Għandek Għatx? – Prayer Cafè – 17 ta’ Marzu 2017
It-3 Ħadd tar-Randan Ġwanni 4, 5-42 Għandek Għatx?
Il-kelliem beda billi beda diskussjoni dwar x’inhi l-qdusija. Issemma li jekk inti tħobb, inti qed tagħmel xi ħaġa li jagħmel Alla. Il-qdusija ma tfissirx li inti tkun perfett imma meta inti tagħmel l-azzjonijiet li jagħmel Alla. Pereżempju meta inti taħfer jew tħobb, meta inti timita lil Alla, tkun qed issir qaddis bħalu. Il-qdusija dejjem tiġi minn Alla, hu li jagħmel l-istedina biex aħna nsiru ħaġa waħda miegħu. Aħna ulied Alla li nirtuh, nirtu għax għandna dritt għall-Ġenna, għall-ħajja dejjem magħquda ma’ Alla. Importanti li nibdew inħarsu ‘l fuq, lejn is-sema u l-affarijiet ta’ Alla ħalli ninqatgħu mill-ħajja materjali u nibdew ngħixu magħquda ma’ Alla.
Wara saret diskussjoni dwar il-ħajja morali ta’ Ġuda l-Iskarjota u l-irwol li kellu fl-istorja tas-salvazzjoni. Issemma li Ġesú kien qallu li kien ikun aħjar għalih kieku ma twelidx. Nafu li fl-iskrittura hemm miktub li Ġuda webbes rasu u daħal ix-xitan ġewwa fih biex iwettaq dak li kellu jwettaq. Ġesú pprova jwissieh u għalhekk naraw li l-għażla kienet ta’ Ġuda; l-għażla li jagħmel dak li għamel. Alla jagħtina l-għażla u l-libertá kif ngħixu.
Saret ukoll il-mistoqsija dwar x’inhu d-dnub. L-intenzjoni hija l-aktar ħaġa li taffettwa xi azzjoni jekk hix dnub jew le.
Dwar l-evanġelju, il-kelliem beda biex jispjega li l-poplu Samaritan kien jitqies mil-Lhud bħala poplu impur. Din il-mara Samaritana kienet marret għall-ilma f’nofsinhar. Dan ifisser li hi marret dan il-ħin biex ma tiltaqax ma’ nies oħra; x’aktarx minħabba it-tip ta’ ħajja li kienet qed tgħix.
Naraw li Ġesú jagħti d-dinjitá lil din il-mara, id-dinjitá lin-nisa kollha tad-dinja. Wara l-konverżazzjoni tagħha ma’ Ġesú hija ħalliet kollox u marret ixxandar lil Ġesú. Rakkont ieħor li juri l-ħeġġa li għandu jkollu n-nisrani huwa tad-dixxipli ta’ Emmaws li malli għarfu lil Ġesú, telqu mill-ewwel biex ixandruh mal-poplu kollu.
Is-Samaritana qalet lil Ġesú li huma s-Samaritani kienu jaduraw lil Alla fuq il-muntanja u l-Lhud Ġerusalemm. Ġesú jgħidilha li għad jasal żmien li la fuq il-muntanja u lanqas f’Ġerusalemm ma jaduraw lil Alla għaliex għad jaduraw lill-Missier fil-veritá u fl-Ispirtu. Ġesú hawnhekk għamilha ċara li kullħadd huwa msejjaħ għall-ħniena t’Alla. Jekk il-bniedem irid jgħix il-veritá, dak se jsib lil Alla.
Ladarba jiena nkun qiegħed infittex il-veritá u l-ħajja; Ġesú jkun magħi u magħna minkejja kollox.