X’GĦANDNA NAGĦMLU? – It-3 Ħadd ta’ l-Avvent – 15 ta’ Diċembru 2024
It-3 Ħadd ta’ l-Avvent
X’GĦANDNA NAGĦMLU?
Sofonija 3:14-18; Isaija 12:2-6; Filippin 4:4-7; Luqa 3:10-18
Il-Vanġelu
In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?” U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.” Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.” Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?” U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”
Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.” U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.
Il-Ħsieb
In-nies staqsew lil Ġwanni domandi li jiena u inti forsi nistaqsu ta’ spiss… “Imma x’għandna nagħmlu?” Hija domanda li turi li f’din l-istennija ta’ l-Avvent irridu naħdmu bis-serjetà fuq il-ħajja tagħna lkoll. Naħdmu bis-serjetà billi lkoll kemm aħna nippruvaw niġġeddu u niċċaħħdu ftit minn tant affarijiet li llum nieħdu for granted. Kemm qed tersaq lejn il-qrar u t-tqarbin u fl-istess ħin tgħix fil-familja jew fil-komunità tiegħek il-bidla li sseħħ fik? Kemm tassew qed nagħtu kas tal-proxxmu tagħna? Kemm tassew qed inkunu retti meta nobdu l-liġijiet? Kemm qed nifhmu, naċċettaw u ngħixu l-kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bil-waqgħat u d-dgħufija tagħna?
Il-persuna u d-diskors ta’ Ġwanni l-Battista huma għalina lkoll ċanfira u fl-istess ħin sfida. Ċanfira għall-mod ta’ ħajja li ħafna drabi nkunu ntlaqna għaliha, u fl-istess ħin sfida għal dak kollu li rridu nqaċċtu minna nfusna biex niġġeddu f’dan l-Avvent.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija, itenni li l-Mulej Alla tiegħek qiegħed f’nofsok. Il-profeta jtenni li s-salvazzjoni se tasal għal dawk li bl-umiltà jaċċettaw il-Mulej. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Isaija, huwa għanja ta’ ferħ għax il-Mulej jinsab f’nofs il-poplu tiegħu u għalhekk huwa l-kenn u s-salvazzjoni ta’ l-istess poplu, jiġifieri anki tagħna lkoll.
It-Tieni Qari tal-lum mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, iħeġġiġhom biex ikomplu jitolbu għax il-Mulej qorob. Huwa l-Mulej li se jagħti s-sliem li jibqa’. Fil-Vanġelu ta’San Luqa għandna t-twissijiet li Ġwanni l-Battista kien jagħti filwaqt li jxandar il-Bxara t-Tajba. Huma twissijiet li jgħoddu anki għalina llum u għalhekk ta’ min jaqrahom diversi drabi fil-kwiet.
Il-Ħajja
- It-twissijiet li jagħti Ġwanni l-Battista jħeġġuna nagħmlu reviżjoni tal-mod li bih qed ngħixu l-ħajja tagħna nisranija.
- F’din l-istennija tagħna, aħna marbutin aktar ma’ Alla jew ma’ oġġetti u persuni f’din id-dinja?
- Kemm tassew ilkoll kemm aħna qed nifhmu li ma nistgħux nagħmlu progress spiritwali jekk, bħalma jtenni San Pawl lill-Filippin, ma nitolbux u ma ninqatgħux mill-oġġetti ta’ din il-ħajja biex jikber fina s-sliem ta’ Kristu? ALLA JIBQA’ JHOBBNA
- Minkejja d-dnubiet u d-dgħufija tagħna, ALLA JIBQA’ JHOBBNA. F’din l-istennija ta’ l-Avvent ejjew induru lejh biex jurina t-triq ta’ tiġdid kontinwu biex insiru nħobbuh aktar bis-serjetà fl-għemil tagħna ta’ kuljum.
Id-Djalogu
Ifirħu dejjem fil-Mulej,
nerġa’ ngħidilkom ifirħu…
Il-Mulej qorob!