3 Ħadd tal-Avvent – Sena B – 17 ta’ Diċembru 2023
It-3 Ħadd ta’ l-Avvent
XHIEDA GĦAD-DAWL
Isaija 61: 1-2;10-11; Luqa 1:46-50; 53-54; 1 Tessalonkin 5:15-24; Ġwanni 1:6-8;19-28
Il-Vanġelu
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom. Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija:
“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija u huwa maqsum f’żewġ taqsimiet. Fl-ewwel taqsima l-profeta juri l-Missjoni ta’ ħelsien u salvazzjoni li l-Mulej bagħtu jwettaq; filwaqt li wara huwa jtenni innu ta’ tifħir għal dak Alla li jieħu ħsieb kollox u ma jħalli lil ħadd jintilef. Is-Salm Responsorjali llum huwa meħud mill-Vanġelu ta’ San Luqa u huwa l-kantiku ta’ radd il-ħajr li Marija tagħmel lil Alla. Huwa innu ta’ tifħir li n-nisrani, li jrid ikun xhieda għad-dawl, irid jagħmlu tiegħu kull ħin. Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jgħid lill-Insara biex jifirħu – jitolbu – iroddu ħajr lil Alla. Huma tliet mumenti li d-dixxiplu ta’ Kristu jrid jgħaddi minnhom kull ħin. Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna min hu Ġesù billi jqabblu ma’ Ġwanni l-Battista.
Il-Ħajja
- Kemm tassew għarafna u qed nippreparaw ruħna biex nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna?
- Kemm tassew qed naċċettaw mingħajr kompromessi li ħajjitna tkun iddedikata għalih?
- Kif qed inkunu xhieda tad-dawl li huwa Kristu?
- X’tip ta’ Milied qed tħejji? Xalar jew għajnuna lill-foqra?
Id-Djalogu
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej!