milied-2

UMILJAZZJONI! – Nhar il-Milied – 25 ta’ Diċembru 2019

December 20, 2019

Il-Milied – Il-Quddiesa ta’ bin-nhar

UMILJAZZJONI!

Isaija 52:7-10, Salm 97; Lhud 1,1-6; Ġwanni 1,1-18

Il-Vanġelu – Il-Verb sar bniedem

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.’ “

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

Il-Ħsieb

     Il-festa waslet. Il-probabbiltà hi li ninsew il-protagonisti tagħha.  Nagħżlu li niċċelebraw il-Birthday ta’ xi ħadd mingħajr ma nagħtu kas ta’ min hija l-festa.  Din hija l-umiljazzjoni kbira li qegħdin nerġgħu ngħaddu minnha lil ĠesuÏ minkejja dak kollu li fil-festa tal-Milied niċċelebraw, li wettaq għall-umanitaÏ.  Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri.  Fil-Grotta ta’ Betlem, Ġesù għadda minn umiljazzjoni kbira li tkompliet sa fuq is-salib.  “Ġie f’daru iżda niesu ma laqgħuhx”.  Noqogħdu attenti li l-avveniment li qed niċċelebraw illum ikun ġrajja ħajja għalina lkoll.  Ġrajja li tqawwi l-ħajja tagħna bħala nsara meta nagħrfu l-UMILJAZZJONI kbira li ġarrab Ġesù.  Quddiem ix-xena tal-Grotta ta’ Betlem irridu nirringrazzjaw bil-qalb lil Ġesù għal dak kollu li jagħmel magħna kull ħin.

Il-Kelma

     Fl-ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija għandna deskrizzjoni tar-ritorn tal-poplu ħieles mill-eżilju ta’ Babel.  Alla ġej biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu, ifarraġ, ifejjaq, jifdi u jsalva.  U propju din hija l-għajta tas-Salmista meta fis-Salm 97 itenni li “Raw it-truf kollha ta’ l-art is-Salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”  Salvazzjoni li skond l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud li naqraw fit-Tieni Qari tal-lum insibu li l-Kelma ta’ Alla laħqet il-quċċata tagħha bil-miġja ta’ Kristu Ġesù.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu lil Għerf-Kelma-Verb sar bniedem bħalna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.

Il-Ħajja
  1. Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja.  Kien fid-dinja u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.  Int se tkun wieħed li m’għaraftux?
  2. X’se tagħti lil Ġesù fil-Grotta ta’ Betlem?
  3. Kemm se tagħmel minn dan il-Milied okkażjoni biex tgħin lill-fqir?
  4. X’se titlob li jagħtik Ġesù llum?

.

Id-Djalogu

     Mulej agħmel li quddiem l-umiljazzjoni tiegħek ma nistħix ngħix ta’ Nisrani.

read more

DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ – Il-Magħmudija tal-Mulej – 11 ta’ Jannar 2015

January 4, 2015

Il-Magħmudija tal-Mulej

DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ

Isaija 42: 1-4; 6-7; Salm 28; Atti 10: 34-38; Mark 1:7-11

 

Il-Vanġelu

Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.

 

Il-Ħsieb

     Il-festa tal-lum, dik tal-Magħmujdija tal-Mulej, mhux biss hija festa li tfakkarna fil-mument tal-magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda wkoll fil-konferma ta’ Alla l-Missier għall-missjoni ta’ Ibnu:

‘Araw il-qaddej tiegħi li fih jiena nemmen,
il-Maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet.”

     Dan id-diskors tal-Profeta Isaija juri l-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali, Alla jagħmel patt ta’ għaqda bejnu u bejn il-poplu.  Hija missjoni li l-qaddej ta’ Alla kellu jwettaqha fil-kwiet u fis-sliem.  U minn hawn tibda r-riflessjoni fuq il-missjoni tagħna bħala mgħammdin u qaddejja ta’ Alla.  Kemm tassew fhimna din il-missjoni?  Kif qed nuru, bħall-qaddejja ta’ Alla, bl-istess ħajja tagħna ta’ kuljum li aħna mgħammdin?  Kemm nistgħu nwettqu f’ħajjitna d-dmirijiet li rċevejna fil-magħmudija?

The Baptism of Christ – Hendrik Goltzius

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija jitkellem dwar il-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali.  Fuq dan il-qaddej jitqiegħed l-Ispirtu t’Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 28, għandna innu ta’ tifħir lill-Mulej li jbierek lill-poplu tiegħu bis-sliem.  It-Tieni Qari tal-lum huwa silta mill-Atti ta’ l-Appostli.  Għandna l-bidu tad-diskors ta’ Pietru fid-dar taċ-ċenturjun pagan Kornelju.  Pietru jenfasizza li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda jilqa’ lil kull min irid iwettaq ir-rieda tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista u l-Magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan.

Il-Ħajja
  1. Kif qed ngħixu l-magħmudija tagħna b’rutina jew b’impenn?
  1. Kemm tassew fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù qed nirrifletti fuq il-Magħmudija tiegħi u nara kif nista’ niġġedded mal-Mulej?
  1. Il-Qaddej t’Alla aċċetta li jgħix il-Magħmudija tiegħu fis- sempliċita.  Kemm qed nipprova ngħix ħajja sempliċi?
  1. L-umiltà kbira ta’ Ġesù tidher fil-festa tal-lum. Kemm   qed jirnexxilna nkunu umli fil-qadi ta’ kuljum?
Id-Djalogu

  Mulej Ġesù,

  għinni ngħix kuljum

  il-wegħdiet li għamilt fil-Magħmudija.

read more