Marija għalina fis-Sema – Santa Marija – Is-Sibt 15 t’Awwissu 2024
15 ta’ Awwissu: Marija Mtellgħa s-Sema
MARIJA GĦALINA FIS-SEMA
Apokalissi 11,19a,12,1-6a,10ab; Salm 44;1 Kor.15, 20-26; S.Luqa 1,39-56
Il-Vanġelu
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”
Mbagħad qalet Marija:
”Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”
Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.
Il-Ħsieb
Santa Marija. Festa ferm għażiża għalina l-Maltin u l-Għawdxin mhux biss għax tiġi ċċelebrata f’numru kbir ta’ parroċċi, iżda għaliex din il-ġurnata fil-fatt hija sinjal ta’ protezzjoni Marjana fuq il-gżejjer tagħna. Imma minkejja li forsi llum Marija tgħaddi minn ħafna mit-toroq tagħna mimlija bid-deheb, sinjal ta’ rispett tal-poplu Malti, fost l-isparar u l-murtali, Marija tgħaddilna messaġġ qawwi. Biex nissejħu uliedha rridu nixbħuha. Kif? Fis-sempliċità u fl-umanità tagħha. Fis-servizz li hija tat lil Eliżabetta u lill-umanità.
Santa Marija. Festa mhux ta’ sparar imma ta’ riflessjoni ta’ kemm tassew qed ngħixu u nimitaw lil ommna. Hawn tassew naraw kemm jixirqilna nsejħulha OMMNA MARIJA. Illum qed niċċelebraw it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija. Alla refgħalha post speċjali għal dak li għamlet fl-istorja ta’ l-umanità. Lejn dan il-post qed naspiraw aħna.
Il-Kelma
Is-silta li naqraw illum fl-Ewwel Qari, mill-Apokalissi ta’ San Ġwann, id-dehra tal-mara bi tnax-il kewkba, it-tradizzjoni tal-Knisja (ibda minn Santu Wistin u San Bernard) tapplikahom għall-Verġni Marija. Il-Konċilju Vatikan II jurina li l-ħajja ta’ Marija hija marbuta mal-ħajja tal-poplu l-ġdid ta’ Alla. Fis-Salm Responsorjali, illum għandna tifħir lill-Mulej għal Marija li hija l-għarusa magħżula minn Alla. Fit-Tieni qari, mill-ewwel Ittra lill-Korintin, San Pawl juri kif fil-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt jiġbor il-qawmien tagħna lkoll.
Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-ġest ta’ servizz li Marija għamlet lil Eliżabetta u t-tifħir tagħha lil Alla fil-Magnificat.
Il-Ħajja
1. Xi tfisser il-festa tal-lum għalik?
2. Xi tfisser Marija għalik?
3. Tassew tidher minn ħajtek li Marija hi ommok?
4. Kif qed twassal l-eżempju ta’ Marija f’darek?
Id-Djalogu
Sliem għalik, Marija!