Skont kelmtek jew skont kelmti? – Prayer Café: 19 ta’ Settembru 2014
L-Ewwel laqgħa Prayer Cafe għal din is-sena bdiet b’merħba lil dawk prezenti minn membru tal-moviment lajku Kerygma. Wara li nqara l-vanġelu tal-Ħadd li ġej, mehud mill-evanġelu skont San Mattew 20:1-16 saru riflessjonijiet fuqu minn Fr. Charles Fenech O.P. direttur tal-Moviment Kerygma.
Fr. Charles beda l-laqgħa billi semma li dawn il-laqgħat huma mħejjija biex jgħinuna nagħmlu sens fil-ħajja tagħna, billi nagħtu spazju għal Ġesu f’ħajjitna. Dan nagħmluh meta nimxu u nxandru miegħu l-Kelma t-Tajba. M’aħniex qaddisin pero rridu nsiru qaddisin billi nħarsu lejn is-sema. Il-vanġelu ta’ kuljum għandu jkun l-SMS li nibdew il-ġurnata bih. Nħallu lill-Mulej ikellimna bil-qawwa kollha tiegħu.
Il-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd mhuwiex faċli tenna Fr Charles, jekk naħsbu bil-loġika umana naqblu li l-ħaddiema f’din il-parabola kellhom raġun igergru. Kif nistgħu nifhmu li wieħed li jaħdem l-aħħar ftit siegħat tal-ġurnata jaqla’ l-istess ammont ta’ dak li ilu jishar minn bikkri filgħodu! Din il-parabola rridu neħduha qisha spirtu tal-melħ li jqaxxrek, irridu nixtarru l-Kelma ta’ Ġesu biex naslu naħsbu bħalu. F’kelma waħda “..irridu nagħtu lil ta’ Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu t’Alla.”F’dan il-vanġelu Ġesu ta d-dinjita lill-ħaddiema. Bniedem mingħajr xogħol huwa bniedem mingħajr dinjita. Fl-istorja tal-vanġelu s-sid mexa b’ġustizzja ma kulħadd, ftiehem l-istess prezz ma kulħadd – l-interess tiegħu kien li kulħadd jaqla’ xi ħaġa , ma jisfruttahomx. Il-ħaddiema pprotestaw mhux għax ma ħadux li ħaqqhom iżda għax kienu moħħhom fuq l-oħrajn. Joħroġ hawn l-egoiżmu u n-nuqqas ta’ solidarjeta li teżisti bejn il-ħaddiema sal-ġurnata tal-llum. Aħna wkoll nagħmluh dan meta noqgħodu nqabblu s-sitwazzjoni tagħna ma ta’ ħaddieħor..imma Mulej għaliex jien!
Kapaċi nintelqu f’idejn il-Mulej? “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni….”u hawn għandna l-għażla skont kelmtek jew skont kelmti!!! Huwa hawn li ħafna minna neħlu, kompla Fr Charles. Irridu nitgħallmu nintelqu f’idejn il-Mulej u nħalluh jaħdem fina. Għandna ħabta ta’ bnedmin li aħna niggranfaw ma oġġetti jew persuni u naħsbu li se nġorru kollox magħna la nitilqu minn din il-ħajja. Kemm aħna ppreparati għall-aħħar vjaġġ tagħna. Jew baqalna x’nirranġaw? JEW se nibqgħu nħarsu lejn ħaddieħor u ma niċċaqalqux. “Għax kieku kont Madre Teresa kont…”; le l-Mulej qiegħed isejjaħ lilek hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek… mara tad-dar… ħaddiem… biex tgħaddi l-KELMA TAL-MULEJ lil dawk ta’ madwarek. Fil-vanġelu hemm msemmi kif diversi nisa kienu jgħinu lil Ġesu fil-missjoni tiegħu. Mela toqgħodux tgħidu għax aħna nisa tad-dar m’aħniex kapaċi. Kapaċi tgħaddu kelma tajba f’ħanut, f’supermarket postijiet li Saċerdot ma jistax jilħaq, kompla Fr Charles. Irid ikollna l-guts li ngħidu kelma ta’ ġid.. ta’ inkoraġġiment..inkunu fejn inkunu. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu u nirraġunaw: ħaddieħor x’kien jagħmel kieku kien flokna?; iżda rridu nintelqu f’idejn il-Mulej u naraw AĦNA x’nistgħu nagħmlu.
Fl-intervent tiegħu Fr Charles għamel referenza għal l-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Isaija ta’ nhar il-Ħadd li ġej “ Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh , sejħulu sakemm hu fil-qrib!” Mela rridu nfittxuh il-ħin kollu, mhux b’quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd nħossu li neħħejna l-obbligu ta’ nisrana li aħna. Kemm nagħtuh ħin lil Mulej? Ngħidu xi talb qabel nidħlu fis-sodda? Daħħalna t-talba tar-Ruzarju f’ħajjitna? Meta mmorru l-quddies nipparteċipaw fiha?.. nħallu l-Kelma t’Alla tidħol fina qisha xabla li taqta’ b’żewġ tixfar? Il-Mulej ma nsibuhx meta aħna nibirdu minnu. Fl-Ewkaristija l-Mulej idewwaqna ftit balzmu, speċjalment meta nirċievuha bis-serjeta ..nħossuna ftit bħalma ħassu Pietru fuq il-muntanja f’Tabor. Wara l-esperjenza li kellhom id-dixxipli ta’ Ġesu fid-dehra divina tiegħu ma ħallihomx hemm fil-kuntentizza tagħhom iżda qalilhom “Ejjew ninżlu” ħa jkomplu l-ħidma tagħhom. U hekk aħna rridu nintelqu f’idejn il-Mulej. JEKK il-Mulej magħna min hu kontra tagħna?
.
Waqt id-diskussjoni fost punti oħrajn, sar referenza mid-diskors tal-Papa Franġisku mid-Dar Santa Margerita fit-23 ta’ Jannar. Hu kien qal “ L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelosija, l-għira u t-tqasqis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-kommunitajiet tagħna.” M’għandniex noqgħodu nħarsu x’għandu ħaddieħor, l-għira ġejja mix-xitan. L-għerq ta’ kull dnub huwa l-biżgħa li nħossu fil-fond ta’ qalbna li m’aħna xejn.
Fr Charles għalaq il-laqgħa bil-ħsieb li aħna rridu nidraw nħarsu bin-nuċċali tal-Mulej u naraw bil-viżjoni tiegħu. Irridu naraw lil Alla fil-persuna l-oħra. Irridu nifhmu sew il-kliem li ngħidu fil-Missierna “ Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” F’din il-parabola nsibu l-ġustizzja, l-maħfra u l-ħlas mistħoqq. Alla tagħna hu Alla ġust. Aħna rridu nqabdu n-nar f’dawk ta’ madwarna u nwasslu l-Kelma t’Alla.