hadd-il-palm

IL-FAĊĊOLIŻMU TA’ KULJUM – Ħadd il-Palm Sena A – 2 ta’ April 2023

March 28, 2023

Ħadd il-Palm

IL-FAĊĊOLIŻMU TA’ KULJUM

Mattew 21:1-11;  Isaija 50:4-7;  Salm 21; Filippin 2, 6-11; Mattew 26:14-27,66

Il-Qari

Aqra l-Liurġija Hawn!

 

Il-Ħsieb

Iċ-Ċerimonja ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-bieb għall-Ġimgħa Mqaddsa li tilħaq il-qofol tagħha biċ-ċelebrazzjoni tat-tlett ijiem imqaddsa – Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid.  Huma jiem importanti għall-ħajja tagħna l-Insara.  Illum permezz ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-Ġimgħa tal-Vera Mħabba, mhux imħabba tal-kant u l-kartolini.  Hija mħabba li matul din il-gimgħa Ġesù se jurini bit-tbatija li ġarrab għalija; u għalhekk dejjem qist dan il-jum bħala jum ta’ FAĊĊOLIŻMU tiegħi lejn Ġesù.  Għax hu l-jum li jissimbolizza dak li jiena nwettaq kuljum: ngħid li jien ta’ Ġesù u ma’ Ġesù iżda wara, b’għemil u bil-kompromessi, ngħajjat “Sallbu”.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum hija meditazzjoni qawwija.

 

Il-Kelma

Fil-Vanġelu li jinqara fiċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tal-Palm insibu li, fis-silta ta’ San Mattew, għandna r-rakkont tad-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fost it-tixjir tal-Palm.  Fl-Ewwel Qari tal-quddiesta tal-lum għandna silta mill-ktieb tal-Profeta Isaija li tagħti l-idea tal-Qaddej t’Alla.  Is-Salm 21 fis-Salm Responsorjali tal-lum huwa l-għajta ta’ l-abbandun ta’ Ġesù fuq is-Salib.  Fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin għandna l-idea tax-xejn li ġab fuqu Kristu biex isalvana.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew illum naqraw il-Passjoni ta’ Ġesù: il-mumenti iebsa li għadda minnhom Kristu għall-umanitaÏ.

 

Il-Ħajja
  1. Din hija l-gimgħa ta’ l-akbar imħabba.  Kemm tassew se troddlu lura l-imħabba lil Ġesù bl-egħmil tiegħek?
  2. Kapaċi matul din il-gimgħa tagħmel REVIŻJONI TA’ ĦAJTEK fid-dawl tal-Passjoni ta’ Kristu?
  3. Kemm inti konxju ta’ nies li, bħal Kristu, huma msallbin madwarek minħabba l-inġustizzji?
  4. Ara li matul din il-Ġimgħa tipparteċipa ħaj fil-funzjonijiet tal-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Id-Djalogu

Mulej, nitolbuk li bl-eżempju

li tajtna fit-triq tas-salib,

nagħmel minn kollox

biex inħobbok bl-għemil tiegħi.

read more

IMĠARRAB U MWARRAB – Ħadd il-Palm – 14 ta’ April 2019

April 13, 2019

Id-Daħla Solenni ta’ Ġesu f’Ġerusalemm

IMĠARRAB U MWARRAB MINN KULĦADD!

Isaija 50:4-7; Salm 21; Filippin 2;6-11; Luqa 22,14-23,56

Il-Ħsieb

     Ġesù mġarrab u mwarrab minn kulħadd!  Illum nagħtu bidu għall-Ġimgħa ta’ l-akbar imħabba, iżda fl-istess ħin hija l-Ġimgħa ta’ l-imwarrab.  Kemm tassew jiena u inti kuljum għadna nagħmlu l-istess bħalma għamlu l-Lhud lil Ġesù?  Forsi ngħidu li aħna ta’ Ġesù, ngħidu li aħna ma’ Ġesù, iżda kemm tassew qed inkunu aħna li nuru, bil-ħajja tagħna stess, li aħna dixxipli denji tiegħu?  Fit-tajjeb ngħidu li aħna ta’ Ġesù, iżda fil-maltemp malajr nagħmlu l-kompromessi, malajr minn Hosanna ngħidulu Sallbu biex ma jtellifniex il-kompromessi tagħna.

     Ġesù jerfa’ fuqu l-madmad tagħna biex aħna nkunu salvi.  Kemm aħna grati lejn din il-ġrajja ta’ salvazzjoni?  Kemm tassew nifhmu dak li jrid minna Ġesù biex aħna wkoll nerfgħu s-salib tagħna ta’ kuljum?  Li tgħix il-fidi tiegħek mhix li tfittex l-Hosanna iżda li tfittex is-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor.

     Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa ejjew ninġabru flimkien bħala komunità nisranija u nifhmu li lkoll kemm aħna rridu ngħixu l-fidi tagħna fis-sħiħ fid-dawl tal-ġrajjiet ta’ l-imħabba ta’ Ġesù bil-Passjoni, Mewt u Qawmien.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn għandna l-figura tal-Qaddej t’Alla li lest li joffri lilu nnifsu għall-bnedmin; iżda Alla ma jitilqux waħdu.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 21, għandna l-għajta ta’ l-abbandun ta’ Ġesù:  Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Fit-Tieni Qari, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, l-Appostlu jgħidilna li Kristu biex isalvana ġab ruħu fix-xejn u ma qagħadx iqis il-jeddijiet tiegħu, imma sar jixbah lilna.  Iżda Alla għollieh fil-glorja.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum għandna r-rakkont tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Huma ġrajjiet li juruna sa fejn twassal il-vera mħabba ta’ Ġesù għalija u għalik.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew ippreparajt ruħek sew f’dan ir-Randan? Kemm se tużaha din il-Ġimgħa Mqaddsa li bdejna llum biex tkompli tikkonverti lilek innifsek?
  1. Lill-Mulej kantawlu Hosanna u wara għajtu Sallbu. Kemm-il darba għamilt hekk inti bl-għemejjel tiegħek?
  1. Ġesù ġie mġarrab u miet fuq is-salib. Dan kollu għamlu minħabba fina,  għaliex iħobbna.  Kif qed trodd lura din l-imħabba fil-ħajja tiegħek?
  1. Il-Mulej iġġarraf iżda qam. Meta tkun qed tiffaċċja xi problema fil-ħajja tiegħek ħares lejn Kristu Msallab.  Fih m’hemmx biss il-mewt iżda hemm ukoll il-qawmien.

 

Id-Djalogu

  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk,

  għaliex b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

read more