SULTAN TA’ KULJUM – Kristu Re’ – Sena A – 26 ta’ Novembru 2023
Festa ta’ Kristu Sultan
SULTAN TA’ KULJUM
Eżekjel 34: 11-12; 15-17; Salm 27; Korintin 15: 20-26, 28; Mattew 25:31-46
Il-Vanġelu
“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’
Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.
Il-Ħsieb
IL-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-profeta Eżekjel, jurina li se jkun l-istess Alla, li ċanfar lill-mexxejja u l-kapijiet tal-poplu għax ittraskuraw in-ngħaġ, li se jinżel biex jindokra n-ngħaġ tiegħu. U din l-għajta tidwi fis-Salm 22 fejn intennu li l-Mulej huwa r-ragħaj tagħna. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna lil San Pawl juri kif il-Mulej se jġib fit-tmiem is-Saltna li beda fuq din l-art meta jerġa’ jiġi. Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-figura tas-Sultan – ragħaj li jagħmel ġustizzja ma’ dawk li jsegwu kliemu.
Il-Ħajja
- Kemm tassew ilkoll kemm aħna għandna fiduċja fi Kristu Sultan?
- Kemm tassew qed nuru li aħna parti mis-Saltna tiegħu?
- Kemm qed ngħixu l-messaġġi li jagħtina dan is-Sultan Ragħaj?
- X’qed tkun il-ħidma tagħna fil-mument ta’ prova tal-ġurnata ta’ kuljum?
Id-Djalogu
Mulej, grazzi li ħadtni f’idejk,
fis-Saltna tiegħek.
Tħallini qatt, Mulej, nitbiegħed minn saltnatek.