sena-b

TALLAB AGĦMA – It-30 Ħadd Matul is-Sena – 27 t’Ottubru 2024

October 15, 2024

 It-30 Ħadd Matul is-Sena

TALLAB AGĦMA

Ġeremija 31: 7-9; Salm 125; Lhud 5: 1-6; Mark 10: 46-52

Il-Vanġelu

      U waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb   tat-triq.  Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Kien hemm ħafna li bdew jgħajjtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ġesù waqaf u qal: “Sejjħulu.” Huma sejjħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.” Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni,” wieġbu l-agħma.  “Mur,” qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejjqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

 

Il-Ħsieb

     Tallâb agħma sema’ li ġej Ġesu u sfaċċatament għamel il-kuraġġ, neħħa kull mistħija u beda jgħajjat:  Ikollok ħniena minni.  Ilkoll kemm aħna nagħmlu mumenti mill-ħajja tagħna fid-dlam.  L-iżball huwa li xi kultant, minkejja li nkunu fid-dlam, ma nittalbux.  Nistħu jew nidraw id-dlam u ma jkollna l-ebda xewqa li nfiqu.  L-agħma jagħtina eżempju.  Kif kellu l-ewwel indikazzjoni li riesaq lejh Ġesu, beda jgħajjat.  ried jagħmel l-esperjenza ta’ fejqan li Ġesu biss seta’ jagħtih.  Kellu għatx għall-veru dawl.  Għandna aħnda dan l-għatx biex nibdlu l-ħajja tagħna?  Għandna aħna dan il-għatx biex ngħajtu lil Ġesu sabiex ifejjaqna?  Ġesu kontinwament imissna bl-imħabba tiegħu u jgħidilna:  Il-fidi tiegħek fejqitek.  Imma jrid ikollna fidi qawwija bħal dik tallâb agħma.  kemm nistgħu ngħidu li għandna din il-fidi?  Dan huwa Ħadd fejn il-liturġija tiftħilna għajnejna għall-veru dawl iżda fuq kollox trid tagħmlilna kuraġġ.  Hemm tama kbira għall-fejqan tagħna!

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, għandna silta fejn Alla jidher bħal ragħaj tajjeb li jiġbor flimkien dak li fadal mill-merħla tiegħu, jiġifieri l-Lhud ta’ wara l-eżilju ta’ Babel.  Wara t-tisfija, dan il-poplu se jibni ġens ġdid.  Dan iseħħ għax Alla huwa ħanin.  Dan il-kobor ta’ għemil insibuh fis-Salm 125 – KBIR U F’GĦAEMILU L-MULEJ MAGĦNA!  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħdu mill-Ittra lill-Lhud, għandna l-idea tal-qassis il-kbir li kien meħtieġ li jiġi magħżul mill-bnedmin.  Xogħol il-qass il-kbir li Alla jagħżlu biex bl-offerta tiegħu jpatti għad-dnubiet ta’ l-oħrajn.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mark, għandna l-għajta ta’ Bartilmew bin Timew, tallâb agħma.  Ried lill-Mulej ifejqu.  Il-Mulej itenni li l-fidi tiegħu stess fejqitu.

Il-Ħajja

  1. Irridu li tassew il-Mulej imissna u jfejjaqna mill-ħażen tagħna?  Li jagħtina d-dawl mill-ġdid?
  2. Kemm qegħdin nittallbu u nitolbu lilu biex ikun magħna kull ħin, speċjalment fil-mumenti li nħossuna mitlufin b’nuqqas ta’ fidi?
  3. Kemm qed nuru l-ferħ tagħna f’ħajjita li l-Mulej huwa preżenti magħna? Qegħdin nagħtu xhieda fi djarna u fuq il-post tax-xogħol tagħna?
  4. Il-Mulej jersaq lejn il-persuni bi ħtiġijiet speċjali biex ifejjaq u jqawwi l-qalb.  Din hija l-missjoni tagħna l-Insara.  Qiegħed tagħti sehmek?

Id-Djalogu

  Mulej Ġesu

  inti li missejt u tajt id-dawl lit-tallab agħma,

  nitolbok inżel ħdejja u miss il-pjagi u l-problemi tiegħi.

  Għinni kull ħin nikseb id-dawl,

  li bih nagħraf nimx warajk kull ħin.

read more

AWTORITÀ BIEX TAQDI – Id-29 Ħadd Matul is-Sena – 20 t’Ottubru 2024

October 11, 2024

Id-29 Ħadd Matul is-Sena

AWTORITÀ BIEX TAQDI

Isaija 53: 10-11; Salm 32; Lhud 4: 14-16; Mark 10: 35-45

Il-Vanġelu

     Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.” “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” “Ghandha,” qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”

    L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom  bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.  Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

 

Il-Ħsieb

     Awtorità biex taqdi.  M’huwiex slogan iżda l-ideal nisrani ta’ servizz. “Min ikun il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.”  Idea li hija kontra l-kurrent ta’ żmienna.  Il-kultura tal-lum teżalta lill-awtorita u tonfoħ kull awtorita biex tidher, iżda fl-istess nifs titfa’ ruxxmata suspetti lejn l-istess awtorita.  Il-Mulej iżda jridna nkunu ta’ servizz, u aktar ma tkun fl-awtorita aktar għandek isservi lil għajrek bil-possibbilta tiegħek kollha.  Ġesù jpoġġi l-eżempju tal-missjoni li ġie biex iwettaq b’qadi f’din id-dinja, “biex jagħti ħajtu għall-kotra.”  Hekk tfisser il-vera mħabba meta inti tagħti kollox mingħajr l-ebda interess għal għajrek… u Ġesù kien l-Iben ta’ Alla.  Fis-soċjeta tagħna hemm bżonn ta’ min imexxi iżda huwa importanti li kull awtorità toħroġ il-qawa tagħha.  Kull awtorità li imponiet ħolqot stat ta’ tirannija u ġabet stmerrija.  Bħala Nsara għandna nknu ta’ servizz kontinwu, hi x’inhi l-awtorità li nħaddnu u nħaddmu.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, il-profeta jsemmi lill-qaddej t’Alla li ntgħażel minn alla biex jirrappreżenta l-komunità u jġib fid-dinja l-ġustizzja u l-paċi.  Minkejja dan, jiġi msawwat u maqtul.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 32, huwa talba lill-Mulej ħa tkun fuqna t-tjubija u l-barka tiegħu.  Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ittra lil-Lhud fejn Kristu qiegħed fil-glorja tas-sema wara li bata u miet għalina l-bnedmin.  Huwa dejjem lest li jgħin lil dawk li jersqu lejh fil-qawwa tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark naraw li Ġesu għadu kemm ħabbar għat-tielet darb l-passjoni tiegħu.  Id-dixxipli ma fehmuhx.  anzi, ulied |ebedew bdew ifittxu l-glorja.  Ġesu jurihom xi tfisser tmexxi.  Tagħme sens biss jekk isservi.

Il-Ħajja

  1. Kemm fhimt s’issa f’ħajtek il-missjoni salvifika ta’ Ġesù?

     Kemm tassew qed tgħixha fil-ħajja tiegħek?

  1. Fil-ħajja ta’ kuljum, kull bniedem li jgħix għandu l-

     awtorità bil-mod kif jitkellem u jaġixxi.  Dan ukoll huwa

     poter u awtorità.  Kemm tassew qed ngħixu għal

     ħaddieħor?  Kif qed ngħixu ma’ ħaddieħor?  Kemm qed

     ngħinu lil ħaddieħor?

  1. Kull tmexxija, kemm spiritwali u ċivili, għandha bżonn

     l-għajnuna u l-koperazzjoni tagħna.  Bħala ċittadin ta’

     pajjiż u membru ta’ komunità nisranija qed naqdu

     dmirna sewwa għal dak li tordna l-awtorità għall-

     ġid komuni?

Id-Djalogu

  Mulej, dawwal lil kull min għandu l-awtorità,

  biex jużaha b’għaqal,

  għall-ġid komuni,

  u b’servizz lill-proxxmu fil-ħtieġa.

read more

“MULEJ, MIN JISTA JSALVA?” – It-28 Ħadd Matul is-Sena – 13 t’Ottubru 2024

October 6, 2024

It-28 Ħadd Matul is-Sena

“MULEJ, MIN JISTA JSALVA?”

Għerf 7, 7-11; Salm 89; Lhud 4: 12-13; Mark 10: 17-30

Il-Vanġelu

     Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù, “ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ‘l ommok.” U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih   lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja.” Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

     Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla! Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.” Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.” Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom,  ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej. U ħafna li huma ta’ l-ewwel jiġu  l-aħħar, u ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel.”

Il-Ħsieb

     “Mur biegħ kulma għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor kbir fis-sema.”  Hekk wieġeb Ġesù liż-żgħażugħ għani meta dan wera x-xewqa li jitlaq kollox għal wara Ġesù.  Ġesù għamillu dawn il-kundizzjonijiet qabel qallu biex jimxi warajh.  Iż-żagħżugħ, li jirrapreżenta lil ħafna minna, qarras wiċċu għax kellu ħafna ġid.  Kien marbut ma’ tant affarijiet ta’ din l-art.  Kien skjav ta’ proġetti li, minkejja li kienu ta’ ġid, ta’ valur materjali, lilu naqqsulu l-libertà li jagħmel għażla ħielsa għal Ġesù.  Minn hawn nistgħu naraw ukoll jekk aħna għandniex ir-rieda ħielsa li nimxu wara Ġesù u nitilqu kollox.  Ġesù jitlob minna lkoll radikalità fl-għażla tagħna għalih.  Jew miegħu jew kontra tiegħu.  M’hemmx triq ta’ kompromess fin-nofs.  Itenni li ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus.

     Il-ħajja tagħna, bl-għażliet li nwettqu, trid tkun mument fejn ilkoll kemm aħna naċċettaw ir-rieda tagħna f’dak kollu li nwettqu u niltaqgħu miegħu kull ħin.  Dan huwa proġett iebes.  Għalhekk l-appostli tennew: “Mulej, min jista’ jsalva?”  Pietru mar pass ieħor: “X’se nieħdu issa li tlaqna kollox?”  Ġesù jwieġeb.  Iwieġeb li se nieħdu anki persekuzzjonijiet.  Il-liturġija tal-lum tifħilna għajnejna u qalbna beraħ għall-messaġġ radikali biex nagħmlu għażla ċara għalih.  Għandna l-kuraġġ inwettquha?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, insibu innu li l-għerf huwa don u rigal kbir ta’ Alla li jissupera kull ġid ta’ l-art.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn salm 89, għandna karba biex il-Mulej ikun l-għajnuna tagħna għax mingħajru

ħajjitna ma hi xejn.  Fi-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lil-Lhud, għandna tifsira tal-qawwa tal-Kelma ta’ Alla.  Il-Kelma ta’ Alla toħloq kollox, issaħħaħ il-bniedem, turih lilu nnifsu u tqawwih.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark illum għandna d-domanda taż-żagħżugħ għani kif ukoll l-ispjega ta’ Kristu fuq min se jsalva.  Id-domanda ta’ l-appostli u ta’ Pietru kienu domandi prattiċi.  Il-Mulej juri li se jħallas min din id-dinja stess, flimkien ma’ persekuzzjonijiet li se jiltaqa magħhom, lil min se jipprova jgħix il-Kelma ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Bħala Nsara rridu nippjanaw ħajjitna fuq il-Kelma ta’ Alla Fuqha rridu naraw ir-rieda ta’ Alla fl-għażliet tagħna. Qegħdin inħalluha taqta’ fina bħal xabla b’żewġt ixfar?
  2. Kemm tassew qegdin infittxu li fil-ħajja tagħna ngħixu skond l-għerf li jagħtina l-Mulej u mhux skond il-ġid materjali?
  3. Qatt stqasejt jekk qalbek hix marbuta ma’ Alla jew mal-ġid u proġetti materjali?
  4. Kemm tassew kapaċi fil-ħajja tiegħek tinqata’ u tkun ħieles minn dak li għandek biex timxi wara Ġesù.
  5. Meta ssegwi lil Ġesù meta timxi u titkellem miegħu, tħossok liberu?
  6. Ġesù jħallasna minn din id-dinja stess.

Id-Djalogu

  Mulej, grazzi għal dak kollu li tipprovdili kuljum.

  Għinni ma nintrabatx miegħu

  iżda nużah għall-ħtiġijiet tiegħi u tal-proxxmu,

  naqqax minni kuljum bil-kelma tiegħek

  l-egoiżmu li jista’ jinbet fija,

  ħalli nħoss il-veru ħelsien

  li ksibtilna bil-fidwa tiegħek.

read more

IL-LE GĦAD-DIVORZJU – Is-27 Ħadd Matul is-Sena – 6 t’Ottubru 2024

September 27, 2024

Is-27 Ħadd Matul is-Sena

IL-LE GĦAD-DIVORZJU

  1. Ġenesi 2: 18-24: Salm 127; Lhud 2: 9-11; Mark 10: 2-16

Il-Vanġelu

     Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”  Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha. ” Mbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni.  Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.” 

      Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.  Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”  Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Ħsieb

     Ġesù jitkellem ċar illum:  “Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.  Għalhekk, meta jħalli raġel lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu jsiru ġisem wieħed.”  Ġesù jenfasizza li m’humiex aktar tnejn iżda ġisem wieħed.  Huwa jkompli jitkellem b’qawwa kbira:  DAK LI JGĦAQQAD ALLA MA GĦANDUX JIFIRDU L-BNIEDEM. Id-diskors ta’ Ġesù u t-tagħlim tal-Knisja dwar dan is-suġġett jidhru iebsa u mingħajr flessibiltà.  Iżda llum kulħadd jammetti l-importanza li l-familja għandha fil-bini ta’ soċjetà soda.  Il-familja ffurmata mill-koppja miżżewġa trid tiddefendi ruħha minn mentalità li ġġib il-persuni li jiffirmaw iż-żwieġ oġġetta ta’ konvenjenza għal perjodu qasir ta’ żwieġ.  Il-koppja miżżewġa għandha d-dmir li tibni familja soda fuq l-imħabba ta’ xulxin ibbażata fuq dik l-imħabba-bluha li Alla għandu għall-bniedem.  U għalhekk jagħmel sens li, quddiem kull kriżi li tista’ tfeġġ fil-koppja, dawn jagħmlu mixja ta’ mħabba u konverżjoni; għaliex xi darba jew oħra, minħabba d-dgħufija tagħna kulħadd se jonqos.

     Fl-istess Vanġelu, Ġesù jgħidilna kif trid tkun il-qalb u l-imħabba tagħna bħal dik tat-tfal żgħar.  Hemm bżonn li niritornaw għas-sempliċità.  Hemm bżonn li fil-familja tagħna tirrenja atmosfera sempliċi ta’ qlub ferħana.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħsieb ta’ Alla fuq iż-żwieġ.  F’din is-silta tal-lum naraw li ż-żwieġ huwa ħolqien ta’ Alla u don tiegħu.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum insibu talba ta’ barka tal-Mulej fuq il-bniedem u l-familja tiegħu.  Fit-Tieni Qari nsibu silta mill-Ittra lil-Lhud li titkellem dwar is-saċerdozju ta’ Kristu.  Ġesù huwa s-Saċerdot waħdieni u fl-istess ħin bniedem bħalna u ħuna.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jitkellem kontra d-divorzju kif ukoll jinsisti li rridu nsiru bħat-tfal iż-żgħar.

Il-Ħajja

  1. Hemm bżonn li bħala Nsara nifhmu l-qawwa taż-żwieġ u r-responsabbiltajiet li jġib miegħu.
  2. Iż-żwieġ huwa impenn bejn żewġ bnedmin li jagħtu ħajjithom għal xulxin. Mhux kemm se nieħu miż-żwieġ iżda kemm se noffri.
  3. Kull żwieġ nisrani jagħmel sens jekk ġurnata wara oħra wieħed jgħixu fid-dawl tal-Kelma tal-Mulej.
  4. L-avventura kbira taż-żwieġ nisrani ssaħħaħ lill-bniedem mhux biss moralment iżda wkoll bl-impenn tiegħu fis-soċjetà.
  5. Infittxu dejjem li niżirgħu f’qalbna l-imħabba kbira għal Alla f’kull proġett ta’ ħajjitna, kif ittenni Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.
  6. Niftakru dejjem li huwa r-Rużarju li jgħaqqad il-familji tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej, żomm idejk fuq kull koppja

  li tixtieq tgħix u tibni miegħek

  il-proġett tal-familja tagħha.

read more

TAZZA ILMA U SKANDLI! – Is-26 Ħadd Matul is-Sena – 29 ta’ Settembru 2024

September 21, 2024

Is-26 Ħadd Matul is-Sena

TAZZA ILMA U SKANDLI!

Numri 11:25,29; Salm 18; Ġakbu 5,1-6; Mark 9: 38-43, 45, 47-48

 

Il-Vanġelu

     Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

     Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.

     Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex

 

Il-Ħsieb

     Hemm bżonn li ninbidlu biex nimxu wara Ġesù.  Il-bidla trid tkun waħda radikali, mill-qiegħ.  Dan jenfasizza San Mark fil-messaġġ li jagħti fil-Vanġelu tal-lum.  Hemm bżonn li jkollna qalb kbira lejn dawk li huma tal-Messija.  Il-bidla tista’ sseħħ meta aħna nagħmlu bis-serjetà konverżjoni lejn il-Mulej, konverżjoni li tibda mill-fatt li aħna midinbin.  Irridu nagħrfu x’inhu d-dnub tagħna u nagħmlu minn kollox biex inwarrbuh mill-għemil tagħna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tan-Numri, insibu lil MoseÏjibda jaqsam ma’ xi wħud id-don tat-tħabbir li iżda jibda jidher ukoll fost xi wħud li ma kinux magħhom fit-Tinda, il-post imqaddes.  ĠożweÏ jgħir.  MoseÏ jwissih.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, itenni li l-liġi tal-Mulej mhux talli ma tkissirx il-bniedem iżda tgħinu u tferrħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Ġakbu, għandna twiddib lill-għonja li ma jaqsmux mill-għana tagħhom.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark Ġesù jwissi kontra d-dnub u l-iskandlu.

Il-Ħajja

  1. Bħala Nsara nistgħu nikbru fl-imħabba lejn Ġesù jekk minflok nippuntaw is-saba’ ta’ ħtija lejn min huwa fil-ħażen, neżaminaw ftit lilna nfusna.
  2. Ilkoll kemm aħna għonja ta’ xi ħaġa. Jeħtieġ li naqsmu dak kollu li għandna ma’ ħaddieħor.
  3. Id-dnub tagħna hemm bżonn li mhux nindunaw bih iżda nwarrbuh b’mod radikali minna.
  4. Kemm fl-Ittra ta’ San Ġakbu kif ukoll fil-Vanġelu ta’ San Mark issir enfasi għall-għajnuna u l-karità. Mingħajr dan il-pedament għalxejn tkun kull stqarrija tagħna bil-kliem li aħna tal-Mulej.

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni nagħraf il-ħtija tiegħi

  biex tassew naqta’ minni kull dnub,

  ħalli kull ħin

  inwettaq biss ir-rieda tiegħek.

read more

NIKBRU JEW NIĊKIENU? – Il-25 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 22 ta’ Settembru 2024

September 14, 2024

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

ID-DILEMMA: NIKBRU JEW NIĊKIENU?

Għerf 72: 12,17-20; Salm 53; Ġakbu 3:16-17, 4 1-3; Mark 9: 30-37

Il-Vanġelu

     Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf,  għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.”  Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

     Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien  l-akbar. Mbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.” U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom:  “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni

 

Il-Ħsieb

     Il-Mulej huwa magħna dejjem.  Il-Mulej huwa għas-servizz tagħna dejjem.  Isimgħu x’għandna fl-antifona tal-bidu tal-quddiesa tal-lum:  “Jiena s-salvazzjoni tal-poplu”, jgħid il-Mulej, “kull meta jsejħuli fid-dwejjaq tagħhom, jiena nismagħhom u nkun il-Mulej tagħkom għal dejjem” (Danjel 3,31).

  Kemm-il darba għaddejna minn mumenti iebsa fil-ħajja tagħna u ppruvajna nsibu elf faraġ elf soluzzjoni u mhux dik tal-Mulej?  Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ppruvajna naħarbu minn dak li l-Mulej irid jagħmel għall-ġid u għall-fejqan tagħna?  Il-Mulej ikun ta’ servizz, iżda l-Vanġelu tal-Kultura Moderna huwa l-oppost.  Kontinwament jipproġetta lill-individwu fuq quddiem, biex jidher.  Fil-moħbi ma jiswa xejn.  Hemm bżonn li tkun kbir, li tidher.  Il-Mulej irid il-kuntrarju.  Il-Mulej iridna nkunu ta’ servizz għall-iżgħar u aħna nkunu żgħar bħalhom.  Diffiċli…aqraw sew il-qari tal-lum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna r-rakkont li f’din id-dinja l-bniedem tajjeb jiġbed fuqu l-għadab tal-ħżiena.  Ħajtu stess hija ċanfira għall-imġiba ħażina ta’ ħafna.  Din kienet il-ġrajja tal-Lhud li kienu f’Lixandra ta’ l-Eġittu, li sabu tifsira għall-għemil li kienu jġibu fuqhom l-Eġizzjani.

    Is-Salm Responsorjali, minn Salm 53, huwa għanja lill-Mulej biex ikun hu dak li jgħinna.  Fit-Tieni Qari San Ġakbu jtenni

li fl-għemil tagħna trid tidher il-fidi tagħna u għalhekk in-nisrani jrid ibiegħed minnu dak li jtebbagħlu ġieħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark Ġesù jħabbar il-passjoni tiegħu.  Mhux talli ma fehmuhx id-dixxipli, talli bdew jaraw min kien l-ewwel fosthom.  Ġesù jurihom li min jimxi warajh irid ikun ta’ servizz għal ħaddieħor.

Il-Ħajja

  1. L-għerf li ġej mis-sema huwa għerf safi li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-irġulija. Hekk itenni llum San Ġakbu.  Kemm  qed teżerċita fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum dan id-don?
  2. Għalxejn ngħidu li aħna Nsara. Irridu nixhdu li aħna Nsara.  Mill-għemil se jagħrfuha l-fidi tagħna.
  3. Il-fidi tagħna hija mixja wara Ġesù fis-servizz tal-fqir u l-batut. Kemm tassew qed inkunu ta’ servizz għal min huwa fil-bżonn u fiċ-ċkejknin ta’ madwarna?  Xi kultant il-fqir u l-batut jista’ jkun fid-dar tagħna.
  4. Irridu niftħu għajnejna biex nilqgħu liċ-ċkejknin. Hemm tassew inkunu qed inħaddmu l-fidi tagħna u nilqgħu lil Kristu.

Id-Djalogu

  Mulej,

  fil-ħajja ta’ kuljum,

  iftaħli sew għajnejja,

  sabiex nagħraf lilek fil-fqir u l-batut.

read more

‘CHECK UP’ TAL-FIDI – L-24 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 15 ta’ Settembru 2024

September 8, 2024

L-24 Ħadd Matul is-Sena

‘CHECK UP’ TAL-FIDI

Isaija 50: 5-9; Salm 114; Ġakbu 2: 14-18; Mark 8: 27-35

Il-Vanġelu

     Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.”  Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.

      U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn  id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”

     Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta’ l-Evanġelju, isalvaha.

Il-Ħsieb

Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta' l-Evanġelju, isalvaha.

     Fil-mixja tagħna ta’ kuljum f’din il-ħajja r-riflessjoni tagħna ma tistax tibqa’ biss waħda lajkali.  Hemm bżonn li nuru tassew is-sens reliġjuż ta’ ġewwa fina ’l fejn qed jiġbed, liema direzzjoni qed jagħti lill-ħajja tagħna.  Min jgħid li qed jgħix mingħajr sens reliġjuż huwa kompletament aljenat u forsi ma jafx sew lilu nnifsu.  Id-domanda li jagħmel Ġesù lid-dixxipli tiegħu llum hija domanda ta’ verità fuq il-mod li qed ngħixu u l-għażliet li qed inwettqu.  Intom min tgħidu li jiena?  Din hija d-domanda li Ġesù staqsa lill-appostli, din hija d-domanda li Ġesù jistaqsi lili u lilek kuljum b’mod sinċier u personali.  Aħna x’sejrin inwieġbu?  Xi jfisser għalina Ġesù llum?  F’San Pietru naraw l-eżempju tagħna.  Nistqarru li huwa l-Messija, iżda nibqgħu naħsbu bħala bnedmin.  Ġesù juri li biex ngħidu xi jfisser għalina rridu nerfgħu s-salib tagħna kuljum.  Hawn jinsab is-sigriet ta’ l-għarfien ta’ Ġesù.  Dan huwa s-sigriet tal-mixja wara Ġesù.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija nsibu silta meħuda mit-tielet għanja ta’ Isaija li fiha jagħti spjega ta’ min huwa l-qaddej ta’ Alla.  Il-qaddej jisma’ s-sejħa ta’ Alla, jintelaq f’idejh u jwettaq dak kollu li jgħidlu akkost ta’ kollox.  Dan il-ħsieb ikompli fis-Salm Responsorjali, minn Salm 114, li jtenni, “Jien nimxi quddiem il-Mulej, fl-art tal-ħajjin”.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu, insibu li l-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.  Il-Vanġelu ta’ San Mark itenni li min irid tassew iwieġeb għad-domanda min huwa Ġesù, irid jerfa’ salibu kuljum.

Il-Ħajja

  1. Qatt  għamilt check up tal-fidi tiegħek?
  2. Id-domanda Intom min tgħidu li jien tgħinkom tagħmlu dan.
  3. Fil-ħajja tiegħek qiegħed terfa’ s-salib tiegħek kuljum jew ħafna drabi aktar tilħaq salib ħaddieħor?
  4. Il-messaġġ tal-liturġija tal-lum huwa ċar. Jekk irridu nkunu Nsara mhux ta’ l-isem biss hemm bżonn li l-fidi tagħna nagħtuha l-ħajja kuljum.  Is-salib jgħinna nwettqu dan.

Id-Djalogu

  Mulej,

  nitolbok li nagħrfek aktar fil-fidi tiegħi,

  u li ngħix il-fidi tiegħi fid-dawl tas-Salib.

read more

KLIEM U SMIGĦ – It-23 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2024

September 2, 2024

It-23 Ħadd Matul is-Sena

KLIEM U SMIGĦ

Isaija 35: 4-7a; Salm 145; Ġakbu 2:1-5; Mark 7: 31-37

Il-Vanġelu

    Raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu.  Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu.  Mbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata,” jiġifieri, “Infetaħ!”  U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.   Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh.   U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem  lill-imbikkmin.”

 

Il-Ħsieb

     “Il-Mulej jiftaħ għajnejn il-għomja,

      Il-Mulej jerfa’ l-milwijin

      Il-Mulej iħobb il-ġusti

      Il-Mulej iħares il-barranin.”

     Dan il-kliem li nsibu fis-Salm 145 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jurina kemm il-Mulej huwa kontinwament spalla ta’ għajnuna magħna d-dgħajfin.  Il-Mulej huwa kontinwament magħna għax jaf bid-dgħufija tagħna.  Ħafna drabi nkunu aħna li ndumu naħsbuha biex nersqu lejh għall-fejqan.  Minkejja li nafu xi jrid minna minkejja li nagħrfu l-kelma tiegħu, nibqgħu torox u neqsin mis-smigħ.  Ma rridux li l-Mulej jiftħilna widnejna biex nisimgħu l-leħen tiegħu li jibdlilna l-ħajja tagħna.  Fil-liturġija tal-lum, anki fis-silta ta’ San Ġakbu nsibu li Alla kull ħin jagħmel l-għażla tal-fqar.  Aħna qed nagħmlu l-istess?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija għandna lill-Profeta jħabbar żmien ġdid lill-poplu li wasal fi tmiem l-eżilju tiegħu.  Alla jwiegħed li għad ikun f’nofshom billi jagħti d-dawl lill-għomja u s-smigħ lit-torox.  Fis-Salm Repsonsorjali, meħud minn Salm 145, għandna lis-Salmista jfaħħar lill-Mulej għax dejjem ifejjaq lid-dgħajjef.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu għandna enfasi li l-fidi tidher fl-imġiba tal-ħajja,  speċjalment fl-għażla tal-batut.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-fejqan tat-trux u l-imbikkem.

Il-Ħajja

  1. Għandek xewqa li tisma’ aħjar il-kelma tal-Mulej? Ersaq lejh u jagħtik is-smigħ.
  2. Is-smigħ li jagħtik irid ibiddillek ħajtek, tagħrfu aħjar u tgħixu kuljum.
  3. Il-Mulej irid il-fejqan tagħna biex aħna nwassluh lill-oħrajn.
  4. Kemm lest li tiskomoda ħajtek biex tgħin lill-imwarrab li jista’ jkun f’darek jew ġirien tiegħek?

Id-Djalogu

  Mulej, grazzi tal-kliem u smigħ li tajtni.

  Għinni ngħaddi l-kelma tiegħek fl-għemil tiegħi.

read more

FARIŻEJ? – It-22 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 1 ta’ Settembru 2024

August 24, 2024

It-22 Ħadd Matul is-Sena

GĦAJXIEN TA’ FARIŻEJ

Dewteronomju 4, 1-2,6-8; Salm 14; Ġakbu 1,17-18,21b-22,27; Mark 7, 1-8, 14-15,21-23

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?” Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’  Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.” Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem.”

 

Il-Ħsieb

     “Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.”  Hekk iċanfar Ġesù lill-Fariżej u bl-istess ton u diskors iċanfar Ġesù lilna lkoll li ngħidu li nħobbu lil Ġesu, li mmorru l-quddies nhar ta’ Ħadd, li nagħmlu l-preċetti tiegħu iżda meta niġu biex nagħtu xhieda tiegħu aħna ħafna ’l bogħod minnu.  Huwa dan il-ħsieb dominanti tal-liturġija tal-lum:  kemm bħala bnedmin għandna post għal Alla fil-qalb tagħna, kemm verament il-fidi li nħaddnu hija xi ħaġa mibnija fuq il-konvinzjoni.  Kemm tassew aħna m’aħniex nies li nsegwu biss riti kultwali fil-ħajja tagħna mingħajr ma nagħtu każ li l-fidi tagħna hija xi ħaġa mibnija fuq imħabba ħajja lejn dak Alla li ħalaqna.  Ħafna drabi nkunu l-ewwel nies li nippuntaw subgħjna ta’ kundanna lejn ħaddieħor u ma narawx dak kollu li għaddejjin minnu aħna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju għandna lil Mosè li jwissi lill-poplu biex mhux biss josserva bir-reqqa l-liġijiet li tah Alla, iżda wkoll biex, fl-istess liġi, jara l-imħabba ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 14, naraw li min isegwi l-liġi ta’ Alla jħobb tassew lill Alla.  San Ġakbu fl-Ittra tiegħu fit-Tieni Qari jinsisti li l-fidi trid tinżel fl-għemil.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu lil Ġesù jċanfar lill-Fariżej u jsejħilhom uċuħ b’oħra, għax minkejja li josservaw il-liġi, fil-qalb tagħhom ma hemmx post għal Alla.

Il-Ħajja

  1. Aħna Nsara li nintgħarfu biss għax immorru l-quddies il-Ħadd? Qiegħed tagħti xhieda tat-twemmin tiegħek id-dar, fil-post tax-xogħol, l-iskola?
  2. Tħoss li għandek preżenza u mħabba għal Alla f’qalbek?
  3. X’qima qed tagħti lil Alla, dik biss mitluba mill-kult u ritwali u obbligi liturġiċi?
  4. Hemm bżonn li nkunu aktar dixxipli ta’ Kristu bix-xhieda vera u ħajja li nagħtu.

Id-Djalogu

  Ħenn għalija Mulej,

  għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

read more

IEBES IL-KLIEM – Il-21 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 25 t’Awwissu 2024

August 20, 2024

Il-21 Ħadd Matul is-Sena

IEBES IL-KLIEM – TELQUH!

Ġożwè 24, 1-2; 15-17; Salm 33; Efesin 5:21-32; Ġwanni 6:60-69

 

Il-Vanġelu

Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?  Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux.” Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.” Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”

 

Il-Ħsieb

Ġesù jitkellem ċar.  Ma jridx kompromessi.  Ġesù jridna nifhmu xi tfisser tkun dixxiplu.  Bosta dixxipli li kienu jiġru warajh ma fehmuhx jew ma ridux jifhmuh u għalhekk ma’ l-ewwel kriżi telquh.  Huwa ritratt tan-nisrani tal-lum.  Qed ngħixu f’dinja ta’ kompromessi anki mal-fidi tagħna.  Kif id-diskors ta’ Ġesù jibda jinfed l-affarijiet personali tagħna ma jogħġobniex li jindaħlilna.  Irridu ngħixu ħajjitna u nitilqu għal rasna.  Dak li għaddew minnu d-dixxipli tant snin ilu ngħaddu minnu aħna lkoll illum.

Hemm min ma jifhmekx mill-ewwel iżda jrid jibqa’ wara Ġesù, bħal Pietru: Mulej, għand min immorru?  Int għandek il-kliem tal-ħajja ta dejjem.  Ġesù anki llum jisfida l-fidi tagħna.  Tridux tmorru intom ukoll?  It-tweġiba jridha bl-għemil tagħna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Ġożwè, għandna l-għażla li poġġa quddiem il-poplu Lhudi Ġożwè, jew li jaqdu ’l Alla jew inkella jmorru jaqdu ’l-idoli.  Is-Salm 33 jurina li l-Mulej jisma’ t-talb ta’ l-umli u n-niedem u għalhekk importanti li nduqu u naraw kemm huwa tajjeb il-Mulej.  Ma tistax tkun taf kemm huwa tajjeb il-Mulej jekk ma tagħmilx esperjenza tiegħu u tħossu fil-ħajja tiegħek.  It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin.  San Pawl jistieden lill-miżżewġin biex fl-imġieba tagħhom iġibu ruħhom fuq dik l-imħabba li kellu Kristu lejn il-Knisja tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, wara d-diskors u l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, Ġesù jitkellem ċar dwar l-għażliet tan-nisrani.  Ħafna mid-dixxipli ma aċċettawhx.  Huwa jisfida lill-appostli biex jitilqu.  San Pietru jtenni:  fejn tridna mmorru?

Il-Ħajja

  1. Ġesù, bil-kliem tiegħu, jisfidana biex nagħmlu għażla ċara fil-ħajja tagħna. Int x’se tagħmel?
  2. Il-Kliem ta Ġesù huwa iebes għal dawk li jridu jgħixu l-ħajja tagħhom fil-kompromessi. Lesti ngħixu kif iridna hu?
  3. Fejn tridna mmorru Mulej? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem!
  4. Il-ħajja tagħna tista’ tkun jew mixja wara Ġesù jew mixja wara l-idoli!

Id-Djalogu

Mulej,

nixtiequ li nimxu warajk fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

tħallix li niġu fgati minn tant kompromessi fil-ħajja tagħna.

 

 

read more