sena-a

F’IDEJKOM – Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena A – 21 ta’ Mejju 2023

May 16, 2023

MinnTlugħ il-Mulej fis-Sema

F’IDEJKOM

Atti 1:1-11, Salm 46; Efesin 1:17-23; Mattew 28: 16-20

 

Il-Vanġelu

Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli

Tlugħ il-Mulej fis-sema – Pietro Perugino

Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.  Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

 

Il-Ħsieb

U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Il-Mulej tela’ fis-sema.  Ħalliena waħedna?  Le, iżda qed jafda aktar fina dak li Huwa ġie biex jgħallem fuq din l-art.  Ħalla f’idejna mhux biss biex naċċettaw jew le l-fidi tagħna iżda wkoll biex inwasslu din l-aħbar tajba ta’ salvazzjoni lill-ġnus.  Mhux talli mhux ser iħallina orfni, talli l-Mulej jwiegħed solennement li huwa magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet.  Għaliex allura nibżgħu?  Għaliex jonqsilna l-kuraġġ?  Għaliex naħsbu li ninsabu waħedna; xi kultant ngħidu li anki Alla nsiena?  Hija l-opra ta’ satana  li jipprova joħloq fil-bniedem sfiduċja totali fih innifsu u fil-qawwa li jagħtina l-Mulej fis-Sagramenti.

Huwa Ħadd fejn irridu nirriflettu kemm aħna kuraġġużi fix-xandir tal-fidi tagħna.  Kemm tassew aħna lesti nimpenjaw ruħna fis-soċjetaÏ biex inxandru din l-aħbar it-tajba kullimkien?  Nibdew mill-ambjent tal-familja tagħna, tax-xogħol, studju, divertiment; kull ħin hu mument tajjeb biex inxandru l-fidi tagħna.

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, jirrakkonta t-tlugħ tal-Mulej fis-sema u juri r-responsabbiltaÏ tad-dixxipli li jridu jagħtu xhieda tiegħu sa truf l-art.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, għandna stedina biex nuru l-ferħ tagħna li Kristu tela’ fis-sema biex joqgħod fuq il-lemin tal-Missier.  Fl-Ittra lill-Efesin għandna naraw lil San Pawl juri lill-Insara  b’liema ġieħ ġie gglorifikat Sidna Ġesù Kristu permezz tal-Missier.  Naraw kemm tassew is-salvazzjoni tad-dinja hija opra kontinwa tat-TrinitaÏ.  Fil-Vanġelu għandna t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema iżda wkoll il-kmand ta’ Ġesù lid-dixxipli biex imorru jħabbru u jgħallmu.

Il-Ħajja
  1. Aħna l-Insara ma nistgħux nibqgħu reqdin.  Hemm bżonn li nqumu min-ngħas.  M’aħniex waħedna.  Ġesù bagħatna nxandru. X’qegħdin nagħmlu biex nuruh li fhimna xi jrid minna?
  2. Ma nistgħux inxandru jekk qabel ma nkunux nies li kontinwament  nitgħallmu u nikbru fil-Kelma ta’ Alla.
  3. Qatt ma għandna nibżgħu li aħna waħedna.  Il-Mulej magħna sa l-aħħar taż-żminijiet.
  4. Kuraġġ!  Hemm bżonn li nxammru l-kmiem u nidħlu naħdmu fl-għalqa tal-Mulej.
Id-Djalogu

Għinni, Mulej,

biex inxandar il-Bxara t-Tajba mal-Ġnus.

Għinni biex ma nibżax u ma naqtax qalbi.

read more

JEKK TĦOBBUNI… – Is-6 Ħadd tal-Għid – Sena A – 14 ta’ Mejju 2023

April 30, 2023

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

JEKK TĦOBBUNI….

Atti 8: 5-8,14-17; Salm 65;  1 Pietru 3,15-18; Ġwanni 14:15-21

Il-Vanġelu

Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu

“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”

 

Il-Ħsieb

Il-Kliem tal-Mulej huwa ċar.  Kemm hawn minna li aħna konvinti li aħna ta’ Kristu, li ngħidu li lesti nagħmlu kollox għalih?  Il-Mulej jitkellem ċar meta joffri proposta tiegħu għal dawk li jgħidu li jħobbuh.  Min iħobbni jħares il-KMANDAMENTI TIEGĦI.  Ma tistax tgħid li jiena ta’ Kristu, li jiena nħobb lil Kristu imma…

“U jiena nitlob lill-Missier.”  M’aħniex weħidna.  Il-Mulej huwa magħna u qiegħed jitlob lill-Missier għalina jekk aħna nagħtu xhieda tiegħu.  Għal dan il-għan hemm bżonn li aħna, minkejja d-dgħufija tagħna, irridu nafdawh, nirreċiprokaw il-fiduċja li tana.  Huwa għalhekk li l-kristjaneżmu huwa dejjem diffiċli li tgħixu ġurnata wara oħra.  Huwa għalhekk li f’dawn il-Vanġeli tal-Ħdud ta’ l-Għid, il-Mulej, filwaqt li jiftħilna għajnejna, jimliena bil-kuraġġ vojt ta’ ħafna kliem fieragħ, iżda kuraġġ li jinbena proprju fuq il-ħtieġa li ngħixu jum wara jum il-kristjaneżmu tagħna…

Ġesù jtenni li qatt m’hu se jħallina ltiema, qatt ma aħna waħedna, m’ għandniex minn xiex nibżgħu.  Hemm bżonn li l-Mulej jiftħilna l-qalb imbeżżgħa tagħna biex bil-kuraġġ inħabbru l-qawmien tiegħu li jidher fl-għajxien ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna l-evanġelizazzjoni ta’ Filippu fis-Samarija.  Filippu jħabbar u jwettaq l-għemejjel ta’ fejqan li jsiru bis-saħħa ta’ dak Kristu li qam mill-imwiet.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej li tana l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħ fina l-fidi u l-għajxien ta’ l-istess fidi.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, għandna t-twissijiet kif l-Insara għandhom iġibu ruħhom quddiem il-persekuzzjonijiet.  San Pietru jenfasizza li hemm bżonn li l-Insara jkollhom tagħlim sod biex ikunu kapaċi mhux biss iwieġbu iżda wkoll jissaħħu fil-fidi.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna r-rakkont li fih Ġesù jkompli jsaħħaħ id-dixxipli tiegħu u jtennilhom li, min iħobbu, għandu juri tassew li huwa miegħu bil-fatti.

Il-Ħajja

1.  Hemm bżonn li nkunu nafu aħjar it-tagħlim tal-fidi tagħna.  Hemm bżonn li nkunu tassew familjari mal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li huwa wieħed.

2.  Irridu ngħixu b’konvinzjoni l-fidi tagħna.  M’ għandniex nibilgħu dak li nisimgħu jew naqraw.  Għandna nirrifjutawh jekk ma jaqbilx mat-tagħlim tagħna.  Għandna r-responsabbiltaÏ li niftħu għajnejn ħutna li għadhom jibilgħu kollox.

3.  Hemm bżonn li l-Insara b’kuraġġ joħorġu aktar fil-beraħ fis-soċjeta tagħna.  Ma nibżgħux minn persekuzzjonijiet li jistgħu jiġu minn kullimkien, anki mill-media.

read more

TITĦAWDUX! – Il-5 Ħadd tal-Għid – Sena A – 7 ta’ Mejju 2023

April 30, 2023

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

TITĦAWDUX!

Atti 6, 1-7;  Salm 32; 1 Pietru 2, 4-9; Ġwanni 14:1-12

Il-Vanġelu

     “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.  U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ‘l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.”  Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”  Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m’hux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Qatt ħsibt li tista’ titħawwad minħabba f’Ġesù ?  Meta tara diversi għemejjel min-nies li suppost jispiraw fik il-fiduċja u tara l-kuntrarju, bla ma trid titħawwad anki mill-aspett spiritwali.  Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, irid iwasslilna messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama, iżda wkoll ta’ mpenn.  Hemm bżonn li nżommu sħiħ u nemmnu fih.  Is-silta li nsibu fil-Vanġelu tal-lum tasal wara t-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħda ta’ Pietru u Ġesù  li wasal biex jitlaq.  Ġesù  jqawwi l-qlub meta juri d-destinazzjoni tal-bniedem ’il fejn hi, fejn hija d-dar tagħna…fis-sema.  Il-Mulej Ġesù jtenni li sejjer iħejjilna l-post għand il-Missier.  M’hijiex biss wegħda, iżda fuq kollox stedina.  Huwa minn hawn li trid issir fina l-bidla biex inkunu denji li nirrispondu għal din il-wegħda.

 

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-importanza li l-ewwel insara kienu jagħtu mhux biss lill-kelma u t-talb iżda wkoll lill-problemi soċjali.  Huwa muri biċ-ċar li l-Knisja, mill-ewwel żminijiet tagħha, dejjem ħasbet fil-batut, fil-fqir u fl-emarġinat.  Is-Salm Responsorjali li ntennu huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex fil-Kelma tiegħu, li toħloq kollox, jagħtina mħabbtu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, juri li l-Knisja hija magħmula mhux minn ĠEBEL MEJJET iżda minn ĠEBEL ĦAJ li huwa komunità li tfittex il-ħin kollu li tagħti xhieda tal-qawmien ta’ Kristu fis-soċjeta’ tagħha.

     Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jqawwi l-qlub ta’ l-Appostli li kienu mħawda u jfisser għaliex sejjer għand il-Missier.  Il-Mulej iħeġġeġ lill-Appostli biex jemmnu fih.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej ma jridx li nitħawdu.  Hemm bżonn li nemmnu aktar fit-tagħlim tiegħu.  Hija stedina biex inkunu nies ta’ talb u fl-istess ħin li jkollna fiduċja sħiħa fi Kristu, minkejja t-tfixkil tal-ħajja ta’ kuljum.
  2. San Pietru jistedinna llum nifhmu li aħna l-Knisja.  Il-Knisja li hija komunità, li hija ġebel ħaj, u jekk ħaj allura jagħti l-ħajja.
  3. Ma tistax tkun veru nisrani u ma tagħtix każ ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà tiegħek.  Huwa għal dan il-għan li fl-Ewwel Qari tal-lum insibu li l- Knisja mill-ewwel żminijiet tagħha kienet impenjata fl-għajnuna għall-fqir u l-batut, għajnuna li dejjem żammet bħala l-prinċipju ewlieni tagħha sal-ġurnata tal-lum.

 

Id-Djalogu

     Mulej Ġesù ,

     qawwi fina l-fidi, biex xejn u ħadd

     ma jbegħidni minnek.

read more

IL-BIEB HUWA JIEN – Ir-4 Ħadd tal-Għid, sena A – 30 t’April 2023

April 19, 2023

Ir-4 Ħadd ta’ l-Għid

Jum Mondjali ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

IL-BIEB HUWA JIEN

Atti 2:14a 36-41; Salm 22; 1 Pietru 2, 20b-25; San Ġwann 10:1-10

Il-Vanġelu

“Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj  tan-nagħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.  Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx.” Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.

Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li  l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.

 

Il-Ħsieb
Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva
Ħafna drabi aħna l-Insara tinbet fina ċerta konvinzjoni li kapaċi nimxu mingħajr Kristu u mingħalina li nkunu qed nagħmlu s-sewwa.  Kapaċi nagħmlu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna mingħajr ma nagħtu każ jekk l-għażliet tagħna jmorrux ma’ l-istess fidi tagħna.  Ma nistaqsux min hu r-ragħaj tagħna?  Jekk hemmx differenza bejn il-mod tal-ħajja tagħna u ta’ dawk li ma jemmnux?  Il-Mulej ġie biex jagħtina l-ħajja mhux biex niddubbaw, iżda ħajja bil-kotra , bl-abbundanza… għaliex qed nibqgħu nisfiduċjaw lill-Mulej?  Għaliex qegħdin nibqgħu nagħmlu għażliet ta’ mewt fuq ħajjitna u mhux favur il-ħajja li jagħtina l-Mulej?  Pietru fis-silta mill-Atti ta’ l-Appostli jitkellem ċar.  Hemm bżonn ta’ xhieda akbar u aktar ħajja minna l-Insara fis-soċjeta tal-lum.  Ma nħallux min jispekula mir-reliġjon tagħna mingħajr ma nkunu lesti li nagħtu tweġibiet f’waqthom.  Ma nħallux lil min minn Kristu jagħmel karikatura… hawn wisq xogħol xi jsir biex ma nkunux mar-Ragħaj tagħna.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum ikompli mill-Atti ta’ l-Appostli u jtenni l-mod ta’ spjegazzjoni li kien qed jagħmel Pietru lil-Lhud u jfisser kif mill-Iskrittura hemm il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  Fis-Salm 22 għandna r-rakkont tar-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajtu għan-ngħaġ tiegħu mingħajr interessi ta’ xejn ħlief dak li jħares lill-istess nagħaġ.

It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru fejn naraw li San Pietru jfakkar lin-nisrani li qed ibati sabiex iħares lejn Ġesù li bata, miet imma qam fuq il-ħażen.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Ġesù li jagħti tifsira ta’ kemm hu importanti li nħalluh imexxina hu bħala r-Ragħaj li jrid biss il-ġid tagħna lkoll.

 

Il-Ħajja

1.  Huwa importanti li fil-ħajja tagħna jkollna RAGĦAJ WIEĦED li jiggwidana.

2.  Għandna niftħu għajnejna u naraw li dan ir-Ragħaj tassew qed ifittex l-interessi tagħna u mhux Tiegħu.

3.  Huwa Ġesù biss li huwa miġnun warajna; li jrid jagħtina mhux biss il-ħajja, iżda l-ħajja bil-kotra.

4.  L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

 

Id-Djalogu

Mulej, kun dejjem ir-ragħaj tiegħi, sabiex nagħraf nagħmel passi sodi f’ħajti.

 

read more

GĦEMMAWS: IL-MIXJA SAL-ĠIRJA – It-3 Ħadd tal-Għid, sena A –23 t’April 2023

April 15, 2023

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

GĦEMMAWS:  IL-MIXJA SAL-ĠIRJA

Atti 2, 14:22-28;  Salm 15; Pietru 1,17-21; Luqa 24:13-35

 Il-Vanġelu

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm,  jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara.  Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.  Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek  il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn  il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 Il-Ħsieb

Il-Mulej qam tassew
Ġesù jimxi magħna, jgħix magħna, jispjega lilna l-istess skrittura u nibqgħu ma nqumux min-nagħas, nibqgħu b’għajnejna magħluqa, nibqgħu mexjin fit-triq u ntennu li Alla nsiena.  Il-mixja ta’ Għemmaws taż-żewġ dixxipli hija meditazzjoni għalija u għalik dwar il-mod ta’ ħajja li qegħdin ngħixu bħala Nsara.  Xi kultant huwa l-isem biss ta’ nsara li jibqgħalna meta m’aħniex nies li naqraw l-iskrittura, meta aħna nies li għalkemm nitilgħu nitqarbnu nibqgħu l-istess.  Il-Mulej irid jibdilna għaliex ilkoll kemm aħna rridu nifhmu li x-xogħol tagħna huwa li nwasslu AĦBAR TAJBA wara li nkunu fhimna, aċċettajna u għexna din l-aħbar.

Il-Liturġija tal-lum hija ċara:  mingħajr l-Iskrittura u l-Ewkaristija qatt ma nistgħu niftħu għajnejna beraħ għall-messaġġ personali li Kristu għandu għal kull wieħed u waħda minna.

 Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli li jkompli jirrakkonta l-effett immedjat tal-qawmien ta’ Kristu fuq l-Appostli.  Kienet injezzjoni ta’ kuraġġ iżda li skoprewha bil-mod il-mod.  F’din is-silta tal-lum insibu d-diskorsi ta’ Pietru flimkien ma’ l-Appostli li fih hemm l-essenza tal-messaġġ nisrani – inħabbru l-mewt, inxandru l-qawmien tal-Mulej u nistennew il-miġja tiegħu fil-glorja.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ lill-Mulej – il-kenn tagħna – għaliex bil-qawmien tiegħu sibna lkoll ħajja ġdida.  Fit-Tieni Qari tal-lum insibu l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru li jtenni li dak li jiswa jinkiseb bi prezz għoli, kif kien il-prezz li ħallas Kristu għall-ħelsien tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws.  Huwa rakkont li lilna jiftħilna għajnejna għaliex kull wieħed minn jagħmel l-istess mixja ħafna drabi mingħajr ma nindunaw li magħna hemm Ġesù.  Ta’ min jinnota li meta għarfu li kien il-Mulej, spiċċa l-biża’ minn fuqhom, u minkejja li kien il-lejl u d-dlam telqu wara Ġesù.

 Il-Ħajja

1.  Kemm tassew qed nagħmlu mixja ta’ tagħlim ma’ Ġesù permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna?

2.  Kemm għandna għatx tassew biex lil Ġesù nħalluh jimxi magħna u nixorbu mill-għejjun li joffrilna permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija?

3.  Kemm tassew qed jinfetħu għajnejna meta nirċievu l-Ewkaristija?

4.  Id-dixxipli ta’ Għemmaws spiċċa minnhom il-biża’ hekk kif għarfu lil Ġesù.  Għaliex ħafna drabi aħna nibqgħu beżgħana?

 

 Id-Djalogu

Mulej, nitolbuk tgħinni

nagħarfek kull ħin.

 

read more

TEMMEN… MA TEMMINX – it-2 Ħadd tal-Għid, sena A – 16 t’April 2023

April 14, 2023
Caravaggio's The Incredulity of Saint Thomas (1601-2)

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

TEMMEN… MA TEMMINX

Atti 2,42-47; Salm 117; 1 Pietru 1, 3-9; Ġwanni 20,19-31

Il-Vanġelu

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Ħsieb

Henjin dawk li ma rawx u emmnu
Temmen… ma temminx… iddeċidejt.  Għaddew l-erbgħin jum tar-Randan.  L-Għid għadda ġimgħa minn fuqu u inti għadek m’intix deċiż.  Min jaf kemm din il-ġimgħa batejt biex tgħix il-fidi tiegħek.  Min jaf kemm kienu dawk il-mumenti li abbandunajt il-Mulej… min jaf kemm kienu l-mumenti li ddubitajt mill-Mulej.

San Tumas hekk ġralu wkoll … bħall-bniedem tal-lum ried imiss biex jemmen.  U inti li forsi dejjem tiddubita Ġesù qed jistiednek issa mhux biss biex tmissu iżda biex jidħol fik.  L-Ewkaristija huwa l-mument tal-verità li permezz tiegħu l-Mulej jinvadi l-qlub tagħna, il-ħajja tagħna, u jseħħ tassew it-tisħiħ tal-fidi.

Il-Kelma

L-ewwel qari mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli juri li l-għaqda ta’ l-ewwel insara kienet permezz ta’ l-Ewkaristija u t-talb.  Is-Salm 117 itenni li aħna wkoll bħall-ewwel insara għandna nfaħħru lill-Mulej li ġabarna flimkien bħala Nsara.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li nsibu fit-tieni qari, hemm silta li aktarx kienet innu li jingħad waqt il-magħmudija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Kemm it-twelid ġdid u l-ħajja ġdida ġew mogħtija lilna minn Kristu.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-każ ta’ Tumas li ma emminx qabel ra. Ġesù jfaħħar lil dawk li ma rawx u emmnu għax kbira hija l-fidi tagħhom.

IL-Ħajja
  1. Minn fejn tingħaraf il-fidi tiegħek… minn ħajtek?
  2. Kemm tassew għandek fidi f’Alla f’dak kollu li twettaq?
  3. X’tagħmel fil-mument li tonqos il-fidi tiegħek?
  4. Kemm tassew qed tħossok ma’ ħutek l-Insara familja waħda fit-talb u l-Ewkaristija?
Id-Djalogu

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

 

read more

QAM GĦALINA – Ħadd il-Għid – Sena A – 9 t’April 2023

March 29, 2023

Ħadd il-Għid

QAM GĦALINA

Atti 10:34,37-43; Kolossin 3, 1-4; 1 Kor 5: 6b-8; Ġwanni 20,1-9

Il-Vanġelu

     Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

Rubens – The Resurrection of Christ – 1611

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.  Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet.

Il-Ħsieb

L-Għid il-Kbir.  L-akbar festa fil-kalendarju tal-mixja tal-fidi tagħna.  Hija festa li turi li Ħajjet u Kliem Kristu fuq din l-art kienu kliem bis-serjetà.  Importanti għalhekk li llum nifirħu u nirringrazzjaw lil Ġesù għal din ir-rebħa li permezz tagħha AĦNA SIRNA WLIED IR-REBĦA u li l-mewt mhux ser taħkem aktar fuqna.  Importanti għalhekk li nifirħu, ferħ li jiġi għalina li matul ir-Randan nagħrfu li aħna bnedmin dgħajfa u li mingħajr Ġesù ma aħna xejn.  Importanti għalhekk li lkoll kemm aħna nifhmu li r-rebħa ta’ Ġesù kienet rebħa kontra d-dubji u l-inċertezzi tal-ħajja ta’ kuljum, rebħa kontra l-inġustizzji li nsofru, rebħa li tmur ferm ’il bogħod fiż-żmien u teħodna għall-eternità.  ġustifikat għalehkk huwa l-ferħ tagħna llum.

Il-Kelma

L-ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli u jirrakkonta d-diskors ta’ Pietru fejn itenni li l-predikazzjoni tiegħu hija fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù, li huwa l-misteru ta’ l-Għid.  Ma’ dan il-misteru ddur l-istorja kollha ta’ l-Għid u ta’ l-umanità mifdija.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ f’Salm 117 għax dan HUWA L-JUM li għamel il-Mulej.  Fit-tieni qari fl-Ittra lill-Kolossin San Pawl itenni li jekk aħna irxuxtajna ma’ Kristu hemm bżonn li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li flimkien ma’ Marija ta’ Magdala kienu Pietru u Ġwanni l-ewwel xiehda tal-qawmien ta’ Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Tħoss tassew ferħ f’qalbek illum?
  2. Tħoss li pajjiżek huwa s-sema?
  3. Qed tfittex il-ħwejjeġ tas-sema u mhux tad-dinja?
  4. Tħoss li Ġesù kisiblek ir-rebħa?
  5. L-Għid it-tajjeb ifisser li dak li għexna matul ir-Randan issa nkomplu ngħixuh fiċ-ċertezza tar-rebħa ta’ Kristu Rxoxt.
Id-Djalogu

Mulej, rebbieħ fuq il-mewt

għinna nirbħu kontinwament id-difetti tagħna,

biex nifhmu l-kobor tar-rebħ tiegħu.

bħala ulied ir-rebħa.

read more

IL-FAĊĊOLIŻMU TA’ KULJUM – Ħadd il-Palm Sena A – 2 ta’ April 2023

March 28, 2023

Ħadd il-Palm

IL-FAĊĊOLIŻMU TA’ KULJUM

Mattew 21:1-11;  Isaija 50:4-7;  Salm 21; Filippin 2, 6-11; Mattew 26:14-27,66

Il-Qari

Aqra l-Liurġija Hawn!

 

Il-Ħsieb

Iċ-Ċerimonja ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-bieb għall-Ġimgħa Mqaddsa li tilħaq il-qofol tagħha biċ-ċelebrazzjoni tat-tlett ijiem imqaddsa – Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid.  Huma jiem importanti għall-ħajja tagħna l-Insara.  Illum permezz ta’ Ħadd il-Palm tiftaħ il-Ġimgħa tal-Vera Mħabba, mhux imħabba tal-kant u l-kartolini.  Hija mħabba li matul din il-gimgħa Ġesù se jurini bit-tbatija li ġarrab għalija; u għalhekk dejjem qist dan il-jum bħala jum ta’ FAĊĊOLIŻMU tiegħi lejn Ġesù.  Għax hu l-jum li jissimbolizza dak li jiena nwettaq kuljum: ngħid li jien ta’ Ġesù u ma’ Ġesù iżda wara, b’għemil u bil-kompromessi, ngħajjat “Sallbu”.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum hija meditazzjoni qawwija.

 

Il-Kelma

Fil-Vanġelu li jinqara fiċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tal-Palm insibu li, fis-silta ta’ San Mattew, għandna r-rakkont tad-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fost it-tixjir tal-Palm.  Fl-Ewwel Qari tal-quddiesta tal-lum għandna silta mill-ktieb tal-Profeta Isaija li tagħti l-idea tal-Qaddej t’Alla.  Is-Salm 21 fis-Salm Responsorjali tal-lum huwa l-għajta ta’ l-abbandun ta’ Ġesù fuq is-Salib.  Fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin għandna l-idea tax-xejn li ġab fuqu Kristu biex isalvana.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew illum naqraw il-Passjoni ta’ Ġesù: il-mumenti iebsa li għadda minnhom Kristu għall-umanitaÏ.

 

Il-Ħajja
  1. Din hija l-gimgħa ta’ l-akbar imħabba.  Kemm tassew se troddlu lura l-imħabba lil Ġesù bl-egħmil tiegħek?
  2. Kapaċi matul din il-gimgħa tagħmel REVIŻJONI TA’ ĦAJTEK fid-dawl tal-Passjoni ta’ Kristu?
  3. Kemm inti konxju ta’ nies li, bħal Kristu, huma msallbin madwarek minħabba l-inġustizzji?
  4. Ara li matul din il-Ġimgħa tipparteċipa ħaj fil-funzjonijiet tal-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Id-Djalogu

Mulej, nitolbuk li bl-eżempju

li tajtna fit-triq tas-salib,

nagħmel minn kollox

biex inħobbok bl-għemil tiegħi.

read more

JIFTAĦ L-OQBRA – Il-5 Ħadd tar-Randan Sena A – 26 ta’ Marzu 2023

March 19, 2023

Il-5 Ħadd tar-Randan

JIFTAĦ L-OQBRA

Eżekjel 37: 12-14; Salm 129; Rumani 8:8-11; Ġwanni 11:1-45

Il-Vanġelu

Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid.” Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda  tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla.” Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.” Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”  Weġibhom Ġesù: “M’hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl.”  Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu.”  Qalulu  d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq.” Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas.  Mbagħad qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet.  U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh.”  Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu.”

Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ‘l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom.  Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.” Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.”  U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”  Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’ oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu.  Ġesù qal: “Neħħu l-blata.” Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet.” Qalilha Ġesù: “Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ‘il fuq u qal: “Missier, nroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.” Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Ħsieb

Il-Mulej tant huwa viċin tagħna li jridna ħajjin dejjem u ma jiddejjaqx jinżel fil-ħofra tal-qabar maħmuġ tal-fraġilita ta’ ħajjitna.  “Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Iżda intom ma tgħixux skond il-ġisem iżda skond l-Ispirtu”.  Din hija twissija li jagħti San Pawl fil-liturġija tal-lum, twissija li lkoll kemm aħna rridu nieħdu bis-serjetà jekk irridu nibqgħu ħajjin dejjem, ħajjin għall-eternità, ħajjin permezz tal-Kelma t’Alla.  Minkejja d-difetti tagħna, il-Mulej lest li jerġa’ jqajjimna kuljum ukoll jekk dak li għal għajnejn id-dinja jidher li jkun waqgħa jew falliment.  Huwa għal dan il-għan li l-qawmien ta’ Lażżru huwa eżempju ċar mhux biss tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt fiżika tal-bniedem iżda b’mod aktar ċar fuq il-mewt spiritwali.  Għal dan il-għan dan il-Vanġelu huwa Vanġelu li jagħtina kuraġġ u tama minkejja d-dgħufija ta’ kull wieħed minna.  Il-Kelma tal-Mulej għandha s-setgħa kull ħin li tagħtina l-ħajja.  Importanti li lkoll nagħtu każ tagħha u nagħtuha l-ħin u ċ-ċans tibdilna.

Il-Kelma

Eżekjel iserraħ ras il-poplu u jiddeskrivi l-qawmien u l-għaqda ta’ Israel wara l-Eżilju.  Dan insibuh b’mod speċjali fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, li jtenni li saħansitra l-Mulej itellagħna mill-oqbra li nkunu ntfajna fihom aħna.  Il-Mulej se jqiegħed ruħna fina biex  aħna nieħdu l-ħajja.  Xi rridu aktar minn hekk?  Is-Salm 129 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għajta qawwija lill-Mulej għax huwa għandu t-tjieba.  Hija din it-tjieba li trid tfejjaqna.  Fit-Tieni Qari fl-Ittra lir-Rumani għandna indikazzjoni li aħna l-imgħammdin, aħna l-ħolqien ġdid imħabbar minn Eżekjel fl-Ewwel Qari tal-lum.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, fil-qawmien ta’ Lazzru għandna tifsira ta’ dak li jiġri lilna fil-magħmudija.

Il-Ħajja

1.  Quddiem id-dgħufija tagħna għandna l-ordni kuljum biex inqumu mill-waqgħat u r-raqdiet tagħna.

2.  Il-Mulej iridna ħajjin fix-xhieda tagħna.  X’qed tkun ir-risposta tagħna?

3.  Il-Mulej huwa lest li jtellagħna mill-qabar tagħna, iżda rridu nagħmlu l-parti tagħna.

4.  Kemm tassew fil-ħajja tagħna qed nagħmlu għażliet fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu biex inkunu wlied id-dawl?

Id-Djalogu

Mulej,

minkejja l-waqgħat fil-qabar ta’ dgħufija

nixtieq li tgħinni nqum u nerfa’ salibi.

read more

GĦOTJA TA’ DAWL – Ir-4 Ħadd tar-Randan sena A – 19 ta’ Marzu 2023

March 17, 2023
Christ healing the blind - El Greco
Ir-4 Ħadd tar-Randan

GĦOTJA TA’ DAWL

1 Samwel 16, 1b, 6-7,10-13; Salm 22; Efesin 5, 8-14; Ġwanni 9:1-41

 

Il-Vanġelu

     Kif kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu,  u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu  x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl  tad-dinja.” Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma. U qallu: “Mur inħasel  fil-menqgħa ta’ Silwam.” Din tfisser ‘il-Mibgħut’. Mela dak mar, nħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan m’huwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?” Xi wħud qalu: “Iva, hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu.” Iżda hu qalilhom: “Jiena hu.” Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”  Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm.’ Mort, nħsilt, u ġejt nara.”  Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx.”

     Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand  il-Fariżej. Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma inzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara.” Xi wħud  mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem m’huwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.” Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom. ] U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?” Qalilhom: “Dak profeta.”

     Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa  d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”  Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu għalih innifsu.” Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu  mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri tiegħu wieġbu, ‘Żmien għandu, staqsu lilu.’

     Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb.” Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara.” Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?” U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?” U qabdu jgħajjruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!” Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla m’hux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma  mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.” Mbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek?” U keċċewh ‘il barra. 

     Ġesù sama’ li keċċewh ‘il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?” Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.” Qallu: “Nemmen, Mulej!” U nxteħet għarkubbtejh quddiemu. Mbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma.”

     Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”  Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu, ‘Aħna naraw.’ Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom.”

 

Il-Ħsieb

Is-sejħa li tagħmlilna l-liturġija tal-lum hi biex dik il-fidi li rċevejna fil-magħmudija nkabbruha u nwassluha lill-oħrajn.
     Il-miraklu li nsibu fil-Vanġelu tal-lum huwa l-miraklu tiegħi u tiegħek kull darba li nobdu għall-Kelma tal-Ħajja li jwassal lilna l-Mulej.  Fil-mumenti ta’ dlamijiet li ngħaddu minnhom f’diversi waqgħat ta’ ħajjitna, il-kuntatt tagħna mal-Mulej huwa bħal raġġ ta’ dawl, dawl li jegħleb is-saltna tad-dlamijiet li ħafna drabi nkunu lsiera tagħha, dlamijiet ta’ vizzji u ħżunija, dlamijiet ta’ suppervja.  Hemm bżonn URĠENTI li nħallu lill-Mulej imissna.  Hemm bżonn li nħallu lill-Mulej jagħtina d-dawl.  Hemm bżonn li kif l-agħma fil-Vanġelu tal-lum obda l-kmand ta’ Ġesù, hekk aħna m’għandniex triq alternattiva x’nagħżlu.  Hija s-sejħa li tagħmlilna l-liturġija tal-lum sabiex dik il-fidi li rċevejna fil-magħmudija nkabbruha u nwassluha lill-oħrajn.  Kristu huwa d-dawl tad-dinja.  Bħala nsara lkoll kemm aħna rridu nkunu xhieda ħajja ta’ dan id-dawl.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel, jirrakkonta l-ġrajja ta’ żmien is-Slaten fejn insibu l-figura ta’ David li minn ragħaj ta’ l-imrieħel jiġi magħżul Sultan.  Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ.  U propju din l-għajta għall-protezzjoni u kenn tal-Mulej fuqna, insibuha fis-Salm 22 fejn għandna sejħa lill-Mulej bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, Ragħaj li jsegwi b’mod personali l-merħla tiegħu.  La l-Mulej huwa l-kenn tagħna għandna nkunu konvinti li aħna wlied id-dawl kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum fl-Ittra lill-Efesin.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-fejqan ta’ l-agħma li jikseb id-dawl għax obda u emmen fid-diskors ta’ Ġesù.

Il-Ħajja

1.  Aħna lkoll ulied id-dawl.  F’dan iż-żmien tar-Randan irridu niċċekkjaw liema dawl qed idawwal il-ħajja tagħna.

2.  Hemm bżonn li nkunu umli biex nisimgħu u ngħixu l-Kelma ta’ Alla.

3.  Hemm bżonn li nwettqu dak li ordnalna Ġesù biex tassew NARAW l-għażliet f’ħajjitna.

4.  Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ kif nisimgħu fl-Ewwel Qari.  Kulħadd għandu missjoni importanti fi-Saltna Tiegħu.

5.  F’dan iż-żmien tar-Randan irridu nfittxu li nsaħħu sewwa u malajr id-dawl tal-fidi tagħna.

Id-Djalogu

Mulej

għallimna nwettqu sew il-ħidma tagħna

bid-dawl tiegħek li nużawh aħna.

read more