NIBDEW NINBIDLU LLUM BIT-TAGĦLIM TAL-PAPA FRANĠISKU
Eżerċizzi tar-Randan 2014 – Jum 5 – Il-ġimgħa 14 ta’ Marzu 2014
Fr. Charles Fenech O.P.
Fidi awtentika – li qatt ma tfittex il-kumdità, jew hi individwalista – timplika dejjem xewqa profonda li nibdlu d-dinja, li nittrasmettu l-valuri, li nħallu xi ħaġa aħjar warajna fid-dinja. Inħobbu din il-pjaneta mill-isbaħ li fuqha qiegħdna Alla, u nħobbu l-umanità li tgħammar fiha, bit-traġedji u l-qtigħ il-qalb tagħha, bix-xewqat u t-tamiet tagħha, bil-valuri u d-dgħufijiet tagħha. Id-dinja hi d-dar komuni tagħna u fiha lkoll aħna aħwa. […] L-Insara kollha, anki r-Rgħajja, huma msejħa jieħdu ħsieb jibnu dinja aħjar. (Il-Ferħ tal-Vanġelu numru 183).
1. Tqasqsusx
Dan huwa wieħed mill-passatempi tagħna. Għall-Papa Franġisku huwa wkoll attività mill-iktar ħażina; isejjaħlu ‘qtil’.
Tant huwa suġġett importanti għalih, li fl-ewwel sena tal-pontifikat, Franġisku pprietka mill-inqas f’sitt okkażjonijiet differenti kontra t-tqasqis.
“Qatt tgħid kontra l-oħrajn”
L-Erbgħa, 27 ta’ Marzu 2013 (S.Martha)
Li tgħid kontra xi ħadd huwa ekwivalenti għal tbigħu bħalma għamel Ġuda, li biegħ lil Ġesù għal tletin biċca flus. U propju waqt li ħa spunt mill-Vanġelu ta’ Mattew li jħabbar bil-quddiem it-tradiment tal-appostlu, fl-omelija qasira tal-quddiesa kien wissa dwar it-tqasqis. Bi stedina espliċita u ċara: “qatt tqasqsu kontra persuni oħra.”
“It-tentazzjoni li nqasqsu dwar l-oħrajn”
It-Tlieta, 9 ta’ April 2013 (S.Martha)
It-tentazzjoni li nqasqsu dwar l-oħrajn u nsawtuhom bil-paroli tinsab dejjem wara l-kantuniera. Ukoll fil-familja, bejn il-ħbieb fil-parroċċa, “fejn in-nisa tal-katekeżi jiġgieldu ma’ dawk tal-Caritas.” Dawn “huma tentazzjonijiet ta’ kuljum” – “għedewwa tal-manswetudni” u tal-għaqda bejn in-nies u fil-komunità Nisranija – “li jiġru lil kulħadd, ukoll lili.” U propju minn dan l-atteġġjament il-Papa Franġisku talab biex noqogħdu attenti.
“Tqasqis xejn, biżà xejn”
Is-Sibt, 13 ta’ April 2013 (S.Marta)
“Biex insolvu l-problemi tal-ħajja hemm bżonn li niffaċċjaw ir-realtà, lesti, bħall-gowlkiper ta’ tim tal-futbol, biex nilqgħu l-ballun minn kwalunkwè naħa li jiġi. U bla ma nċedu għall-biżà jew għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex Ġesù huwa dejjem qrib kull bniedem, ukoll u fuq kollox fil-mumenti l-iktar diffiċli.”
“It-theddida tat-tqasqis”
It-Tnejn, 2 ta’ Settembru 2013 (S.Martha)
“L-ilsien, is-seksik, it-tqasqis huma armi li ta’ kuljum jheddu l-komunità umana, waqt li jiżirgħu għira, ġelożija u regħba għall-poter. Bihom nistgħu naslu biex noqtlu bniedem. Għalhekk titkellem dwar il-paċi ifisser ukoll li taħseb dwar id-deni li huwa possibbli li jsir bl-ilsien.”
“Mit-tqasqis għall-imħabba lill-proxxmu”
Il-Ġimgħa, 13 ta’ Settembru 2013 (S.Martha)
“It-tqasqis joqtol iktar mill-armi.” Papa Frangisku jerġa’ jitkellem fuq dan is-suġġett meta kkumenta fuq il-qari tal-ġurnata, meħud mill-Ittra lil Timotju (1:1-2, 12-14) u mill-Vanġelu ta’ San Luqa (6: 39-42), il-Papa enfasizza kif il-Mulej – wara li poġġielna quddiemna fil-ġranet li għaddew il-bejatitudnijiet tal-ħlewwa u l-umiltà – illum ikellimna “fuq l-affarijiet kontra”, dwar “l-attitudni tal-mibgħeda lejn il-proxxmu”; dan isir meta “niġġudikaw lill-proxxmu tagħna.”.
Waqt il-preżentazzjoni tax-xewqat tal-Milied lill-Kurja Rumana
Is-Sibt 21 ta’ Diċembru 2013
Qdusija, fil-Kurja, tfisser ukoll li tagħmel għażliet skont il-kuxjenza. Iva, li timxi skont il-kuxjenza tiegħek u toġġezzjona għat-tqasqis fuq in-nies. Iva għandna ninsistu bi dritt dwar l-oġġezzjoni skont il-kuxjenza tagħna, imma forsi wkoll irridu nipprattikawha bħala mod biex niddefendu ruħna mill-liġi moħbija ta’ madwarna, li sfortunatament hi dik tat-tqasqis fuq in-nies. Allura ejjew ilkoll noġġezzjonaw skont il-kuxjenza tagħna, u minix ngħid dan biex inkun sepliċiment qed nippriedka. It-tqasis jagħmel ħsara lin-nies, lill-ħidma u lill-ambjenti tagħna.
Hu jtenni li meta nqasqsu fuq in-nies, qed nagħmlu l-istess “kif għamel Ġuda” u “nibdew inqattgħu lill-persuna l-oħra biċċiet biċċiet.”
“Kull darba li niġġudikaw lil ħuna f’qalbna jew iktar agħar meta nitkellmu ħażin fuqhom mal-oħrajn, aħna qed noqtlu l-Insara,” jgħid il-Papa Franġisku. “Malafama innoċenti ma teżistix.”
2. Taħlux ikel
Taħlux ikel, jekk jogħġobkom. Imsemmi għal qaddis tas-seklu 12, li għex fil-faqar, Franġisku iwissi dwar “kultura ta’ skart” li ma tagħtix kas tal-karba ta’ dawk bil-ġuħ.
Il-Papa jgħid: “Ħa nżommu f’moħħna, imma, li l-ikel li jintrema hu bħallikieku nsteraq minn fuq il-mejda ta’ min hu fqir, ta’ min hu bil-ġuħ! Nistedinkom ilkoll biex tirriflettu fuq il-problema tan-nuqqas u tal-ħela tal-ikel, biex insibu toroq u modi li, billi jaffrontaw serjament din il-problema, isiru mezzi ta’ solidarjetà u ta’ kondiviżjoni ma’ dawk li l-iżjed għandhom bżonn.”
Kważi 870 miljun ruħ ibatu l-ġuħ bil-konsegwenzi kollha li jġib miegħu, tgħid l-FAO (Food and Agriculture Organization).
3. Iddedika ħin għall-oħrajn
Responsabbli għal 1.2 biljun membru, Franġisku jidher li għandu wisq x’jagħmel għal affarijiet oħra… sakemm huwa stess jaqbad it-telefon u jċempel lil nies li ma jafhomx… jew jikteb ittra lil Ġiżwita li qatt ma ltaqa’ miegħu.
Il-Ġiżwita li rċieva l-ittra, Fr James Martin, jgħid li Franġisku ispirah biex ‘f’ħajtu jkun iktar ġeneruż bil-ħin li għandu f’idejh’. ‘Jekk il-Papa jista’ jsib ħin għall-oħrajn, jekk hu jista’ jieqaf biex jgħid “Grazzi”, jekk hu jista jieħu ftit ħin biex jagħmel lil xi ħadd iħossu apprezzat, mela nista’ jien ukoll. Nistgħu aħna wkoll.
4. Agħżel l-iktar ħaġa umli.
Ħu l-eżempju tal-Kap ta’ Stat li jsuq Renault ta’ 29 sena. F’Lulju, il-Papa Franġisku wissa kontra l-lussu fil-ħajja meta nfittxu l-“ferħ tal-ħajja fl-aħħar smartfone, fl-iktar karozza li ġġerri.”
“Xi wħud jgħidu: l-ferħ jitwieled mill-affarijiet li għandhom, u allura arhom jfittxu l-aħħar mudell ta’ l-ismartfone, jew il-mutur li jiġri l-aktar, l-karozza li tidher sabiħa… Imma jien ngħidilkom, fil-verità, għalija ma nħossnix tajjeb meta nara xi qassis jew xi soru bil-karozza tal-aħħar mudell: ma tistax! ma tistax! ……Jiena nemmen li l-karozza hija bżonn, għaliex trid tagħmel ħafna xogħol u trid tmur ħafna postijiet… iżda ħu waħda li hija umli! U jekk togħġbok dik is-sabiħa, aħseb ftit kemm tfal imutu bil-ġuħ”.
Il-Papa jippriedka kontra l-materjaliżmu: “Tassew hu li jkollok affarijiet, il-flus, il-poter, jistgħu jagħtu għal xi waqt il-furja ta’ ferħ, l-illużjoni li aħna hienja; imma fl-aħħar huma jkunu dawk li jaħkmuna u jimbuttawna ‘l quddiem biex ikollna dejjem aktar, biex ma nixbgħu qatt. U nispiċċaw “mimlijin”, imma mhux imsaħħin b’ikel bnin; u huwa ta’ niket tara żgħażagħ “mimlijin”, imma debboli. “Qiegħed lil Kristu” f’ħajtek, qiegħed fiH il-fiduċja tiegħek u ma tkun qatt mifxul!”
Fil-messaġġ tal-Jum Dinji tal-Paċi 20114, il-Papa appella biex kulħadd jirrispetta u jgħix fi fraternita billi jagħti kas il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor
5. Iltaqa’ fiżikament mal-foqra.
Tassew li nagħtu flus karità, imma għal Franġisku, dan mhux biżżejjed. L-impenn għall-foqra, jgħid il-Papa Franġisku, irid ikun “minn persuna għal oħra, fiżikament”.
Hemm bżonn li jkun hemm disponibbiltà li wieħed jingħata għall-ieħor minflok ma jisfruttah, u li jaqdih minflok ma jaħqru biex jieħu vantaġġ minnu. “L-ieħor” – persuna, poplu jew nazzjon m’għandux ikun meqjus bħala biċċa għodda, biex tisfrutta bi prezz irħis il-ħila tax-xogħol u tar-reżistenza fiżika tiegħu, u meta ma jservix aktar, tarmih; iżda għal kuntrarju għandu jitqies wieħed bħalna, “wieħed li jgħinna”.
Tenħtieġ konverżjoni tal-qlub li tħalli lil kull wieħed jagħraf fl-ieħor lil ħuh li għandu jieħu ħsiebu, jaħdem miegħu, biex jibnu ħajja fil-milja kollha tagħha għal kulħadd. …. Il-fraternità jeħtieġ li nsibuha, inħobbuha, nesperimentawha, inħabbruha u nagħtu xhieda tagħha. Imma hi biss l-imħabba mogħtija minn Alla li tippermettilna li nilqgħu u ngħixu bis-sħiħ il-fraternità.
Kien magħruf favur il-foqra anke meta kien arċisqof. Hu jispjega iktar fil-ktieb On Heaven and Earth, li kien ippubblikat 3 snin qabel ma laħaq Papa. “Mhux biżżejjed li turi dan l-impenn biss permezz tal-istituzzjonijiet, li bir-raġun jgħinu għax għandhom effett li jkattru, imma dan mhux biżżejjed. Din mhix skuża għalina biex naħarbu l-kuntatt personali ma’ dawk fil-bżonn. Il-morda jeħtieġ li jkunu kkurati, anke jekk jimbuttawna jew iġegħluna nistmerruhom. Il-ħabsin hemm bżonn li nżuruhom.”
Hu jappella għal impenn fit-tul. “L-ospitalità fiha nfisha mhux biżżejjed. Mhux biżżejjed li tagħti biċċa ħobż jekk ma tagħtix il-possibiltà lil dak li jkun biex jitgħallem iqum fuq saqajh. Il-karità li ma tbiddilx is-sitwazzjoni ta’ dak li jkun, mhijiex biżżejjed.”
Fil-Messaġġ għal Jum Dinji tar-Refugjati 2013, il-Papa Franġisku tenna li “hi meħtieġa bidla fl-atteġġjament lejn l-immigranti u r-refuġjati minn kulħadd, bidla minn atteġġjament ta’ difiża u ta’ biża’, bidla minn attitudni diżinteressata u li temarġina – li fl-aħħar mill-aħħar, tikkorrispondi verament għall-“kultura tal-iskart” – għal atteġġjament li jħaddan u jibbaża fuq il-“kultura tal-inkontru”, l-uniku atteġġjament li jista’ jwassal għat-twaqqif ta’ dinja aktar ġusta u fraterna, dinja aħjar.”
6. Nieqfu niġġudikaw lil xulxin
Bl-istess mod li akkuża t-tqasqis, Franġisku jikkundanna l-preġudizzju.
Hu jfakkar lil Kattoliċi “intolleranti” biex jirrispettaw lill-ateji. “Jekk aħna lkoll nagħmlu l-parti tagħna, jekk nagħmlu l-ġid lill-oħrajn, jekk niltaqgħu b’dan il-mod, meta kunu qed nagħmlu t-tajjeb, u nimxu bil-mod il-mod minn hemm, inkunu qed nibnu kultura ta’ djalogu: għandna bżonnha ħafna din. Għandna bżonn niltaqgħu waqt li qed nagħmlu l-ġid.”
“Il-Mulej ħalaqna xbiha tiegħu,” u jekk “hu jagħmel il-ġid, ilkoll kemm aħna għandna dan il-kmandament f’qalbna: Agħmel il-ġid u tagħmilx id-deni. Ilkoll.” U quddiem “min jgħid: imma Missier dan mhux Kattoliku, ma jistax jagħmel il-ġid, inwieġbu: iva jistà, hemm bżonn li jagħmlu; mhux jistà imma hemm bżonn, għax ġo fih għandu dan il-kmandament,” f’qalbu.
Hu jitkellem ukoll dwar il-persuni omosesswali: jekk persuna omosesswali għandha rieda tajba u qed tfittex lil Alla, jien ma jien ħadd biex niġġudikaha.
Iwissi biex inkunu ‘ħarriesa’ tagħna nfusna.
Ċerimonja bidu tal-Papat: “Nixtieq nitlob lil dawk kollha li għandhom postijiet ta’ responsabbiltà fl-isfera ekonomika, politika u soċjali, lill-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba: ejjew inkunu “ħarriesa” tal-ħolqien, tal-pjan ta’ Alla miktub fin-natura, ħarriesa tal-ieħor, tal-ambjent; ma nħallux sinjali ta’ qerda u ta’ mewt isieħbu l-mixja ta’ din id-dinja tagħna! Imma biex inkunu “ħarriesa”, irridu anki nieħdu ħsieb tagħna nfusna! Niftakru li l-mibegħda, l-għira, is-suppervja jħammġu l-ħajja! Li nkunu ħarriesa allura jfisser li ngħassu fuq is-sentimenti tagħna, fuq il-qalb tagħna, għax hu sewwa sew minn hemm li joħorġu l-intenzjonijiet tajba u ħżiena: dawk li jibnu u dawk li jeqirdu! “
7. Inġibu ruħna ta’ ħbieb ma’ dawk li ma naqblux magħhom
X’nistgħu nagħmlu lil dawk li jmaqdruna? Għandna nieħdu l-ħjiel mingħand Papa Franġisku.
F’Novembru, Franġisku ħasad lil Mario Palmaro, tradizzjonalista li kiteb l-artiklu, ‘The Reason Why We Don’t Like This Pope’ (‘Ir-raġuni għalxiex aħna ma nħobbux lil dan il-Papa’). “Ried sempliċiment jgħidli li kien qed jitlob għalija,” qal Palmaro, li hu marid gravi, f’artiklu mill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattolika.
Franġisku jagħmel dan fid-dawl ta’ dak li jirreferi għaliha bħala “l-kultura ta’ djalogu”.
Mario Palmaro, kittieb tradizzjonalista li kien il-ko-awtur ta’ artiklu li kkritika lil Papa Franġisku, fl-1 ta’ Novembru irċieva telefonata mill-Papa nnifsu, li kien jaf li Palmaro qed isofri minn marda gravi.
Fit-22 ta’ Novembru, Palmaro tkellem ma’ CNA dwar dan u qal “Il-Papa Franġisku ried jagħmel bħal ma jagħmel qassis, imma hu qassis u isqof speċjali ħafna, ċempilli u ta attenzjoni partikolari għall-kundizzjoni tas-saħħa tiegħi”.
Skont Palmaro, waħda mill-karatteristiċi ta’ dan il-pontifikat ġdid hi li “l-Papa jċempel personalment lin-nies, li fortunatament jirrappreżentaw li ħafna persuni oħra li ma jirċivux it-telefonata mingħand il-Papa.”
“Din li l-attenzjoni speċjali li l-Papa Franġisku juri mal-persuni morda.”
“Hu ried iċempilli biex sempliċiment jgħidli li qed jitlob għalija,” spjega Palmaro.
Palmaro rrakkonta li t-telefonata tal-Papa kienet twila “biss ftit minuti” u huma “sempliċiment tkellmu dwar ftit affarjiet, għax jien tant kommoss bit-telefonata li ma kontx kapaċi nkompli fil-konverżazzjoni. Tassew, bħala Kattoliku, li tirċievi telefonata mingħand il-Papa, ma titwemminx.”
Il-Papa Franġisku ċempel id-dar ta’ Palmaro, u x’ħin il-mara wieġbet it-telefon, hu seta’ jisma’ “vuċi familjari tistaqsi jekk hemm kinitx id-dar tiegħi u jekk hi kinitx marti.”
Meta weġbitu li iva, il-Papa Franġisku kompla: “Sinjura, naf li żewġek hu marid ħafna, u nixtieq inkellmu.”
Waqt il-konverżazzjoni, Palmaro fakkar lill-Papa li hu kien il-ko-awtur ta’ artiklu li kkritikah.
L-artiklu kien miktub ukoll ma’ Alessandro Gnocchi, u kien ippubblikat fil-gazzetta Taljana “Il Foglio” fid-9 t’Ottubru, bit-titlu: “Ir-raġuni għalxiex ma nħobbux dan il-Papa.”
Gnocchi u Palmaro ikkritikaw siltiet ta’ intervisti importanti mal-Papa, li kienu ppubblikati f’“La Repubblica” u f’“La Civilta Cattolica.”
Fl-intervista ma’ “La Repubblica”, immexxija minn Eugenio Scalfari, il-Papa Franġisku kien irrapurtat li qal li “kulħadd għandu l-idea tiegħu ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u hu jrid jagħżel li jimxi mat-tajjeb u jiġġieled il-ħażin bil-mod li jħoss li hu sewwa.”
Palmaro u Gnocchi ikkwotaw l-enċiklika Veritatis Splendor tal-Papa Ġwanni Pawlu II u kkonkludew li l-ġurnali kienu onesti meta qabblu d-diskors ta’ Papa Franġisku ma’ dak tal-predeċessuri tiegħu, u meta enfasizzaw dawn il-kuntrasti fit-titli tal-artikli.
It-tnejn iffukaw ukoll fuq il-mod kif Papa Franġisku iddefenda l-Konċilju Vatikan it-Tieni fl-intervista ta’ La Civilta Cattolica, fejn qal li “l-Konċilju Vatikan it-Tieni kien qed jerġa’ jaqra l-Vanġelu fit-dawl tal-kultura kontemporanja.”
Madanakollu Gnocchi u Palmaro argumentaw li “id-dinja m’għadhiex tirrifletti l-Vanġelu filwaqt li l-Vanġelu qed ikun imdawwar skont id-dawl li qed tagħti d-dinja.”
Il-Papa Franġisku ikkonfronta din il-kritika b’tibdiliet min-naħa tiegħu. Pope Francis has met many of their criticisms with adjustments of his own.
F’artiklu f’”L’Espresso” li deher fit-22 ta’ Novembru, Sandro Magister ġibed l-attenzjoni li l-Papa Franġisku riċentament kien neħħa l-intervista mal-ġurnal La Repubblica minn fuq is-sit tal-Vatikan, fejn kienet impoġġija bħala waħda mid-diskorsi tiegħu, u wkoll kien biddel il-fehma tiegħu dwar il-Konċilju Vatikan II, b’mod li “tbiegħed mill-kurrenti progressivi li kienu approvawh s’issa.”
Madanakollu, Palmaro sostna li ma setax “jiddikkjara oġġettivament li l-Papa Franġisku kien issodisfa l-kritika tagħna.”
F’Lulju, il-Papa Franġisku kien qal: “Meta kapijiet minn diversi oqsma jistaqsuni għal parir, ir-risposta tiegħi hi dejjem l-istess: djalogu, djalogu, djalogu. Hi l-uniku mod għall-individwi, familji u soċjetajiet biex jikbru, l-uniku mod biex il-ħajja tal-popli tiżviluppa, flimkien mal-kultura ta’ diskussjoni, kultura li fiha kulħadd għandu xi ħaġa importanti x’jagħti u x’jirċievi lura. L-oħrajn dejjem għandhom xi ħaġa x’jagħtuni, jekk inkun kapaċi nersaq lejhom fi spirtu onest u mingħajr preġudizzju.”
8. Ħudu impenn, bħaż-żwieġ
Qatt tibżgħu tgħidu “għal dejjem”
Laqgħa maż-żgħażagħ fil-Brazil – 28 ta’ Lulju 2013
Hemm min jgħid li llum iż-żwieġ m’għadux moda. Fil-kultura tal-proviżorju, tar-relattiv, ħafna jippriedkaw li l-importanti huwa li tgawdi l-mument, li ma jiswa xejn li timpenja lilek innifsek għal ħajtek kollha, li tagħmel għażliet definittivi għal dejjem, għaliex ma tafx l-għada x’għandu għalik. Imma jiena ngħidilkom biex tkunu rivoluzjonarji, nitlobkom li tmorru kontra l-kurrent; iva, f’dan nitlobkom li tirribbellaw kontra din il-kultura tal-proviżorju, li fil-fond tagħha temmen li intom mhux ippreparati li tassumu responsabiltà, temmen li m’intomx kapaċi li tħobbu tassew. Jiena għandi fiduċja fikom żgħażagħ u nitlob għalikom. Kunu kuraġġużi li tmorru kontra l-kurrent. U kunu wkoll kuraġġużi li tkunu ferħanin.
9. Ħudha drawwa li “tistaqsi lil Mulej”.
Inkwetat dwar il-futur? Itlob, il-Papa jisħaq magħna, speċjalment maż-żgħażagħ: “Għeżież, hemm minnkom li ma jafux x’se jagħmlu b’ħajjithom. Itolbu ‘l Mulej u Hu jurikom it-triq. Samwel sema’ iktar minn darba leħen il-Mulej imma hu ma fehemx u ma kienx jaf x’se jwieġeb, imma bl-għajnuna tal-qassis Eli, fl-aħħar wieġeb; ‘Tkellem Mulej, qiegħed nisma’ (1 Sam 3:1-10). Intom ukoll tistgħu titolbu ‘l Mulej: “Xi trid minni? Xi triq għandi nieħu?””
10. Kunu ferħanin
Il-veru Nisrani, jgħid il-Papa, inixxi ferħ kbir. Hu jgħid li “jekk irridu li jkollna dan il-ferħ għalina biss, fl-aħħar jimrad”. Tant hu importanti l-ferħ għalih, li l-ewwel eżortazzjoni apposolika tiegħu, l-ewwel dokument prinċipali li kiteb, kellu t-titlu “Evangelii Gaudium” (Il-ferħ tal-Vanġelu).
“Xi drabi dawn l-Insara mdejqa għandhom wiċċ ta’ bżar aħdar fil-ħall” u mhux dik ta’ min ikun ferħan u ħajja sabiħa”, qal il-Papa Franġisku fl-Omelija tal-10 ta’ Mejju.
“Imma l-ferħ”, żied il-Qdusija Tiegħu, “ma jistax jieqaf: hemm bżonn li jkompli javanza għaliex huwa virtù pellegrina. Huwa rigal li jimxi, li jimxi fuq itr-triq tal-ħajja, jimxi ma’ Ġesù: jippriedka, ixandar lil Ġesù, il-ferħ, itawwal it-triq u jwessà t-triq.”
Franġisku jgħid “In-Nisrani jkanta bil-ferħ, u jimxi, u jġorr dan il-ferħ.” Ifakkrna li dan il-ferħ għandu jkun imfisser fl-imħabba lejn għajrna.