Prayer Cafè: Il-Qrar
Is-sagrament tal-qrar
X’inhuwa l-qrar? Għalfejn għandna bżonn inqerru?
Il-qrar huwa s-sagrament li:
a. bih jinħafru d-dnubiet mejta u d-dnubiet venjali;
b. jerġa’ jħabbibna mill-ġdid ma’ Alla u mal-Knisja (il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu). M’hemmx komunjoni m’Alla jekk m’hemmx komunjoni mal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja. Kristu huwa l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem. Aħna nieħdu sehem fil-ħajja divina permezz ta’ Kristu.
c. idewwaqna l-ħniena t’Alla, biex kif Alla juri ħniena magħna u jaħfrilna, aħna nħennu u naħfru lil min jonqosna;
d. jerġa’ jagħtina l-grazzja li nkunu tlifna minħabba d-dnub – Alla jerġa’ jgħammar fil-qalb tagħna – jerġa’ jieħu postu fina.
e. jagħtina l-qawwa u l-grazzji li neħtieġu biex intejbu l-ħajja tagħna.
X’għandi nagħmel biex nagħraf dnubieti?
a. Nitlob l-għajnuna t’Alla biex idawwalli moħħi u qalbi ħalli nara u nagħraf dnubieti;
b. Nagħraf fiex inqast mill-qima tiegħi lejn Alla u fiex inqast milli nagħmel il-ġid lill-oħrajn:
i. bil-ħsieb;
ii. bil-kliem;
iii. bil-għemil;
iv. għax ma għamiltx dak li kelli nagħmel.
c. Nara liema kmandamenti ma ħaristx: fiex inqast mill-ġustizzja lejn Alla u lejn l-oħrajn;
d. Inqabbel ħajti mat-tagħlim u l-ħajja ta’ Ġesu’, jien u nistaqsi:
i. Ċekkint lili nnifsi? Kont ta’ servizz għall-ġid tal-oħrajn? Ħadd ħsieb ta’ min hu mwarrab, magħkus u mkassbar? Ħadt ħsieb il-morda? Ġibt ruħi mal-midinbin bħal Ġesu’? Għamilt sagrifiċċji għall-ġid tal-oħrajn? Qalbi kemm hi marbuta mal-mobile, mat-TV, mal-flus, mal-partiti politiċi? Kif nuża l-flus, l-affarijiet u l-ħin?
ii. Kieku Ġesu’ kien minfloki x’kien jagħmel?
ii. Qed nara lil Ġesu’ fl-oħrajn?
iii. Nara fiex inqast fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.
e. Inqabbel ħajti mat-tagħlim tal-Knisja (l-applikazzjoni tat-Tagħlim t’Alla fid-dinja tal-lum).
f. Nistaqsi wkoll:
i. Kif inġib ruħi d-dar?
ii. Kif inġib ruħi mal-ħbieb? Nurihom rispett? Nipprova nkun ħabib ta’ kulħadd? Meta jweġġgħuni nkun lest li naħfrilhom? Ġieli pattejthielhom? Ġieli qagħdt niftaħar u nigdeb biex niġbed l-attenzjoni fuqi?
iv. Kif inġib ruħi m’Alla u fil-Knisja? Nitlob? Nimpennja ruħi fil-Knisja? Nieħu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd? Immur inqerr ta’ spiss? Kemm hu għal qalbi Alla? Kemm hu għal qalbi li nitgħallem dwar Alla u l-ħajja Nisranija?
X’inhi l-indiema?
a. L-indiema tirreferi għal meta jiddispjaċini minn dnubieti għax bihom nonqos lil Alla li tant iħobbni li mingħajr ma jistħoqqli ta ħajtu għalija u għall-bnedmin kollha biex jeħlisna proprju mid-dnub. L-indiema tfisser ukoll li jiddispjaċini għall-ħsara li nkun għamilt lill-oħrajn.
b. Biex inkun nista’ nindem, l-ewwel irrid nagħraf il-ħażin li nkun għamilt.
c. L-indiema titlob minni rieda li nagħmel ħilti kollha biex ma nerġax nidneb.
d. L-indiema m’hijiex sempliċement sens ta’ ħtija jew jiddispjaċini għax miniex raġel/mara tajjeb/tajba daqs kemm nixtieq.
Għalfejn l-indiema?
a. L-indiema tiftħilna qalbna biex nilqgħu l-maħfra t’Alla.
b. Alla m’għandux bżonn l-indiema tagħna biex jaħfrilna. Huwa aħna li għandna bżonn nindmu biex nilqgħu l-maħfra tiegħu.
c. Alla, min-naħa tiegħu, jaħfrilna qabel ma nindmu, qabel ma nitolbuh maħfra.
d. L-ebda dnub, gravi kemm hu gravi ma jista’ jnaqqas bi ftit l-imħabba t’Alla għalina. Id-dnub jagħlaq lil qalbna għal Alla u mhux lil Alla għalina.
L-imħabba t’Alla għalina
- L-imħabba t’Alla għalina (għal kull bniedem) hija infinita u ma tinbidel qatt.
- Jekk nassumu, biex niftehmu, li l-imħabba t’Alla hija 100, jien ma nista’
nagħmel xejn
la biex inżidha
u lanqas biex innaqqasha.
- L-ebda dnub, kbir kemm hu kbir, mhu se jnaqqas l-imħabba t’Alla (minn 100 tiġi 99) u
- l-ebda opra tajba, qaddisa kemm hi qaddisa, mhi ser iżżid l-imħabba t’Alla għalina (minn 100 tiġi 101).
- Alla jħobbna għax aħna bnedmin, indipendentement minn għemilna.
- L-għemil tajjeb jiftħilna qalbna biex nilqgħu l-imħabba t’Alla għalina u l-għemil ħażin (id-dnub) jagħlqilna qalbna biex nilqgħuha.
- L-għemil tajjeb jew ħażin bidla fina jġib u mhux f’Alla. Aħna ma nistgħux inbiddlu lil Alla.
Kif nistqarr id-dnubiet?
a. Wara li nagħraf dnubieti, għandi nistqarrhom quddiem is-saċerdot b’qalb umli u niedma.
b. M’hemmx għalfejn nirrakkontaw stejjer, qisna rridu niġġustifikaw lilna nnfusna.
c. Wisq inqas għandna nqerru d-dnubiet ta’ ħaddieħor jew nilgħabuha tal-vittmi.
d. Qatt u qatt m’għandna noqgħodu niftaħru b’kemm aħna bravi.
Hemm maħfra tad-dnubiet barra mis-sagrament tal-qrar?
a. Is-sagrament per eċċellenza għall-maħfra tad-dnubiet huwa l-magħmudija, li fih jinħafer id-dnub tan-nisel u d-dnubiet li nkunu għamilna qabel il-magħmudija. It-trabi ma jkollhomx dnubiet personali.
b. Bis-sagrament tal-qrar jinħafru d-dnubiet personali, kemm id-dnubiet mejta u kemm dawk venjali.
i. Fil-qrar għandna l-obbligu li nqerru d-dnubiet mejta u mħeġġin inqerru wkoll id-dnubiet venjali.
ii. Biex il-qrara tkun valida, min iqerr irid ikun nidem minn dnubietu. Jekk min iqerr ma jindimx, anke jekk is-saċerdot jagħtih l-assoluzzjoni (għax ma jistax jara x’hemm f’qalb il-bniedem), il-qrara ma tgħoddx.
c. Waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa, b’mod partikolari fl-att penitenzjali, jinħafru d-dnubiet venjali. Anke f’dan il-mument wieħed irid jagħraf dnubietu u jindem minnhom biex jinħafru.
d. Sagrament ieħor li jaħfer id-dnubiet huwa l-Griżma tal-morda. Jekk wieħed hu marid u ma jistax iqerr jew hu mitluf minn sensieh, imma meta kien f’sensieh dejjem wera x-xewqa li jqerr, l-Griżma tal-morda taħfer id-dnubiet mejta u venjali.
e. Id-dnubiet venjali jinħafru wkoll bl-opri tal-ħniena, bil-penitenzi, bis-sawm u bis-sagrifiċċji.
Dnubiet mejta u dnubiet venjali
X’inhuwa d-dnub?
a. Id-dnub huwa kull forma ta’ offiża lil Alla: kull ħaġa li ma taqbilx mal-ħajja t’Alla. Id-dnub jissejjaħ dnub għax jagħmel ħsara lilna u lill-oħrajn.
b. Id-dnubiet jinqassmu fi tnejn:
i. id-dnub oriġinali/tan-nisel;
ii. id-dnub personali – dak li nagħmlu aħna, li jinqassmu fi tnejn:
- id-dnubiet mejta – li jifirduna minn Alla, minħabba l-gravita’ tagħhom;
- id-dnubiet venjali – li jbegħduna minn Alla.
Distinzzjoni bejn id-dnub u l-ħtija:
- Id-dnub huwa l-għemil jew nuqqas ta’ għemil. L-għemil jista’ jkun bil-ħsieb u bil-kliem ukoll. Wara kull għemil hemm xi ħadd li jagħmlu.
- Il-ħtija tad-dnub tiddependi mill-intenzjoni ta’ min qed jagħmel l-għemil u miċ-ċirkustanzi li jinsab fihom.
- Jista’ jkun hemm id-dnub mingħajr il-ħtija, kif ukoll ħtija mingħajr dnub.
- Eżempju: Jien kont qed insuq b’attenzjoni kbira u bil-għaqal. Iżda f’daqqa waħda ħariġli wieħed u ġie taħt ir-roti u miet. Jien ma kelli l-ebda intenzjoni noqtlu u min-naħa tiegħi ma kontx qed insuq bit-traskuraġġni. Il-qtil (l-għemil) huwa dejjem dnub. Imma f’dan il-każ jien m’iniex ħati tal-qtil, għax jien kont qed insuq għall-affari tiegħi biex nasal id-dar (intenzjoni). Il-proxxmu li tajjart ħareġ bl-addoċċ u sab ruħu taħt il-karozza tiegħi (ċirkustanzi).
- Kif qed naraw għandna l-għemil fih innifsu li l-moralita’ tiegħu (jekk hux tajjeb jew ħażin) ma jiddependix minn min jagħmlu, imma minnu nnifsu, bħalma hu l-qtil.
- Għandna l-intenzjoni, li tiddependi minn min jagħmel l-għemil – għandha x’taqsam mal-ħtija (iżżid u tnaqqas il-ħtija)
- Għandna ċ-ċirkustanzi, li wkoll inaqqsu jew iżidu l-ħtija. Kull min jaġixxi huwa dejjem f’ċirkustanzi partikolari.
Għalfejn ċertu dnubiet jissejħu dnubiet mejta?
a. Biex inħarsu l-ġid tagħna u tal-oħrajn, il-ħajja tagħna trid issir tixbah lill-ħajja t’Alla, jiġifieri għandna nġibu ruħna mal-oħrajn, bl-istess mod kif Alla jġib ruħu magħna: kif Alla jħobbna, hekk aħna għandna nħobbu lil xulxin.
b. Bid-dnubiet mejta mhux talli ma nixbhuhx lil Alla talli proprju nagħmlu l-kuntrarju. Meta l-ħajja t’Alla, l-imħabba t’Alla, ma tkunx fina, ħajjitna tispiċċa mingħajr il-ħajja t’Alla. F’dan is-sens dawn id-dnubiet jissejħu dnubiet mejta, għax Alla, l-għajn tal-ħajja, ma jgħixx aktar fina – inkeċċuh ‘il barra minn qalbna.
Liema huma d-dnubiet mejta?
a. Kull dnub direttament kontra Alla huwa dnub mejjet:
i. Meta nħalli xi ħaġa oħra tieħu post Alla f’qalbi, bħal per eżempju, l-flus, ix-xogħol, ix-xalar, il-politika, l-isports, il-hobbies, eċċ. Meta naħsbu u nemmnu li dawn kollha huma aktar importanti minn Alla fil-ħajja tagħna. Meta għal dawn l-affarijiet lesti li nagħmlu kollox u kull sagrifiċċju u għal Alla nġibu kull skuża immaġinabbli. Meta nsibu ċans għal kollox u qatt ma nsibu ċans għall-quddies tal-Ħadd, għat-talb u biex ngħix il-ħajja Nisranija. Meta niċħdu l-eżistenza t’Alla; jkollna sentimenti ta’ mibegħda lejn Alla, niċħdu l-fidi Kattolika, bil-kliem u bl-għemil. Dawn huma dnubiet kontra l-ewwel kmandament;
ii. meta nwaħħal f’Alla jew nakkuża lil Alla ta’ xi ħsara jew għawġ li nkun għaddej minnu, id-dagħa, kif ukoll dnubiet oħra kontra t-tieni kmandament;
iii. meta ma nieħux sehem fis-sagrifiċċju tal-quddiesa fil-Ħdud u l-festi kmandati, għax nuri ingratitudni gravi lejn Alla li ta ħajtu għalija fuq is-salib, jiġifieri id-dnubiet kontra t-tielet kmandament.
b. Dnubiet gravi lejn l-oħrajn: mibegħda, egoiżmu (naħseb biss fija nnifsi u ma jinteressanix minn ħaddieħor), il-kattiverja, nixtieq id-deni lil ħaddieħor, il-vjolenza, ir-razziżmu, ngħajjar u noffendi bi ħdura, il-qtil, l-għira, ir-regħba u l-kilba għall-flus, dejjem irrid u moħħni biex inkun aħjar minn ħaddierħor, is-serq, is-suppervja, l-arroganza u l-gideb gravi. L-isfruttament tal-ħaddiema / impjegati jew meta niskartaw minn fuq ix-xogħol, nieħdu mill-Istat, mill-flus tal-poplu, dak li ma jistħoqqilnniex, ma nħallsux it-taxxi, bla ebda raġuni, meta nserrħu fuq dahar ħaddieħor u napprofittaw mill-ġenerożita’ tagħhom, qerq gravi, meta nissfruttaw lil ħaddieħor għall-pjaċir sesswali, kemm fiż-żwieġ u kemm barra ż-żwieġ, meta l-ġenituri ma jrabbux sew ‘l-ulied u jkunu ta’ eżempju ħażin għalihom.
c. Biex ikun hemm ħtija ta’ dnub mejjet, jeħtieġ li jiġu mħarsa dawn il-kundizzjonijiet:
i. li jkun għemil gravi, jiġifieri ssir ħsara kbira lil ħaddieħor u ssir inġustizzja kbira lejn Alla: iċ-ċirkustanzi jistgħu jiggravaw jew inaqqsu l-gravita’;
ii. min jagħmlu jkun jaf x’inhu jagħmel;
iii. irid jagħmlu b’rieda sħiħa.
d. Id-dnub mejjet jeqred fina l-imħabba u jifridna minn Alla.
Id-dnubiet venjali
a. Id-dnubiet venjali: wieħed ma jfittixhomx u lanqas biss iridhom imma minħabba stress, l-għejja, dgħufija u ċirkustanzi simili jaqa’ fid-dnub.
Il-kuxjenza
- Il-kuxjenza m’hijiex l-opinjoni tiegħi, kif naħsibha jien jew għax jien hekk nemmen.
- Il-kuxjenza hija l-vuċi t’Alla fil-qalb tal-bniedem.
- It-tagħlim t’Alla u tal-Knisja idawwal qalb u moħħ il-bniedem biex jagħraf x’inhu s-sewwa u xi jrid Alla fis-sitwazzjoni partikolari li jinsab fiha.