ghid

F’IDEJKOM – Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena A – 17 ta’ Mejju 2026

May 16, 2026
  1. MinnTlugħ il-Mulej fis-Sema

F’IDEJKOM

Atti 1:1-11, Salm 46; Efesin 1:17-23; Mattew 28: 16-20

 

Il-Vanġelu

Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli

Tlugħ il-Mulej fis-sema – Pietro Perugino

Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.  Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

 

Il-Ħsieb

U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Il-Mulej tela’ fis-sema.  Ħalliena waħedna?  Le, iżda qed jafda aktar fina dak li Huwa ġie biex jgħallem fuq din l-art.  Ħalla f’idejna mhux biss biex naċċettaw jew le l-fidi tagħna iżda wkoll biex inwasslu din l-aħbar tajba ta’ salvazzjoni lill-ġnus.  Mhux talli mhux ser iħallina orfni, talli l-Mulej jwiegħed solennement li huwa magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet.  Għaliex allura nibżgħu?  Għaliex jonqsilna l-kuraġġ?  Għaliex naħsbu li ninsabu waħedna; xi kultant ngħidu li anki Alla nsiena?  Hija l-opra ta’ satana  li jipprova joħloq fil-bniedem sfiduċja totali fih innifsu u fil-qawwa li jagħtina l-Mulej fis-Sagramenti.

Huwa Ħadd fejn irridu nirriflettu kemm aħna kuraġġużi fix-xandir tal-fidi tagħna.  Kemm tassew aħna lesti nimpenjaw ruħna fis-soċjetaÏ biex inxandru din l-aħbar it-tajba kullimkien?  Nibdew mill-ambjent tal-familja tagħna, tax-xogħol, studju, divertiment; kull ħin hu mument tajjeb biex inxandru l-fidi tagħna.

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, jirrakkonta t-tlugħ tal-Mulej fis-sema u juri r-responsabbiltaÏ tad-dixxipli li jridu jagħtu xhieda tiegħu sa truf l-art.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, għandna stedina biex nuru l-ferħ tagħna li Kristu tela’ fis-sema biex joqgħod fuq il-lemin tal-Missier.  Fl-Ittra lill-Efesin għandna naraw lil San Pawl juri lill-Insara  b’liema ġieħ ġie gglorifikat Sidna Ġesù Kristu permezz tal-Missier.  Naraw kemm tassew is-salvazzjoni tad-dinja hija opra kontinwa tat-TrinitaÏ.  Fil-Vanġelu għandna t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema iżda wkoll il-kmand ta’ Ġesù lid-dixxipli biex imorru jħabbru u jgħallmu.

Il-Ħajja
  1. Aħna l-Insara ma nistgħux nibqgħu reqdin.  Hemm bżonn li nqumu min-ngħas.  M’aħniex waħedna.  Ġesù bagħatna nxandru. X’qegħdin nagħmlu biex nuruh li fhimna xi jrid minna?
  2. Ma nistgħux inxandru jekk qabel ma nkunux nies li kontinwament  nitgħallmu u nikbru fil-Kelma ta’ Alla.
  3. Qatt ma għandna nibżgħu li aħna waħedna.  Il-Mulej magħna sa l-aħħar taż-żminijiet.
  4. Kuraġġ!  Hemm bżonn li nxammru l-kmiem u nidħlu naħdmu fl-għalqa tal-Mulej.
Id-Djalogu

Għinni, Mulej,

biex inxandar il-Bxara t-Tajba mal-Ġnus.

Għinni biex ma nibżax u ma naqtax qalbi.

read more

JEKK TĦOBBUNI… – Is-6 Ħadd tal-Għid – Sena A – 10 ta’ Mejju 2026

May 3, 2026

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

JEKK TĦOBBUNI….

Atti 8: 5-8,14-17; Salm 65;  1 Pietru 3,15-18; Ġwanni 14:15-21

Il-Vanġelu

Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu

“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”

 

Il-Ħsieb

Il-Kliem tal-Mulej huwa ċar.  Kemm hawn minna li aħna konvinti li aħna ta’ Kristu, li ngħidu li lesti nagħmlu kollox għalih?  Il-Mulej jitkellem ċar meta joffri proposta tiegħu għal dawk li jgħidu li jħobbuh.  Min iħobbni jħares il-KMANDAMENTI TIEGĦI.  Ma tistax tgħid li jiena ta’ Kristu, li jiena nħobb lil Kristu imma…

“U jiena nitlob lill-Missier.”  M’aħniex weħidna.  Il-Mulej huwa magħna u qiegħed jitlob lill-Missier għalina jekk aħna nagħtu xhieda tiegħu.  Għal dan il-għan hemm bżonn li aħna, minkejja d-dgħufija tagħna, irridu nafdawh, nirreċiprokaw il-fiduċja li tana.  Huwa għalhekk li l-kristjaneżmu huwa dejjem diffiċli li tgħixu ġurnata wara oħra.  Huwa għalhekk li f’dawn il-Vanġeli tal-Ħdud ta’ l-Għid, il-Mulej, filwaqt li jiftħilna għajnejna, jimliena bil-kuraġġ vojt ta’ ħafna kliem fieragħ, iżda kuraġġ li jinbena proprju fuq il-ħtieġa li ngħixu jum wara jum il-kristjaneżmu tagħna…

Ġesù jtenni li qatt m’hu se jħallina ltiema, qatt ma aħna waħedna, m’ għandniex minn xiex nibżgħu.  Hemm bżonn li l-Mulej jiftħilna l-qalb imbeżżgħa tagħna biex bil-kuraġġ inħabbru l-qawmien tiegħu li jidher fl-għajxien ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna l-evanġelizazzjoni ta’ Filippu fis-Samarija.  Filippu jħabbar u jwettaq l-għemejjel ta’ fejqan li jsiru bis-saħħa ta’ dak Kristu li qam mill-imwiet.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej li tana l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħ fina l-fidi u l-għajxien ta’ l-istess fidi.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, għandna t-twissijiet kif l-Insara għandhom iġibu ruħhom quddiem il-persekuzzjonijiet.  San Pietru jenfasizza li hemm bżonn li l-Insara jkollhom tagħlim sod biex ikunu kapaċi mhux biss iwieġbu iżda wkoll jissaħħu fil-fidi.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna r-rakkont li fih Ġesù jkompli jsaħħaħ id-dixxipli tiegħu u jtennilhom li, min iħobbu, għandu juri tassew li huwa miegħu bil-fatti.

Il-Ħajja

1.  Hemm bżonn li nkunu nafu aħjar it-tagħlim tal-fidi tagħna.  Hemm bżonn li nkunu tassew familjari mal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li huwa wieħed.

2.  Irridu ngħixu b’konvinzjoni l-fidi tagħna.  M’ għandniex nibilgħu dak li nisimgħu jew naqraw.  Għandna nirrifjutawh jekk ma jaqbilx mat-tagħlim tagħna.  Għandna r-responsabbiltaÏ li niftħu għajnejn ħutna li għadhom jibilgħu kollox.

3.  Hemm bżonn li l-Insara b’kuraġġ joħorġu aktar fil-beraħ fis-soċjeta tagħna.  Ma nibżgħux minn persekuzzjonijiet li jistgħu jiġu minn kullimkien, anki mill-media.

read more

TITĦAWDUX! – Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena A – 3 ta’ Mejju 2026

April 26, 2026

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

TITĦAWDUX!

Atti 6, 1-7;  Salm 32; 1 Pietru 2, 4-9; Ġwanni 14:1-12

Il-Vanġelu

     “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.  U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ‘l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.”  Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”  Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m’hux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Qatt ħsibt li tista’ titħawwad minħabba f’Ġesù ?  Meta tara diversi għemejjel min-nies li suppost jispiraw fik il-fiduċja u tara l-kuntrarju, bla ma trid titħawwad anki mill-aspett spiritwali.  Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, irid iwasslilna messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama, iżda wkoll ta’ mpenn.  Hemm bżonn li nżommu sħiħ u nemmnu fih.  Is-silta li nsibu fil-Vanġelu tal-lum tasal wara t-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħda ta’ Pietru u Ġesù  li wasal biex jitlaq.  Ġesù  jqawwi l-qlub meta juri d-destinazzjoni tal-bniedem ’il fejn hi, fejn hija d-dar tagħna…fis-sema.  Il-Mulej Ġesù jtenni li sejjer iħejjilna l-post għand il-Missier.  M’hijiex biss wegħda, iżda fuq kollox stedina.  Huwa minn hawn li trid issir fina l-bidla biex inkunu denji li nirrispondu għal din il-wegħda.

 

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-importanza li l-ewwel insara kienu jagħtu mhux biss lill-kelma u t-talb iżda wkoll lill-problemi soċjali.  Huwa muri biċ-ċar li l-Knisja, mill-ewwel żminijiet tagħha, dejjem ħasbet fil-batut, fil-fqir u fl-emarġinat.  Is-Salm Responsorjali li ntennu huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex fil-Kelma tiegħu, li toħloq kollox, jagħtina mħabbtu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, juri li l-Knisja hija magħmula mhux minn ĠEBEL MEJJET iżda minn ĠEBEL ĦAJ li huwa komunità li tfittex il-ħin kollu li tagħti xhieda tal-qawmien ta’ Kristu fis-soċjeta’ tagħha.

     Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jqawwi l-qlub ta’ l-Appostli li kienu mħawda u jfisser għaliex sejjer għand il-Missier.  Il-Mulej iħeġġeġ lill-Appostli biex jemmnu fih.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej ma jridx li nitħawdu.  Hemm bżonn li nemmnu aktar fit-tagħlim tiegħu.  Hija stedina biex inkunu nies ta’ talb u fl-istess ħin li jkollna fiduċja sħiħa fi Kristu, minkejja t-tfixkil tal-ħajja ta’ kuljum.
  2. San Pietru jistedinna llum nifhmu li aħna l-Knisja.  Il-Knisja li hija komunità, li hija ġebel ħaj, u jekk ħaj allura jagħti l-ħajja.
  3. Ma tistax tkun veru nisrani u ma tagħtix każ ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà tiegħek.  Huwa għal dan il-għan li fl-Ewwel Qari tal-lum insibu li l- Knisja mill-ewwel żminijiet tagħha kienet impenjata fl-għajnuna għall-fqir u l-batut, għajnuna li dejjem żammet bħala l-prinċipju ewlieni tagħha sal-ġurnata tal-lum.

 

Id-Djalogu

     Mulej Ġesù ,

     qawwi fina l-fidi, biex xejn u ħadd

     ma jbegħidni minnek.

read more

IL-BIEB HUWA JIEN – Ir-4 Ħadd tal-Għid, sena A – 26 t’April 2026

April 19, 2026

Ir-4 Ħadd ta’ l-Għid

Jum Mondjali ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

IL-BIEB HUWA JIEN

Atti 2:14a 36-41; Salm 22; 1 Pietru 2, 20b-25; San Ġwann 10:1-10

Il-Vanġelu

“Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj  tan-nagħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.  Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx.” Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.

Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li  l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.

 

Il-Ħsieb
Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva
Ħafna drabi aħna l-Insara tinbet fina ċerta konvinzjoni li kapaċi nimxu mingħajr Kristu u mingħalina li nkunu qed nagħmlu s-sewwa.  Kapaċi nagħmlu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna mingħajr ma nagħtu każ jekk l-għażliet tagħna jmorrux ma’ l-istess fidi tagħna.  Ma nistaqsux min hu r-ragħaj tagħna?  Jekk hemmx differenza bejn il-mod tal-ħajja tagħna u ta’ dawk li ma jemmnux?  Il-Mulej ġie biex jagħtina l-ħajja mhux biex niddubbaw, iżda ħajja bil-kotra , bl-abbundanza… għaliex qed nibqgħu nisfiduċjaw lill-Mulej?  Għaliex qegħdin nibqgħu nagħmlu għażliet ta’ mewt fuq ħajjitna u mhux favur il-ħajja li jagħtina l-Mulej?  Pietru fis-silta mill-Atti ta’ l-Appostli jitkellem ċar.  Hemm bżonn ta’ xhieda akbar u aktar ħajja minna l-Insara fis-soċjeta tal-lum.  Ma nħallux min jispekula mir-reliġjon tagħna mingħajr ma nkunu lesti li nagħtu tweġibiet f’waqthom.  Ma nħallux lil min minn Kristu jagħmel karikatura… hawn wisq xogħol xi jsir biex ma nkunux mar-Ragħaj tagħna.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum ikompli mill-Atti ta’ l-Appostli u jtenni l-mod ta’ spjegazzjoni li kien qed jagħmel Pietru lil-Lhud u jfisser kif mill-Iskrittura hemm il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  Fis-Salm 22 għandna r-rakkont tar-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għan-ngħaġ tiegħu mingħajr interessi ta’ xejn ħlief dak li jħares lill-istess nagħaġ.

It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru fejn naraw li San Pietru jfakkar lin-nisrani li qed ibati sabiex iħares lejn Ġesù li bata, miet imma qam fuq il-ħażen.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Ġesù li jagħti tifsira ta’ kemm hu importanti li nħalluh imexxina hu bħala r-Ragħaj li jrid biss il-ġid tagħna lkoll.

 

Il-Ħajja

1.  Huwa importanti li fil-ħajja tagħna jkollna RAGĦAJ WIEĦED li jiggwidana.

2.  Għandna niftħu għajnejna u naraw li dan ir-Ragħaj tassew qed ifittex l-interessi tagħna u mhux Tiegħu.

3.  Huwa Ġesù biss li huwa miġnun warajna; li jrid jagħtina mhux biss il-ħajja, iżda l-ħajja bil-kotra.

4.  L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

 

Id-Djalogu

Mulej, kun dejjem ir-ragħaj tiegħi, sabiex nagħraf nagħmel passi sodi f’ħajti.

 

read more

GĦEMMAWS: IL-MIXJA SAL-ĠIRJA – It-3 Ħadd tal-Għid, sena A –19 t’April 2026

April 12, 2026

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

GĦEMMAWS:  IL-MIXJA SAL-ĠIRJA

Atti 2, 14:22-28;  Salm 15; Pietru 1,17-21; Luqa 24:13-35

 Il-Vanġelu

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm,  jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara.  Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.  Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek  il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn  il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 Il-Ħsieb

Il-Mulej qam tassew
Ġesù jimxi magħna, jgħix magħna, jispjega lilna l-istess skrittura u nibqgħu ma nqumux min-nagħas, nibqgħu b’għajnejna magħluqa, nibqgħu mexjin fit-triq u ntennu li Alla nsiena.  Il-mixja ta’ Għemmaws taż-żewġ dixxipli hija meditazzjoni għalija u għalik dwar il-mod ta’ ħajja li qegħdin ngħixu bħala Nsara.  Xi kultant huwa l-isem biss ta’ nsara li jibqgħalna meta m’aħniex nies li naqraw l-iskrittura, meta aħna nies li għalkemm nitilgħu nitqarbnu nibqgħu l-istess.  Il-Mulej irid jibdilna għaliex ilkoll kemm aħna rridu nifhmu li x-xogħol tagħna huwa li nwasslu AĦBAR TAJBA wara li nkunu fhimna, aċċettajna u għexna din l-aħbar.

Il-Liturġija tal-lum hija ċara:  mingħajr l-Iskrittura u l-Ewkaristija qatt ma nistgħu niftħu għajnejna beraħ għall-messaġġ personali li Kristu għandu għal kull wieħed u waħda minna.

 Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli li jkompli jirrakkonta l-effett immedjat tal-qawmien ta’ Kristu fuq l-Appostli.  Kienet injezzjoni ta’ kuraġġ iżda li skoprewha bil-mod il-mod.  F’din is-silta tal-lum insibu d-diskorsi ta’ Pietru flimkien ma’ l-Appostli li fih hemm l-essenza tal-messaġġ nisrani – inħabbru l-mewt, inxandru l-qawmien tal-Mulej u nistennew il-miġja tiegħu fil-glorja.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ lill-Mulej – il-kenn tagħna – għaliex bil-qawmien tiegħu sibna lkoll ħajja ġdida.  Fit-Tieni Qari tal-lum insibu l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru li jtenni li dak li jiswa jinkiseb bi prezz għoli, kif kien il-prezz li ħallas Kristu għall-ħelsien tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws.  Huwa rakkont li lilna jiftħilna għajnejna għaliex kull wieħed minn jagħmel l-istess mixja ħafna drabi mingħajr ma nindunaw li magħna hemm Ġesù.  Ta’ min jinnota li meta għarfu li kien il-Mulej, spiċċa l-biża’ minn fuqhom, u minkejja li kien il-lejl u d-dlam telqu wara Ġesù.

 Il-Ħajja

1.  Kemm tassew qed nagħmlu mixja ta’ tagħlim ma’ Ġesù permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna?

2.  Kemm għandna għatx tassew biex lil Ġesù nħalluh jimxi magħna u nixorbu mill-għejjun li joffrilna permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija?

3.  Kemm tassew qed jinfetħu għajnejna meta nirċievu l-Ewkaristija?

4.  Id-dixxipli ta’ Għemmaws spiċċa minnhom il-biża’ hekk kif għarfu lil Ġesù.  Għaliex ħafna drabi aħna nibqgħu beżgħana?

 

 Id-Djalogu

Mulej, nitolbuk tgħinni

nagħarfek kull ħin.

 

read more

TEMMEN… MA TEMMINX – it-2 Ħadd tal-Għid, sena A – 12 t’April 2026

April 5, 2026
Caravaggio's The Incredulity of Saint Thomas (1601-2)

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

TEMMEN… MA TEMMINX

Atti 2,42-47; Salm 117; 1 Pietru 1, 3-9; Ġwanni 20,19-31

Il-Vanġelu

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Ħsieb

Henjin dawk li ma rawx u emmnu
Temmen… ma temminx… iddeċidejt.  Għaddew l-erbgħin jum tar-Randan.  L-Għid għadda ġimgħa minn fuqu u inti għadek m’intix deċiż.  Min jaf kemm din il-ġimgħa batejt biex tgħix il-fidi tiegħek.  Min jaf kemm kienu dawk il-mumenti li abbandunajt il-Mulej… min jaf kemm kienu l-mumenti li ddubitajt mill-Mulej.

San Tumas hekk ġralu wkoll … bħall-bniedem tal-lum ried imiss biex jemmen.  U inti li forsi dejjem tiddubita Ġesù qed jistiednek issa mhux biss biex tmissu iżda biex jidħol fik.  L-Ewkaristija huwa l-mument tal-verità li permezz tiegħu l-Mulej jinvadi l-qlub tagħna, il-ħajja tagħna, u jseħħ tassew it-tisħiħ tal-fidi.

Il-Kelma

L-ewwel qari mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli juri li l-għaqda ta’ l-ewwel insara kienet permezz ta’ l-Ewkaristija u t-talb.  Is-Salm 117 itenni li aħna wkoll bħall-ewwel insara għandna nfaħħru lill-Mulej li ġabarna flimkien bħala Nsara.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li nsibu fit-tieni qari, hemm silta li aktarx kienet innu li jingħad waqt il-magħmudija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Kemm it-twelid ġdid u l-ħajja ġdida ġew mogħtija lilna minn Kristu.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-każ ta’ Tumas li ma emminx qabel ra. Ġesù jfaħħar lil dawk li ma rawx u emmnu għax kbira hija l-fidi tagħhom.

IL-Ħajja
  1. Minn fejn tingħaraf il-fidi tiegħek… minn ħajtek?
  2. Kemm tassew għandek fidi f’Alla f’dak kollu li twettaq?
  3. X’tagħmel fil-mument li tonqos il-fidi tiegħek?
  4. Kemm tassew qed tħossok ma’ ħutek l-Insara familja waħda fit-talb u l-Ewkaristija?
Id-Djalogu

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

 

read more

QAM GĦALINA – Ħadd il-Għid – Sena A – 5 t’April 2026

March 29, 2026

Ħadd il-Għid

QAM GĦALINA

Atti 10:34,37-43; Kolossin 3, 1-4; 1 Kor 5: 6b-8; Ġwanni 20,1-9

Il-Vanġelu

     Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

Rubens – The Resurrection of Christ – 1611

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.  Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet.

Il-Ħsieb

L-Għid il-Kbir.  L-akbar festa fil-kalendarju tal-mixja tal-fidi tagħna.  Hija festa li turi li Ħajjet u Kliem Kristu fuq din l-art kienu kliem bis-serjetà.  Importanti għalhekk li llum nifirħu u nirringrazzjaw lil Ġesù għal din ir-rebħa li permezz tagħha AĦNA SIRNA WLIED IR-REBĦA u li l-mewt mhux ser taħkem aktar fuqna.  Importanti għalhekk li nifirħu, ferħ li jiġi għalina li matul ir-Randan nagħrfu li aħna bnedmin dgħajfa u li mingħajr Ġesù ma aħna xejn.  Importanti għalhekk li lkoll kemm aħna nifhmu li r-rebħa ta’ Ġesù kienet rebħa kontra d-dubji u l-inċertezzi tal-ħajja ta’ kuljum, rebħa kontra l-inġustizzji li nsofru, rebħa li tmur ferm ’il bogħod fiż-żmien u teħodna għall-eternità.  ġustifikat għalehkk huwa l-ferħ tagħna llum.

Il-Kelma

L-ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli u jirrakkonta d-diskors ta’ Pietru fejn itenni li l-predikazzjoni tiegħu hija fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù, li huwa l-misteru ta’ l-Għid.  Ma’ dan il-misteru ddur l-istorja kollha ta’ l-Għid u ta’ l-umanità mifdija.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ f’Salm 117 għax dan HUWA L-JUM li għamel il-Mulej.  Fit-tieni qari fl-Ittra lill-Kolossin San Pawl itenni li jekk aħna irxuxtajna ma’ Kristu hemm bżonn li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li flimkien ma’ Marija ta’ Magdala kienu Pietru u Ġwanni l-ewwel xiehda tal-qawmien ta’ Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Tħoss tassew ferħ f’qalbek illum?
  2. Tħoss li pajjiżek huwa s-sema?
  3. Qed tfittex il-ħwejjeġ tas-sema u mhux tad-dinja?
  4. Tħoss li Ġesù kisiblek ir-rebħa?
  5. L-Għid it-tajjeb ifisser li dak li għexna matul ir-Randan issa nkomplu ngħixuh fiċ-ċertezza tar-rebħa ta’ Kristu Rxoxt.
Id-Djalogu

Mulej, rebbieħ fuq il-mewt

għinna nirbħu kontinwament id-difetti tagħna,

biex nifhmu l-kobor tar-rebħ tiegħu.

bħala ulied ir-rebħa.

read more

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin (Sena Ċ) – 8 ta’ Ġunju 2025

May 22, 2025

Għid il-Ħamsin

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’

Atti 2:1-11; Salm 103; 1 Korintin 12,3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23

Il-Vanġelu

   Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

 

Il-Ħsieb

     L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’.  Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu.  Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess.  Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, ħafna drabi nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna.

     Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ.  Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu.

     Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin.  L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu.  L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof.  Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, naraw l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli kif kien iwiegħed Ġesù.  Fit-tieni parti l-Appostli joħorġu jippriedkaw lill-ġnus kollha b’lingwi differenti.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 103, insibu għanja ta’ radd il-ħajr għax permezz tal-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu l-Mulej beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna t-teoloġija ta’ San Pawl dwar l-Ispirtu s-Santu fejn jurina l-għaqda li fiha jrawwimna l-Ispirtu s-Santu.  Tgħammidna fi Spirtu wieħed biex insiru ġisem wieħed.  Din l-għaqda tispikka aktar fil-paċi li l-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu filwaqt li jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu kif insibu fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann illum.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu

     fl-għalqa tiegħu.  Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.

  1. Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-

     Mulej?  Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-

     jiem ta’ ħajjitna.  Qed inwettqu dan?

  1. Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?
  2. L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li

     nkunu ġebel ħaj fil-Knisja.  Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-

     impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum

Id-Djalogu

  Spirtu s-Santu,

  nitolbuk tinżel fina

  biex turina xi trid minna

  sabiex b’għemilna u ħidma

  nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.

 

read more

TELA’ JEW TELAQ? – Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Sena Ċ) – 1 ta’ Ġunju 2025

May 20, 2025

Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema

TELA’  JEW  TELAQ?

Atti 1:1-11, Salm 46;  Efesin 1:17-23, Luqa 24:46-53

 

Il-Vanġelu

      U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.” 

      Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.  Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

 

Il-Ħsieb

     Le, il-Mulej ma telax is-sema u ħalliena waħedna naqdfu għal rasna.  Il-Mulej ma telax fis-sema u ħalliena orfni nitqabdu mal-baħar ta’ ħajjitna.  Il-Mulej tela’ fis-sema u ħalliena xhieda tiegħu.  “Intom xiehda ta’ dan”, tenna.  Mhux biss, iżda sabiex isaħħaħ din ix-xhieda li aħna rridu nagħtu kuljum huwa se jibgħat Difensur biex idawwalna għal dak kollu li ngħidu u nwettqu.  Il-Mulej jibqa’ magħna dejjem, sa l-aħħar taż-żminijiet.  Huwa se jibqa’ jdawwalna bid-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, bil-preżenza tat-Trinità fil-ħajja tagħna, kif ukoll bil-qawwa ta’ l-Ewkaristija.  Dawn huma t-tliet festi li se niċċelebraw fil-Ħdud li ġejjin, proprju biex il-Mulej jurina li ma aħniex orfni.  Anzi aħna xiehda u rridu naħdmu u nkomplu x-xogħol li beda HU.  Ippreparati biex nagħmlu dan?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu li San Luqa jibda r-rakkont tal-ġrajja ta’ l-ewwel Knisja bl-istess rakkont li jagħlaq il-Vanġelu tiegħu, bit-tlugħ tal-Mulej fis-sema.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 46 insibu għanja ta’ ferħ lil Kristu li tela’ s-sema biex joqgħod fil-lemin tal-Missier.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, għandna t-talba ta’ San Pawl biex l-Insara jagħrfu dejjem aktar il-glorja u s-setgħa li biha Alla żejjen lil Ibnu Ġesù Kristu, li permezz ta’ din is-setgħa jimla kollox bil-glorja u s-setgħa tiegħu.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa jagħlaq fl-istess post fejn beda:  fit-tempju, id-dehra ta’ Kristu tiela’ s-sema.  F’dan il-Vanġelu għandna xbieha liturġika fejn Ġesù, bħala l-Qassis il-Kbir, refa’ idejh u berikhom, waqt li l-miġemgħa preżenti, id-dixxipli, inxteħtu fl-art jagħtuh qima.

Il-Ħajja

  1. 1. Intom xhud ta’ dan. Inħossuna xhieda ta’ dan il-messaġġ li rridu nxandru bħala nsara?
  2. Dan huwa t-testment u l-isfida li jagħti Ġesù lilna l-insara. Kemm tassew qed inkunu xhieda tiegħu sa truf l-art?  Kif qed inkunu xhieda tiegħu?  Inħossuh magħna fil-qadi ta’ dmirna?
  3. Ġesù ma ħalliniex waħedna. Se jibgħat Difensur.  Qed nagħmlu kuntatt ma l-Ispirtu s-Santu?
  4. Ġesù ma jridniex nibżgħu u naqtgħu qalbna għax Hu se jibqa’ magħna dejjem. Fl-Ewkaristija hemm preżenza ta’ fejqan u saħħa għal xandir kull ħin tal-kelma tiegħu.  Kemm qed nagħmlu użu minnha?

Id-Djalogu

     Mulej, inti tridna nkunu xhieda tiegħek,

     agħmel, Mulej, li nifhmu

     tassew fejn tridna naħdmu

     biex ma nitbiegħdu qatt

     minn dak li inti tridna nwettqu.

read more

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX! – Is-Sitt Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 25 ta’ Mejju 2025

May 10, 2025

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX!

Atti 15: 1-2, 22-29; Salm 66;  Apokalissi 21:10-14, 22-23; Ġwanni 14, 23-29

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

      “Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.  Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.  Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.  U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu

 

Il-Ħsieb

     Illum Ġesù jagħtina messaġġ ieħor ċar li fuqu għandna nfasslu l-proġetti ta’ ħajjitna.  M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nħobbu lil Ġesù jekk wara ma nħarsux il-kelma tiegħu għaliex hija din il-kelma li tagħtina l-ħajja kull ħin.  Jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u ma nagħtux każ tat-tagħlim u l-kliem tiegħu, ħajjitna tkun bla fil, bla fidi.

     Il-Mulej jaf li s-sitwazzjoni tal-fidi tagħna ħija waħda prekarja.  Jaf li ħafna drabi nwegħdu ħafna iżda wara ma nagħmlu xejn.  Ħafna drabi lill-Mulej nuruh biss li nħobbuh bil-kliem biss. Huwa għalhekk importanti li fid-dgħufija tagħna l-Mulej jibgħatilna Difensur li jsaħħaħna fl-għajxien kuljum tal-fidi tagħna fil-pożizzjoni li għandna fis-soċjetà.  U dan jgħodd għal kulħadd, kemm min iġorr responsabbiltà ta’ familja kif ukoll dawk li jġorru responsabbiltajiet ta’ tmexxija għolja fil-pajjiż.

     Id-Difensur li se jibgħatilna jgħallimna kollox u jfakkarna dak kollu li Ġesù qalilna.  Din hija l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li se jdawwal il-Knisja u jdawwal il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Iżda kemm tassew aħna konvinti minn dan?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn insibu li fil-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet kienet qamet kwistjoni dwar jekk il-pagani li jikkonvertu għandhomx jgħaddu mir-riti tar-reliġjon Lhudija.  Il-Knisja ta’ Antijokja għaddietha lill-knisja f’Ġerusalemm u sar l-ewwel Konċilju li stieden lil kulħadd għall-għaqda u l-imħabba, għax fil-Knisja ma jeżistux Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu  Ġesù.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 66, jurina li għaliex aħna magħqudin ma’ Kristu għandna sehem mill-barkiet imwegħda fl-imgħoddi minn Kristu nnifsu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, jittratta s-sbuħija tal-Knisja u jħares lejha meta tilħaq il-milja tagħha fis-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum għandna lil Ġesù jgħid li Alla nnifsu jiġi joqgħod fina meta aħna lkoll inwettqu l-kelma tiegħu.  Hija l-preżenza Trinitarja li tmexxina.  Din hija l-imħabba kbira li Ġesù jwiegħed lilna jekk inħobbuh bil-fatti u bl-għemejjel tagħna.

Il-Ħajja

  1. Ilkoll kemm aħna ntennu li nħobbu lil Ġesù. Din mhix risposta għal domanda li konna nwieġbu fil-klassi tal-katekiżmu.  Hija d-domanda għall-ħajja tagħna lkoll.  Kemm tassew qed nemmnu u nwettqu din l-imħabba fl-għemejjel tagħna ta’ kuljum?
  2. Irridu bħala Nsara nitolbu u naħdmu għall-unità fil- Knisja. Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm ġie mtenni li fil-Knisja m’hemmx Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu.  Qed naħdmu u nitolbu bħala Nsara għal dan?
  3. Ġesù jwiegħed Difensur biex jgħinna nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla. Kemm qed nitolbu u niddjalogaw ma’ dan id-Difensur?
  4. “Tħallux li qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’.” Kif nistgħu nagħmlu dan jekk tassew ma jkunx hemm il-preżenza ta’ Alla l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fina?
  5. M’għandniex triq oħra… jekk tassew irridu nħobbu lill-Mulej irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu u jkollna l-ħajja bil-kotra.

Id-Djalogu

  Mulej, illum stedintna biex

  ma nitħawdux u ma nibżgħux;

  taf li aħna bnedmin.

  Għinna sabiex naċċettaw aktar il-kelma tiegħek,

  u ngħixu ħajjitna miegħek

  sabiex tkun dejjm magħna.

read more