sena-b

IL-BIDLA: TĦEJJIJA TA’ TRIQ – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena B – 10 ta’ Diċembru 2023

December 8, 2023

 

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BIDLA – TĦEJJIJA TA’ TRIQ

Isaija 40:1-5; 9-11; Salm 84; Pietru 3:8-14; Mark 1, 1-8

Il-Vanġelu

Il-Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,

‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr

tiegħi biex iħejji triqtek.

Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħi,’

hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

Il-Ħsieb

Ħsieb dominanti fil-bidu tas-sena liturġika, b’mod speċjali fil-bidu ta’ l-Avvent, hija insistenza kbira fuq il-ħtieġa li ninbidlu.  Hemm bżonn li kull sena ninbidlu u niġġeddu biex nikbru aktar ma’ Kristu u mal-Knisja fil-mixja u fl-eżempju li għandna nagħtu ta’ Nsara ħajjin.  U dan jitlob minna BIDLA RADIKALI.  Bidla li tfisser li ninqatgħu mill-passat, minn affarijiet li qed jagħmluna lsiera.  Il-figura ta’ Ġwanni l-Battista hija figura ta’ radikalità evanġelika fil-proċess ta’ tħejjija li lkoll irridu nagħmlu tul il-ħajja tagħna.  Hemm bżonn li lkoll, bħal Ġwanni l-Battista, ma nistħux nikkonfrontaw l-ambjent ta’ madwarna;  għax, minħabba l-mistħija, ħafna drabi nikkonformaw ma’ dak li jdur ma’ saqajna għax nistħu ngħidu li aħna nsara.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, huwa espressjoni ta’ ferħ u hena għaliex il-Mulej se jeħles il-poplu tiegħu mill-eżilju.  Hija espressjoni ta’ hena għax il-Mulej qed iżomm il-wegħdiet li għamel ma’ l-istess poplu.  Salm 84, li ntennu fis-Salm Responsorjali, jurina li għandna nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nakkwistaw is-salvazzjoni.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu, għandna lil San Pietru iħeġġeġ lill-Insara biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-bini ta’  smewwiet ġodda.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark, propju fil-bidu ta’ dan il-Vanġelu, għandna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista li qiegħed jgħajjat fid-deżert biex inħejju t-triq għall-Mulej.

Il-Ħajja

Ġej warajja min hu aqwa minni... Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej qed jistedinna ninbidlu bis-serjetà.  Huwa l-isbaħ mod kif inħejju ruħna għat-twelid tiegħu.  Ġesù se jitwieled mill-ġdid biex iġedded lilna lkoll.  Ġesù jrid li lkoll kemm aħna nagħrfu li mingħajru ma nistgħu naslu mkien.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nħossuna li qegħdin fid-deżert ta’ l-indifferenza u ma nweġbux għall-karba tiegħu.  Hemm bżonn li nħejju t-triq għall-Mulej; hemm bżonn li niddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħrfu li l-magħmudija li rċevejna rridu nagħtu xhieda tagħha kontinwament fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa għal dan il-għan li rridu nfittxu niddrittaw il-mogħdijiet, anki jekk dan ifisser li nbiddlu l-mod li bih qed ngħixu.

Id-Djalogu

Mulej, għinni niddritta l-mogħdijiet ta’ ħajti,

biex niftaħ ħajti beraħ għall-messaġġi tiegħek.

read more


L-INDAFA MILL-ĠDIEM – Is-6 Ħadd Matul is-Sena – 11 ta’ Frar 2018

February 5, 2018

Is-6 Ħadd Matul is-Sena

L-INDAFA MILL-ĠDIEM

Levitiku 13, 1-2, 45-46; Salm 31: 1-2.5.7.11; 1 Korintin 10, 31-11,1; Mark 1, 40-45

Il-Vanġelu

     Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni.” Mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf.” U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda.” Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.

 

Il-Ħsieb

Jekk trid, tista' tfejjaqni
     Min jista’ jgħid li ma għandux ġdiem?  Min jista’ jgħid li huwa nadif?  Min jista’ jgħid li ma għandux bżonn il-fejqan mill-feriti li nġarrbu kuljum?  Ġesù jfejjaq, Ġesù jnaddaf mingħajr kundizzjoni għaliex irid iħobbna.  Messaġġ sempliċi.  Offerta kbira.  Imma għaliex nibqgħu ma nifhmux li Ġesù jrid li l-bniedem ifiq u jqum fuq saqajh?  Il-Mulej niżel fl-umanità biex jerfa’ fuqu l-mard ta’ l-istess umanità, imma kemm qed tkun rikonoxxenti ta’ dan, l-istess umanità?  Kemm qed ngħidu GRAZZI bil-qalb lill-Mulej?  Kemm tassew qed nagħrfu li mingħajr il-Mulej se nibqgħu mġiddmin?

Il-Kelma

     Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Levitiku tissemma mill-ewwel il-marda tal-ġdiem li billi dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għaliha, kienet meqjusa bħala sinjal tad-dnub.  Skond il-liġi ta’ Mosè l-imġiddem kien ikollu jgħix waħdu maqtugħ mis-soċjetà.

    Salm 31 li ntennu fis-Salm Responsorjali hija karba lill-Mulej biex iħenn għalina u jaħfrilna dnubietna.  Fit-tieni qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korinitn, hemm eżortazzjoni għalina lkoll biex nixbħu lil Kristu f’kollox.  Huwa l-impenn tal-ħajja tagħna li għalih illum jeżortana San Pawl.  Fil-Vanġelu għandna l-fejqan ta’ l-imġiddem u kif dan beda jxandar lill-Mulej ma’ kulħadd.

Il-Ħajja
  1. Qatt f’ħajtek aċċettajt ir-realtà li inti midneb?
  2. Kemm qatt tlabt b’sinċerita lill-Mulej inaddfek?
  3. Qatt għaraft il-ġdiem tiegħek fejn hu?
  4. Kemm tassew qed tirringrazzja lill-Mulej għall-fejqan u kemm tassew qed tħabbru ma’ l-oħrajn?
Id-Djalogu

  Mulej,

  Grazzi tal-fejqn,

  li tagħtini fil-Qrar,

  Grazzi u għinni nkompli

  nitnaddaf minn ħżuniti.

read more

DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ – Il-Magħmudija tal-Mulej – 11 ta’ Jannar 2015

January 4, 2015

Il-Magħmudija tal-Mulej

DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ

Isaija 42: 1-4; 6-7; Salm 28; Atti 10: 34-38; Mark 1:7-11

 

Il-Vanġelu

Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.

 

Il-Ħsieb

     Il-festa tal-lum, dik tal-Magħmujdija tal-Mulej, mhux biss hija festa li tfakkarna fil-mument tal-magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda wkoll fil-konferma ta’ Alla l-Missier għall-missjoni ta’ Ibnu:

‘Araw il-qaddej tiegħi li fih jiena nemmen,
il-Maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet.”

     Dan id-diskors tal-Profeta Isaija juri l-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali, Alla jagħmel patt ta’ għaqda bejnu u bejn il-poplu.  Hija missjoni li l-qaddej ta’ Alla kellu jwettaqha fil-kwiet u fis-sliem.  U minn hawn tibda r-riflessjoni fuq il-missjoni tagħna bħala mgħammdin u qaddejja ta’ Alla.  Kemm tassew fhimna din il-missjoni?  Kif qed nuru, bħall-qaddejja ta’ Alla, bl-istess ħajja tagħna ta’ kuljum li aħna mgħammdin?  Kemm nistgħu nwettqu f’ħajjitna d-dmirijiet li rċevejna fil-magħmudija?

The Baptism of Christ – Hendrik Goltzius

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija jitkellem dwar il-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali.  Fuq dan il-qaddej jitqiegħed l-Ispirtu t’Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 28, għandna innu ta’ tifħir lill-Mulej li jbierek lill-poplu tiegħu bis-sliem.  It-Tieni Qari tal-lum huwa silta mill-Atti ta’ l-Appostli.  Għandna l-bidu tad-diskors ta’ Pietru fid-dar taċ-ċenturjun pagan Kornelju.  Pietru jenfasizza li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda jilqa’ lil kull min irid iwettaq ir-rieda tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista u l-Magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan.

Il-Ħajja
  1. Kif qed ngħixu l-magħmudija tagħna b’rutina jew b’impenn?
  1. Kemm tassew fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù qed nirrifletti fuq il-Magħmudija tiegħi u nara kif nista’ niġġedded mal-Mulej?
  1. Il-Qaddej t’Alla aċċetta li jgħix il-Magħmudija tiegħu fis- sempliċita.  Kemm qed nipprova ngħix ħajja sempliċi?
  1. L-umiltà kbira ta’ Ġesù tidher fil-festa tal-lum. Kemm   qed jirnexxilna nkunu umli fil-qadi ta’ kuljum?
Id-Djalogu

  Mulej Ġesù,

  għinni ngħix kuljum

  il-wegħdiet li għamilt fil-Magħmudija.

read more