ghid

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin (Sena Ċ) – 8 ta’ Ġunju 2025

May 22, 2025

Għid il-Ħamsin

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’

Atti 2:1-11; Salm 103; 1 Korintin 12,3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23

Il-Vanġelu

   Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

 

Il-Ħsieb

     L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’.  Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu.  Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess.  Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, ħafna drabi nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna.

     Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ.  Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu.

     Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin.  L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu.  L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof.  Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, naraw l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli kif kien iwiegħed Ġesù.  Fit-tieni parti l-Appostli joħorġu jippriedkaw lill-ġnus kollha b’lingwi differenti.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 103, insibu għanja ta’ radd il-ħajr għax permezz tal-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu l-Mulej beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna t-teoloġija ta’ San Pawl dwar l-Ispirtu s-Santu fejn jurina l-għaqda li fiha jrawwimna l-Ispirtu s-Santu.  Tgħammidna fi Spirtu wieħed biex insiru ġisem wieħed.  Din l-għaqda tispikka aktar fil-paċi li l-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu filwaqt li jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu kif insibu fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann illum.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu

     fl-għalqa tiegħu.  Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.

  1. Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-

     Mulej?  Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-

     jiem ta’ ħajjitna.  Qed inwettqu dan?

  1. Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?
  2. L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li

     nkunu ġebel ħaj fil-Knisja.  Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-

     impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum

Id-Djalogu

  Spirtu s-Santu,

  nitolbuk tinżel fina

  biex turina xi trid minna

  sabiex b’għemilna u ħidma

  nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.

 

read more

TELA’ JEW TELAQ? – Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Sena Ċ) – 1 ta’ Ġunju 2025

May 20, 2025

Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema

TELA’  JEW  TELAQ?

Atti 1:1-11, Salm 46;  Efesin 1:17-23, Luqa 24:46-53

 

Il-Vanġelu

      U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.” 

      Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.  Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

 

Il-Ħsieb

     Le, il-Mulej ma telax is-sema u ħalliena waħedna naqdfu għal rasna.  Il-Mulej ma telax fis-sema u ħalliena orfni nitqabdu mal-baħar ta’ ħajjitna.  Il-Mulej tela’ fis-sema u ħalliena xhieda tiegħu.  “Intom xiehda ta’ dan”, tenna.  Mhux biss, iżda sabiex isaħħaħ din ix-xhieda li aħna rridu nagħtu kuljum huwa se jibgħat Difensur biex idawwalna għal dak kollu li ngħidu u nwettqu.  Il-Mulej jibqa’ magħna dejjem, sa l-aħħar taż-żminijiet.  Huwa se jibqa’ jdawwalna bid-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, bil-preżenza tat-Trinità fil-ħajja tagħna, kif ukoll bil-qawwa ta’ l-Ewkaristija.  Dawn huma t-tliet festi li se niċċelebraw fil-Ħdud li ġejjin, proprju biex il-Mulej jurina li ma aħniex orfni.  Anzi aħna xiehda u rridu naħdmu u nkomplu x-xogħol li beda HU.  Ippreparati biex nagħmlu dan?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu li San Luqa jibda r-rakkont tal-ġrajja ta’ l-ewwel Knisja bl-istess rakkont li jagħlaq il-Vanġelu tiegħu, bit-tlugħ tal-Mulej fis-sema.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 46 insibu għanja ta’ ferħ lil Kristu li tela’ s-sema biex joqgħod fil-lemin tal-Missier.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, għandna t-talba ta’ San Pawl biex l-Insara jagħrfu dejjem aktar il-glorja u s-setgħa li biha Alla żejjen lil Ibnu Ġesù Kristu, li permezz ta’ din is-setgħa jimla kollox bil-glorja u s-setgħa tiegħu.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa jagħlaq fl-istess post fejn beda:  fit-tempju, id-dehra ta’ Kristu tiela’ s-sema.  F’dan il-Vanġelu għandna xbieha liturġika fejn Ġesù, bħala l-Qassis il-Kbir, refa’ idejh u berikhom, waqt li l-miġemgħa preżenti, id-dixxipli, inxteħtu fl-art jagħtuh qima.

Il-Ħajja

  1. 1. Intom xhud ta’ dan. Inħossuna xhieda ta’ dan il-messaġġ li rridu nxandru bħala nsara?
  2. Dan huwa t-testment u l-isfida li jagħti Ġesù lilna l-insara. Kemm tassew qed inkunu xhieda tiegħu sa truf l-art?  Kif qed inkunu xhieda tiegħu?  Inħossuh magħna fil-qadi ta’ dmirna?
  3. Ġesù ma ħalliniex waħedna. Se jibgħat Difensur.  Qed nagħmlu kuntatt ma l-Ispirtu s-Santu?
  4. Ġesù ma jridniex nibżgħu u naqtgħu qalbna għax Hu se jibqa’ magħna dejjem. Fl-Ewkaristija hemm preżenza ta’ fejqan u saħħa għal xandir kull ħin tal-kelma tiegħu.  Kemm qed nagħmlu użu minnha?

Id-Djalogu

     Mulej, inti tridna nkunu xhieda tiegħek,

     agħmel, Mulej, li nifhmu

     tassew fejn tridna naħdmu

     biex ma nitbiegħdu qatt

     minn dak li inti tridna nwettqu.

read more

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX! – Is-Sitt Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 25 ta’ Mejju 2025

May 10, 2025

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX!

Atti 15: 1-2, 22-29; Salm 66;  Apokalissi 21:10-14, 22-23; Ġwanni 14, 23-29

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

      “Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.  Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.  Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.  U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu

 

Il-Ħsieb

     Illum Ġesù jagħtina messaġġ ieħor ċar li fuqu għandna nfasslu l-proġetti ta’ ħajjitna.  M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nħobbu lil Ġesù jekk wara ma nħarsux il-kelma tiegħu għaliex hija din il-kelma li tagħtina l-ħajja kull ħin.  Jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u ma nagħtux każ tat-tagħlim u l-kliem tiegħu, ħajjitna tkun bla fil, bla fidi.

     Il-Mulej jaf li s-sitwazzjoni tal-fidi tagħna ħija waħda prekarja.  Jaf li ħafna drabi nwegħdu ħafna iżda wara ma nagħmlu xejn.  Ħafna drabi lill-Mulej nuruh biss li nħobbuh bil-kliem biss. Huwa għalhekk importanti li fid-dgħufija tagħna l-Mulej jibgħatilna Difensur li jsaħħaħna fl-għajxien kuljum tal-fidi tagħna fil-pożizzjoni li għandna fis-soċjetà.  U dan jgħodd għal kulħadd, kemm min iġorr responsabbiltà ta’ familja kif ukoll dawk li jġorru responsabbiltajiet ta’ tmexxija għolja fil-pajjiż.

     Id-Difensur li se jibgħatilna jgħallimna kollox u jfakkarna dak kollu li Ġesù qalilna.  Din hija l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li se jdawwal il-Knisja u jdawwal il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Iżda kemm tassew aħna konvinti minn dan?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn insibu li fil-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet kienet qamet kwistjoni dwar jekk il-pagani li jikkonvertu għandhomx jgħaddu mir-riti tar-reliġjon Lhudija.  Il-Knisja ta’ Antijokja għaddietha lill-knisja f’Ġerusalemm u sar l-ewwel Konċilju li stieden lil kulħadd għall-għaqda u l-imħabba, għax fil-Knisja ma jeżistux Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu  Ġesù.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 66, jurina li għaliex aħna magħqudin ma’ Kristu għandna sehem mill-barkiet imwegħda fl-imgħoddi minn Kristu nnifsu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, jittratta s-sbuħija tal-Knisja u jħares lejha meta tilħaq il-milja tagħha fis-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum għandna lil Ġesù jgħid li Alla nnifsu jiġi joqgħod fina meta aħna lkoll inwettqu l-kelma tiegħu.  Hija l-preżenza Trinitarja li tmexxina.  Din hija l-imħabba kbira li Ġesù jwiegħed lilna jekk inħobbuh bil-fatti u bl-għemejjel tagħna.

Il-Ħajja

  1. Ilkoll kemm aħna ntennu li nħobbu lil Ġesù. Din mhix risposta għal domanda li konna nwieġbu fil-klassi tal-katekiżmu.  Hija d-domanda għall-ħajja tagħna lkoll.  Kemm tassew qed nemmnu u nwettqu din l-imħabba fl-għemejjel tagħna ta’ kuljum?
  2. Irridu bħala Nsara nitolbu u naħdmu għall-unità fil- Knisja. Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm ġie mtenni li fil-Knisja m’hemmx Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu.  Qed naħdmu u nitolbu bħala Nsara għal dan?
  3. Ġesù jwiegħed Difensur biex jgħinna nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla. Kemm qed nitolbu u niddjalogaw ma’ dan id-Difensur?
  4. “Tħallux li qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’.” Kif nistgħu nagħmlu dan jekk tassew ma jkunx hemm il-preżenza ta’ Alla l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fina?
  5. M’għandniex triq oħra… jekk tassew irridu nħobbu lill-Mulej irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu u jkollna l-ħajja bil-kotra.

Id-Djalogu

  Mulej, illum stedintna biex

  ma nitħawdux u ma nibżgħux;

  taf li aħna bnedmin.

  Għinna sabiex naċċettaw aktar il-kelma tiegħek,

  u ngħixu ħajjitna miegħek

  sabiex tkun dejjm magħna.

read more

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA – It-5 Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 18 ta’ Mejju 2025

May 5, 2025

It-5 Ħadd tal-Għid

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA

Atti 14:21-27; Salm 144; Apokalissi 21:1-5; Ġwanni 13:31-33a,34-35

Il-Vanġelu

      Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla.  Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.  Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”

 

Il-Ħsieb

     Fil-mixja tagħna wara l-qawmien tiegħu mill-mewt Ġesù jibqa’ jwasslilna messaġġi għal bidliet radikali fil-ħajja tagħna.  Il-mumenti tal-Passjoni, Mewt u Qawmien li wettaq għall-umanità kollha, Ġesù wettaqhom mhux bi dmir iżda biex juri lill-umanità sa fejn tasal l-imħabba lejn min tkun tħobb.  Fil-ħajja tagħna jgħaddu mumenti li nħobbu lin-nies, iżda kemm huma dawk il-mumenti li tassew nagħrfu li qed inħobbu b’dik l-imħabba li ppriedka Ġesù, imħabba bbażata fuq ġrajjiet li xi kultant iweġġgħu biex tgħaddi minnhom iżda li twettaqhom minħabba li inti tħobb lil Ġesù jew lill-proxxmu tiegħek?

     Il-Mulej qed jagħti dan il-kmandament ġdid wara li ħareġ miċ-ċenaklu u qabel ma jibda l-passjoni.  Kien jaf x’inhu ġej.  Kien jaf li l-Appostli se jitwerwru.  Ried iħalli testment li għadu validu sa llum.  Iżda kemm tassew nafu nħobbu aħna?  Kemm tassew qed inħobbu mingħajr interess ta’ xejn?  Tieħu gost tara l-ħidmiet fis-soċjetà tagħna:  lill-ħaddiem li jaqdi dmiru sew fuq il-post tax-xogħol, lill-ulied li jħobbu lill-ġenituri tagħhom, lil tant nies li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat kuljum għax iħobbu, tant reliġjużi li jħallu l-familja tagħhom biex jingħaqdu f’komunità għall-ġid ta’ ħuthom il-bnedmin.  Iridu nħobbu kif ħabbna Hu!

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn għandna r-rakkont tat-tmiem ta’ l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba u kif dawn reġgħu lura u żaru l-komunitajiet ta’ dawk l-insara li laqgħu l-Kelma ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, juri li l-Mulej huwa tajjeb u ħanin.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, għandna dehra ta’ Ġerusalemm tas-sema li se tiġbor fiha, permezz tal-ġebel ħaj tagħha, lil dawk li għaddew mhux mill-baħar tal-qasab jew mill-Ġordan iżda mill-baħar tal-ħażen u minn ħafna tbatijiet biex jingħaqdu ma’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jagħmel l-aħħar diskors tiegħu lill-Appostli qabel iħallihom.  Huwa jgħidilna xi tfisser tħobb.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej ħabbna mingħajr limiti! Tana Ġismu u Demmu.  ċarċar sa l-aħħar qatra ta’ demmu…. jiena u inti nħobbuh?
  2. Kemm tassew qed inħobbu kuljum lil Ġesù fil-proxxmu tagħna? Qed inħossu l-preżenza tiegħu f’nofsna bix-xhieda tagħna?
  3. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” Qed jagħrfuna n-nies ta’ madwarna li aħna tassew dixxipli.
  4. L-imħabba lejn Ġesùtidher ukoll mill-imħabba u l-ħidma fil-Knisja mwaqqfa minnu u fis-soċjetà tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej Ġesù

  għallimni nħobb tassew,

  u ma nagħmilx karikatura

  mill-imħabba lejn il-proxxmu tiegħi.

  Grazzi ta’ mħabbtek, Mulej!

read more

LEĦEN IS-SEWWA – Ir-4 Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 11 ta’ Mejju 2025

April 27, 2025

Ir-4 Ħadd ta’ l-Għid

LEĦEN IS-SEWWA

Atti 13:14, 43-52; Salm 99; Apokalissi 7,9 14B-17; Ġwanni 10:27-30

Il-Vanġelu

      F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.  Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.”

 

Il-Ħsieb

     Kemm nisimgħu ħsejjes fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Ħsejjes li ħafna drabi mhux biss jagħmlulek uġigħ ta’ ras iżda jaljenawk minn dak li tkun se tiddeċiedi fil-ħajja tiegħek.  Ħsejjes li jbegħduk minn mument ta’ mistrieħ u riflessjoni.  Il-Mulej qed jagħmlilna stedina-sfida biex nisimgħu leħnu.  Hija stedina iżda fl-istess ħin sfida, għax ħafna drabi fil-ħajja nagħmlu li r-relazzjoni tagħna mal-Mulej tkun one-way traffic: li ngħidu aħna biss huwa tajjeb, speċjalment meta nkunu daharna mal-ħajt u nitolbu xi ħaġa mingħand il-Mulej.

     Il-Mulej itenni llum li huwa “jagħtina l-ħajja ta’ dejjem” u “ma jridna li nintilfu qatt!” Din hija realtà importanti li nżommu f’qalbna l-jiem kollha ta’ ħajjitna.  Il-Mulej iridna nisimgħu leħnu, nimxu warajh u jkollna l-ħajja ta’ dejjem.  Tliet mumenti importanti, tliet mumenti li fihom programm ta’ ħajja.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn naraw li fit-tixrid tal-kelma ta’ Alla l-Appostli jiltaqgħu ma’ persekuzzjonijiet mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa tal-Knisja.  Pawlu u Barnaba jtennu li quddiem ir-rifjut tal-Lhud għall-kelma ta’ Alla se jduru għal fuq  il-pagani.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 99, huwa għajta ta’ ferħ għax aħna lkoll il-poplu tal-Mulej.  Fit-Tieni Qari mill-Apokalissi, nisimgħu dwar id-dehra msejħa tas-seba’ siġilli, li ssemmi l-kotra ta’ nies mifdija bil-konsegwenza li turi li s-salvazzjoni hija għal kulħadd.  Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, juri li Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jagħraf in-ngħaġ tiegħu.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej huwa r-Ragħaj tagħna. Qed jistedinna biex:

a) nisimgħu leħnu

b) niġu magħrufa minnu

c) niġu mogħtija l-ħajja minn Ġesù

d) ma nintilfu qatt.

  1. Il-ħajja ta’ kuljum tista’ twassalna biss għad-disperazzjoni jekk inwarrbu minn ħajjitna l-kelma ta’ Alla.
  2. Is-sens ta’ direzzjoni fl-istess ħajjitna rridu nsibuh biss fil-leħen ta’ Ġesù Kristu.
  3. Irridu nfittxu li x-xhieda tkun miftuħa għas-salvazzjoni tal-popli kollha mingħajr eċċezzjoni ta’ ħadd.
  4. Il-Mulej jgħidilna ċar u tond li huwa biss jista’ jkun il-kenn tagħna lkoll.

Id-Djalogu

  Nitolbuk, o Ġesù,

  li jkollna l-kuraġġ nisimgħu l-leħen tiegħek,

  li jagħti direzzjoni għal ħajjitna

  u nwettqu dak li trid inti.

read more

IX-XIBKA – IL-ĦUT – L-IMĦABBA – It-3 Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 4 ta Mejju 2025

April 23, 2025

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

IX-XIBKA – IL-ĦUT – L-IMĦABBA

Atti 5:27b-32; 40b-41; Salm 29; Apokalissi 5:11-14; Ġwanni 21:1-14

Il-Vanġelu

      Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk:  Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu  t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien,  u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu  d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.  Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù.   Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le,” weġbuh.  Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!  Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar.   Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq  mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.  Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.  Qalilhom Ġesù: “Newwlu ‘l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.”  Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.  Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.” Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.  Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. 

 

Il-Ħsieb

     Għaddejjin mill-perjodu ta’ l-Għid, perjodu liturġiku qawwi għall-knisja u għal dawk kollha li jemmnu.  Għaliex?  Għaliex huwa mument li fih tissaħħaħ il-fidi tagħna, fidi li ħafna drabi tkun imxekkla minn tant  dubji, fidi li ma nkunux nistgħu ngħixuha jekk ma nintelqux kompletament f’idejn ir-rieda ta’ Alla.  Mhux nintelqu u ma nagħmlu xejn iżda nintelqu biex ilkoll nagħarfu li Alla jħobbna.  Għal darba oħra Ġesù Rxoxt jinsab ħdejn id-dixxipli tiegħu.  Ġesù jagħmlilhom kuraġġ u qiegħed f’nofshom biex iservihom, l-ewwel bil-miraklu tal-qabda tal-ħut u wara billi newlilhom il-ħobż u qassamulhom.  Ġesù jistaqsi wkoll lil Pietru jekk iħobbux.  Ġesù jagħlaq billi jenfasizza l-kliem:  EJJA WARAJJA.  Dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ Ġesù.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nemmnu aktar f’Ġesu u nimxu warajh mhux biss meta jfettlilna iżda tkun għażla ta’ ħajjitna, għażla li Ġesù stess jgħinna nwettquha.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli.  Huwa rakkont li fih naraw li l-Appostli, minkejja t-tiġrib u l-persekuzzjonijiet, ma setgħux iżommu għalihom biss il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.  Din hija l-Aħbar it-Tajba;  hu d-dmir ta’ kull dixxiplu ta’ Kristu li jxandarha.  Is-Salm Responsorjali, li ntennu fis-Salm 29, huwa għanja lill-Mulej għax ħelisna mid-dnub u reġa’ tana l-ħajja.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi, għandna l-viżjoni ta’ Ġwanni tal-liturġija tas-sema li tiġbor fiha l-AMEN (il-qima) ta’ kulħadd:  anġli, bnedmin u ħlejjaq kollha.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna d-dehra ta’ Ġesu lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija.  Hija dehra li fiha Ġesù juri li għadu jieħu ħsieb lid-dixxipli u jrid jimliehom bil-kuraġġ.  Is-sejħa lil Pietru IMXI WARAJJA jagħmilha wara li għal tliet darbiet staqsieh jekk iħobbux.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej qam mill-imwiet biex aħna ma mmutux. Huwa qiegħed iservina kuljum fl-Ewkaristija.
  2. Kemm tassew qed nagħtuh qima bl-AMEN tagħna kuljum? Kemm tassew qed intennulu grazzi għal dak kollu li jagħmel għalina bil-preżenza ħajja u qawwija tiegħu magħna kull ħin?
  3. “Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija. Mulej, kun l-għajnuna tiegħi.”  Hekk tennejna fis-Salm Responsorjali tal-lum.  Kemm tassew qed infittxuh lill-Mulej għall-għajnuna tagħna?
  4. Il-Mulej jistaqsi lil Pietru jekk iħobbux u wara jgħidlu biex jimxi warajh. Lilna qed jagħmlilna l-istess proposta.  X’se tkun it-tweġiba tagħna?
  5. Hemm bżonn li nifhmu li lkoll għandna missjoni li nxandru l-bxara li Kristu qam biex aħna nibqgħu ħajjin.

Id-Djalogu

  Mulej, għinna biex ilkoll kemm aħna

  nifhmu li l-qawmien tiegħek fuq il-mewt

  huwa l-Aħbar it-Tajba

  li rridu nxandru kuljum, kull ħin

  b’għemilna u ħidmietna,

  Hallelujah.

read more

MA EMMINX – MA NEMMNUX! – It-2 Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 27 t’April 2025

April 21, 2025
Caravaggio's The Incredulity of Saint Thomas (1601-2)

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

MA EMMINX – MA NEMMNUX!

Atti 5:12-16; Salm 117; Apokalissi 1,9-11a,12-13, 17-19; Ġwanni 20:19-31

Il-Vanġelu

 Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” 

      Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”  Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”  Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

     Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

 

Il-Ħsieb

     L-Appostli kienu mwerwra magħluqa fiċ-ċenaklu mal-Madonna.  Min jaf kemm aħna konna mwerwra wkoll f’xi mument ta’ ħajjitna nixhdu li aħna nsara?  Fuq il-post tax-xogħol, l-iskola jew fl-istess familji tagħna kemm stajna konna ta’ eżempju u minflok bżajna għax jgħidulna li aħna “qaddisin”?  Il-verità hija li llum tistħi tkun moralment tajjeb quddiem dinja li sfaċċatament tisħet lil Kristu!  Ħafna drabi, minkejja li aħna nsara, ngħixu mimlijin suspetti u biża’.  Il-Mulej jiġi fostna, anzi l-Mulej jiġi fina, biex jiżra’ fina fiduċja u qawwa.  Għalfejn ma nitqawwewx bil-kuraġġ biex inkunu nistgħu nxandruh ma’ l-oħrajn?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli u jirrakkonta l-għajxien ta’ l-insara fejn jibdew jiltaqgħu u jaċċettaw lil kulħadd.  Hekk tissawwar il-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet.  Kristu jibqa’ juri l-preżenza tiegħu f’dawn il-komunitajiet.  Is-Salm Responsorjali, Salm 117, huwa għanja ta’tifħir lill-Mulej għaliex huwa tajjeb.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Apokalissi, San Ġwann jibgħat ittra lill-Knejjes ta’ l-Asja Minuri u jtenni kif Kristu Rxoxt jidher f’Jum il-Mulej, f’nofs il-Knisja u bil-qawwa kollha tiegħu.  Fl-Evanġelju, meħud minn San Ġwann, għandna waħda mid-dehriet ta’ Ġesù lill-Appostli tiegħu wara li qam mill-imwiet.  Huwa importanti d-djalogu li jagħmel ma’ Tumas li ma emminx qabel ma ra.

Il-Ħajja

  1. Qed ngħixu l-passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù. Kemm tassew nifed il-ħajja tagħna dan il-misteru?  Kemm tassew qiegħed iċaqlaq il-qlub tagħna u jimliena bil-kuraġġ biex nemmnu fi Kristu u nagħtu x-xhieda li jistenna minna u mhux ningħalqu u nistaħbew?
  2. Kemm, f’dawn il-jiem, qed infaħħru lill-Mulej għas-salvazzjoni u d-dawl li kisbilna għall-eternita?
  3. Kemm għandna għatx bħal dak ta’ Ġwanni, kif smajna fit-Tieni Qari tal-lum, biex immorru nxandru l-kelma tiegħu mingħajr waqfien?
  4. L-ewwel komunitajiet insara kienu jintgħarfu mill-ewwel mill-imħabba li kellhom għal xulxin. Għadha tidher fil-komunitajiet insara tagħna llum din l-imħabba?  Qegħdin nagħtu s-sehem tagħna biex dan iseħħ?
  5. “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”. Għalina x’qed jgħid Ġesù?

Id-Djalogu

  Mulej, saħħaħ fina l-fidi,

  għinna biex ma nibżgħux!

  Kattar fina l-għaqda fil-komunitajiet tagħna

  fl-għajxien u x-xhieda li nagħtu

  Amen.  Hallelujah.

read more

QAWMIEN LI JAGĦTI GARANZIJA – L-Għid il-Kbir – 20 t’April 2025

April 19, 2025

Il-Jum Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet

QAWMIEN  LI  JAGĦTI  GARANZIJA

Atti 10:34a, 37-43; Salm 117; Kolossin 3:1-4; Ġwanni 20:1-9

Il-Vanġelu

      Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”  Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.  It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.  Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm,  u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.  Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

 

Il-Ħsieb

     Il-Mulej qam tassew.  Il-kliem tiegħu saru ġrajja ta’ ferħ għall-umanità kollha.  Is-salvazzjoni feġġet u ssaħħet bil-qawmien
tiegħu fuq il-mewt.  Din hija l-akbar ġrajja u garanzija għalina li l-Mulej qam tassew mill-imwiet biex iqajjem lilna mill-mewt, mid-dnubiet, mill-medjokrità tal-ħajja.  Iżda aħna, bħala Nsara, konvinti li dan il-qawmien Ġesù kisbu mhux għalih iżda għalina?  Kisbu biex jagħtina garanzija li lkoll kemm aħna nistgħu niksbu l-qawmien wara din il-ħajja permezz ta’ l-għajxien u l-fiduċja tagħna fih?  Kemm tassew aħna nies li qed nemmnu li Ġesù qam tassew u jimxi magħna kuljum fil-ħajja tagħna f’dak kollu li nwettqu, u nagħmlu dak li qalilna u li nsibu fil-kelma li tagħti l-ħajja fil-Vanġelu?  Iva, illum huwa jum kbir ta’ ferħ għal dawk kollha li tassew qed jgħixu l-fidi nisranija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Il-Kelma

     L-ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.  Jirrakkonta l-ġrajja tal-predikazzjoni ta’ l-appostlu li hija bbażata fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Kristu, li fih huwa miġbur il-misteru ta’ l-Għid.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 117, hija għajta ta’ ferħ lill-Mulej li fih insibu tjieba li tibqa’ għal dejjem.  It-Tieni Qari, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, għandna stedina li, jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu fil-ħajja tagħna, irridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema, u għalhekk hemm bżonn li ma nintrabtux mal-ħwejjeġ ta’ l-art.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dehra ta’ Ġesù lid-dixxipli ta’ Għemmaws.  Kienu dixxipli mbeżżgħin iżda malli għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż tar il-biża’ minn fuqhom.

Il-Ħajja

  1. Id-dixxipli ta’ Għemmaws ma fehmux l-Iskrittura. Kienu mbeżżgħin.  Iżda neħħew kull biża’ kif għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-Ħobż.  Possibbli li aħna li mmorru tant quddies nibqgħu mbeżża’ nuru li tassew aħna nsara?
  2. Kemm tassew illum, l-GĦID IL-KBIR, irringrazzjajna lill-Mulej tal- qawmien-garanzija li huwa tana li aħna m’aħna se mmutu qatt?
  3. Ġesù jridna nxandru dan il-qawmien lil dawk ta’ madwarna. Kif se timpenja ruħek mil-lum ’il quddiem biex tħeġġeġ u xxandar lill-familja tiegħek, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, li Ġesù qam tassew?
  4. L-Għid huwa wkoll il-festa li turina li l-kliem tal-Mulej huwa verità assoluta għal ħajjitna. Nistgħu nagħmlu wegħda magħna nfusna li ndaħħlu aktar il-Kelma ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna?
  5. Kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra lill-Kolossin: Hemm bżonn urġenti għalina li naħsbu u nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema u mhux nintrabtu ma dawk ta’ l-art.

Id-Djalogu

  Grazzi Mulej

  tal-qawmien li għoġbok toffrilna.

  Grazzi Mulej

  li qajjimtna miegħek sabiex nikbru fil-kuraġġ

  ta’ għajxien ħaj tal-fidi tagħna.

read more

FLIMKIEN GĦALINA – Festa tat-Trinità Mqaddsa [B] – Il-Ħadd 26 ta’ Mejju 2024

May 25, 2024

Festa tat-Trinità Mqaddsa

FLIMKIEN GĦALINA

Dewteronomju 4,32-34,39-40; Salm 32; Rumani 8: 14-17; Mattew 28: 16-20

Il-Vanġelu

     Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

Il-Ħsieb

 

U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien
    Il-festa tat-Trinità li niċċelebraw Ħadd wara l-festa ta’ Pentekoste forsi ftit li xejn tqajjem fina interess u devozzjoni.  Hija festa li lkoll kemm aħna niċċelebraw forsi mingħajr ma nifhmu.  Xi wħud qed jgħidu u jserrħu l-kuxjenza tagħhom:  it-Trinità hi misteru;  Mela xi rridu nifhmu minnha?  Hemm ħafna x’tifhem; s’intendi mhux il-misteru għax inkella ma jissejjaħx iżjed misteru.  Nifhmu li t-Trinita Mqaddsa qiegħda għas-servizz tagħna lkoll.  It-Trinità Mqaddsa qiegħda hemm biex ilkoll kemm aħna nifhmu l-preżenza trinitarja mhux biss fid-dinja iżda b’mod personali fina lkoll.  Tliet persuni f’Alla wieħed, bl-unika missjoni li hi l-imħabba lejna b’mod uniku u personali.  Il-Missier bħala l-Ħallieq ta’ l-Univers, li bagħat lil Ibnu biex isalvana mill-ġdid u l-Ispirtu s-Santu d-Difensur biex jissiġilla din l-imħabba.  Il-miraklu ta’ kuljum m’huwiex misteru.  Hu miraklu li l-ħajja tagħna hija mmarkata minn dawn it-Tliet Persuni b’ħidma ta’ Alla wieħed.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, insibu li Alla fil-ġrajja tal-bniedem wera ruħu bil-kliem u bl-għemil bħala Alla li jeħles lill-bniedem mill-jasar u li jagħmel Patt miegħu.  It-tweġiba li jistenna Alla hija li nħobbu u nobdu l-kmandamenti tiegħu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 32 li huwa Salm ta’ tifħir għax il-Mulej għażel poplu għalih biex iwettaq il-pjan ta’ salvazzjoni għall-ġnus kollha.

     San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, fit-Tieni Qari tal-lum, jagħtina s-servizz li t-Trinita Mqaddsa wettqet u twettaq kuljum għall-umanità.  Ulied Alla tassew huma dawk li l-Missier ħalaq u jħobb, li l-Iben feda u li l-Ispirtu s-Santu jmexxihom biex fihom ikomplu l-ħajja u l-missjoni ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu s-silta, li tagħlaq dan il-Vanġelu, fejn Ġesù juri li permezz tat-Trinita Mqaddsa dawk kollha li jemmnu jkunu magħquda mal-poplu ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Bħala Nisrani qatt ħassejt fil-ħajja tiegħek preżenza ħajja tat-Trinità Mqaddsa?  Kemm temmen fiha kull darba li trodd is-Salib:  Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu?
  1. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma lkoll flimkien fil-qadi ta’ l-umanità, fil-qadi tal-ħajja personali tiegħi u tiegħek.  Kemm qed nifhmu dan?  Kemm qed nitolbu lilhom bil-qalb?
  1. Ilkoll kemm aħna rridu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nitkellmu fl-Isem tal-Missier, ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba fid-dinja tagħna.

Id-Djalogu

  Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu

  l-imħabba ta’ Alla,

  u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu,

  tkun magħna lkoll.

read more

IL-MIĠJA TAD-DIFENSUR – Għid il-Ħamsin – Il-Ħadd 19 ta’ Mejju 2024

May 11, 2024

Festa ta’ Għid il-Ħamsin

IL-MIĠJA TAD-DIFENSUR

Qari: Atti (2: 1-11)
Salm Responsorjali: Salm 103
II Qari: Galatin (5: 16-25)
Sekwenza
Evanġelju: Ġwann (15: 26-27; 16: 12-15)

 

 

Evanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu. Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”

 

Il-Ħsieb

Sfiduċjati!  Kemm-il darba aħna l-Insara nħossuna sfiduċjati minn dawk ta’ madwarna.  Iżolati! Kemm-il darba nħossuna waħedna anki fl-istess komunità ekkleżjali u parrokkjali tagħna.  Huma mumenti ta’ dlam, mogħdijiet ta’ dlamijiet li jkollna ngħaddu minnhom u l-fidi tagħna tbati magħna.  Xi kultant inħossuna nagħżqu fl-ilma.  Il-Mulej daħal fl-istorja tagħna u għaraf l-umanità fraġli tagħna.  Għalhekk bagħtilna DIFENSUR.  Bagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħ fina l-għemil tagħna.  Fil-fatt mill-Vanġelu tal-lum naraw li l-ewwel ħaġa li jwettaq il-Mulej Ġesù kif jidher lill-Appostli huwa li jagħtihom il-paċi filwaqt li jurihom idejh.  Il-paċi, ried jgħidilhom Ġesù, ma tiġix mix-xejn; trid tbati għaliha kif għamel Hu fuq is-Salib.  Huwa wara tahom is-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inaddfu d-dnubiet tal-popli.  Il-festa tal-lum tista’ titqies bħala l-magħmudija tal-Knisja – il-mument fejn il-Bxara

t-Tajba bis-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu bdiet titwassal lill-ġnus kollha.  L-Appostli mtlew b’kuraġġ kbir.

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna żewġ siltiet.  Fl-ewwel waħda l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u t-tieni waħda hija kif diversi ġnus bdew jisimgħu l-Aħbar it-Tajba mingħand l-Appostli u jikkonvertu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 103 fejn għandna l-ħsieb li bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu Alla beda jġedded kollox.

 

Il-Ħajja

  1. Il-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u fuqna lkoll

hija konferma li l-wegħdiet tiegħu l-Mulej iżommhom.

  1. Ilkoll kemm aħna għandna dan id-DIFENSUR li jħarisna

u jilluminana kontinwament.  Iżda kemm nitolbuh lill-

Ispirtu s-Santu?

  1. L-Ispirtu s-Santu jagħmilna lkoll ġisem wieħed. Kemm

qegħdin nagħrfu din il-qawwa li tinsab fina?

  1. Il-festa tal-Pentekoset trid tiftħilna għajnejna dwar il-

qawwa li aħna l-Insara għandna tal-possibiltà kbira ta’

maħfra li jagħtina l-Mulej biex inaddafna kull ħin.

 

Id-Djalogu

Ejja Spirtu s-Santu

imla l-qlub tal-fidili tiegħek,

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

read more