randan

GĦANDEK GĦATX? – It-3 Ħadd tar-Randan sena A – 12 ta’ Marzu 2023

March 5, 2023

It-3 Ħadd tar-Randan

GĦANDEK GĦATX?

Eżodu 17:3-7;  Salm 94; Rumani 5: 1-2, 5-8; Ġwanni 4: 5-42

Il-Vanġelu

Ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara  mis-Samarija timla l-ilma. “Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara  mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?” Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”

Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.” Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘ma għandix żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!” Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”

Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi trid?’, jew, ‘Għax qiegħed titkellem magħha?’ Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?” U  nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!” Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?” Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.”

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: ‘Qalli kull ma għamilt,’ tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”

Il-Ħsieb

min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.
Fil-ħajja tagħna ma tkunx l-ewwel darba li jaqbadna l-għatx, b’mod speċjali wara xi biċċa xogħol fis-sajf.  Xi kultant iżda jista’ jkun li jkollna għatx għal affarijiet oħra.  Biex tikber il-pożizzjoni soċjali tiegħek jew fuq il-post tax-xogħol.  Is-Samaritana nistgħu nqisuha aħna.  Nersqu lejn Ġesù u nitolbuh il-grazzji, il-grazzji materjali.  Aqlagħli din il-grazzja, ħa nagħmel din il-wegħda; jekk tagħtini hekk nagħtik daqshekk;  Hu diskors fuq livell materjali biss.  Ħafna drabi nirrabjaw ukoll mal-Mulej meta ma jagħtiniex dak li nitolbu fil-pront.  Nibqgħu naħsbu u naġixxu bħala bnedmin anki mal-Mulej, minkejja t-tagħlim tiegħu, minkejja li x-xewqa tiegħu kienet dejjem li ma nibqgħux naħsbu bħala bnedmin.  Meta nirċievu l-Ewkaristija,  Alla jsir

parti minna, mill-ħajja tagħna, mill-mod kif naġixxu.  Iżda ħafna drabi l-għatx għall-materjali jżommna fuq livell ta’ medjokrità b’mod li l-veru għatx għall-valuri ta’ kuljum lanqas biss inħossuh.  It-tielet Ħadd tar-Randan għandu stedina ċara, agħraf dak li se titlob lil Ġesù.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu u għandna r-rakkont ta’ meta l-poplu Lhudi fil-mixja tiegħu lejn l-Art Imwegħda qabdu l-għatx.  Minkejja n-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu f’Alla, Alla jibgħat ilma mill-blat.  Fis-Salm Responsorjali għandna stedina biex nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna.  San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jtenni li minħabba li konna fid-dnub Ġesù Kristu sar għalina l-ilma ħaj li jeħlisna mill-jasar.  Dan seta’ jagħmlu bil-mewt tiegħu.  Fil-Vanġelu għandna d-djalogu bejn Ġesù u s-Samaritana li talbitu jagħtiha l-ilma.  Ġesù jagħtiha ilma differenti, li jagħti l-ħajja.

IL-Ħajja

1.  Il-Mulej jagħtina l-ilma li jżommna ħajjin kull ħin.  Kif qed naċċetta dan l-ilma fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?

2.  Il-Mulej ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħtu, kif itenni fil-Vanġelu tal-lum.  Inti u jien kemm qed nifhmu xi jrid il-Mulej minna?

3.  Kif qed taqta’ l-għatx tiegħek kuljum, bl-ilma li jagħtina Ġesù b’mod speċjali fl-Ewkaristija jew b’affarijiet materjali li jkomplu jagħmlulna aktar għatx?

4.  Kristu jrid u jinsab lest li jkun l-ilma ħaj għalina kull ħin.  L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

Id-Djalogu

Agħmel Mulej

li ma nfittex imkien biex naqta’ l-għatx ħlief bik,

bil-kelma tiegħek, bil-Ġisem u d-Demm tiegħek.

 

read more

KONFERMA GĦALL-UMANITA’ – It-2 Ħadd tar-Randan sena A – 5 ta’ Marzu 2023

February 26, 2023

It-2 Ħadd tar-Randan

ĠESÙ KRISTU:  KONFERMA GĦALL-UMANITA

Ġenesi  12: 1-4a; Salm 32; 2 Timotju 1:8b-10; Mattew  17:1-9

Il-Vanġelu

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

 

Il-Ħsieb

Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.
Ħafna drabi fil-ħajja tagħna rridu l-konfermi iżda nsibu affarijiet mingħajr stabbilità.  Faċli ngħidu li m’ għandniex nibnu kastelli fl-arja iżda mbagħad inkunu l-ewwel nies li nagħmlu hekk.  Ngħidu li r-reliġjon tagħlaqna f’gaġġa, tnaqqsilna l-libertà u ma nindunawx li sirna skjavi ta’ allat foloz li ħloqniehom aħna.  Infittxu kontinwament il-veru ferħ tal-qalb u ngħixu f’dinja ta’ solitudni.  Għaliex dan kollu?  Hawn xi ħaġa li ma titfarrakx?  Li tibqa soda?  Fil-liturġija tal-lum għandna risposta, KRISTU.  Kristu huwa kkonfermat bħala l-Iben t’Alla: dak li ġie biex jifdi,  Dak li se jsalvana.  U proprju f’dan iż-żmien tar-Randan, żmien ta’ riflessjoni fuq il-mod ta’ ħajja li qed ngħixu, aħna li ngħidu li aħna nsara,  Ġesù Kristu jrid ikun il-gwida tagħna mhux biss fil-mumenti tal-glorja iżda anki fir-realtà ħarxa ta’ kull ġurnata ta’ għajxien tagħna.  Pietru ħa gost fuq it-Tabor iżda Ġesù reġa’ niżżilhom miegħu fir-realtà iebsa fejn Pietru, minkejja li kien ra ħafna fuq it-Tabor, kien minn ta’ l-ewwel li ċaħdu kif nagħmlu jien u inti minkejja li aħna ngħidu li nafu xi jfisser Kristu l-Iben t’Alla għalina.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi u jirrakkonta s-sejħa ta’ Abram missier il-poplu t’Alla.  Sejħa li kellha ħafna diffikultajiet, iżda Abram aċċetta dan ir-riskju kbir ta’ fidi.  Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 32 huwa rakkont kif il-patt ta’ Alla ma’ Abram kien sinjal ta’ għaqda ta’ Alla mal-bnedmin, għaqda li tnissel tama li għad iqum mill-medjokrità tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna messaġġ qawwi, dak li meta wieħed jgħix il-Vanġelu bilfors li jrid ibati; iżda wkoll hemm tama li meta tgħix il-Vanġelu se tikseb dawl qawwi għall-kumplament ta’ ħajtek.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jieħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq il-muntanja u ssir it-trasfigurazzjoni.  Għandna leħen il-Missier li juri kemm tassew hi importanti l-missjoni fdata f’Ġesù Kristu għas-salvazzjoni ta’ l-umanità kollha.

Il-Ħajja

1.  Fil-Ħajja tagħna nippruvaw minn kollox biex insibu ftit hena. Għaliex qatt ma ppruvajna nsibu tassew il-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitna?

2.  Kemm tassew qed ngħixu l-fidi tagħna fid-dawl tal-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu, kliem li jagħtina tama u kuraġġ ma’ kull sfida ta’ ħajjitna?

3.  L-istess sejħa li Alla għamel lil Abraham Alla jagħmilha lil kull wieħed u waħda minna.  Kif qegħdin inwieġbu?

4.  F’dan iż-żmien tar-Randan hemm bżonn li nikbru aktar fl-imħabba tagħna lejn Alla fil-proxxmu.

Id-Djalogu

Mulej, għinni

fit-tfittxija tiegħi għalik

kuljum.

read more

IL-FALLIMENT TAGĦNA – L-1 Ħadd tar-Randan A – 26 ta’ Frar 2023

February 25, 2023

L-1 Ħadd tar-Randan

IL-FALLIMENT TAGĦNA

Ġen 2: 7-9; 3,1-7; Salm 50; Rumani 5: 12-19; Mattew 4:1-11

Il-Vanġelu 

 It-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert 

Mbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.”  Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ “

Mbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li ‘Fuq idejhom jerfgħuk, Ħalli ma taħbatx riġlejk ma’ xi ġebla.’ ” Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ”

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.” Mbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’ ”

Mbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

 

Il-Ħsieb

Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi
     Il-falliment totali tagħna huwa d-dnub.  Iċ-ċaħda tal-grazzja ta’ Alla.  L-għażla libera tagħna li nsegwu lil satana u mhux lil Alla.  F’dan iż-żmien tar-Randan, li bdejna biċ-ċelebrazzjoni ta’ l-irmied, indunajna li lkoll kemm aħna rridu verament inċarrtu qlubna u mhux ilbiesna.  Hemm bżonn li fil-konverżjoni tagħna ma nkunux artifiċjali iżda nkunu radikali.  Il-mument tar-Randan irid ikun mument ta’ verifika għalina lkoll, f’liema livell ta’ fidi ninsabu, kemm tassew aħna anzjużi li niġġeddu fil-ħajja tagħna biex neqirdu d-dnub u noqorbu aktar lejn Alla.  It-tiġrib tagħna minn satana se jibqa’.  Saħansitra Ġesù għadda minnu.  Iżda aħna rridu nkunu sodi, bil-kelma ta’ l-istess Ġesù, li nagħmlu għażliet ta’ ħajja u mhux għażliet li jmewtu mhux biss il-fidi tagħna iżda wisq aktar l-għemil tagħna.  Ħafna drabi naħlu ħajjitna naduraw u nsiru skjavi ta’ allat foloz.  Kemm tassew hemm xewqa fina li niskopru u naduraw lil Alla veru fil-ħajja tagħna?  Iż-żmien tar-Randan huwa l-mument ġust li nagħmlu din l-iskoperta.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħolqien ta’ Adam u Eva u d-dnub tagħhom.  Ħolqien li juri l-imħabba kbira ta’ Alla u l-libertà assoluta li ta lill-bniedem.  Is-silta tas-salm, meħuda minn Salm 80, hija talba ta’ ħniena lil Alla meta nagħrfu li aħna midinbin.  Fit-Tieni Qari tal-lum għandna s-silta mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn naraw b’mod ċar it-tweġiba ta’ Alla għall-falliment tal-bniedem.  Il-ġustifikazzjoni li kisbilna Kristu hija att kbir ta’ mħabba ta’ Alla lejna.  Fil-Vanġelu tal-lum l-Evanġelista San Mattew jirrakkonta t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù mix-xitan fid-deżert.  Ġesù jitkellem u jkeċċi x-xitan.  Fid-diskors ta’ Ġesù għandna s-sinjali fejn irridu npoġġu tassew l-għażliet ta’ ħajjitna; mhux fuq it-tlellix iżda fuq il-Kelma t’Alla.

Il-Ħajja

1.  Bdejna r-Randan.  Irid ikun mument ta’ MISTOQSIJIET U GĦAŻLIET fuq x’tip ta’ ħajja qed ngħixu?

2.  Iż-żmien tar-Randan m’huwiex żmien ta’ tiġdid spiritwali biss iżda wkoll ta’ riforma fuq il-mod ta’ ħajja u attitudnijiet tagħna ta’ kuljum  – TIĠDID

3.  X’għażliet qed tagħmel kull ħin fil-ħajja tiegħek?  Imbuttati mix-xitan jew favur Ġesù?

4.  Xi programm ta’ tiġdid lestejt għal dan iż-żmien tar-Randan?

Id-Djalogu

Mulej, għallimni

matul dan ir-Randan

insib aktar lilek u lili nnifsi.

read more