Kul u Tpaxxa? – Prayer Cafè – 24 ta’ Frar 2017
IT-TMIEN ĦADD TA’ MATUL IS-SENA – 26 ta’ Frar 2017.
Il-laqgħa bdiet billi il-kelliem poġġa żewġ mistoqsijiet. L-ewwel waħda kienet:
X’nifhmu meta ngħidu bniedem li rnexxa?
Fost it-tweġibiet kien hemm min qal li Kristu nrexxa, għalkemm spiċċa mdendel ma’ salib. Imma ġeneralment meta ssemmi suċċess tifhem poter, karriera, flus, etċ. It-tieni mistoqsija kienet:
Xi tfisser ħbiberija?
Għal din kien hemm diversi risposti, bħal fiduċja, imħabba, sinċerita’, sapport, onesta’, paċi.
Imbagħad inqara l-Ewwel Qari u l-Vanġelu tal-Ħadd. Wara kien hemm ftit ħin ta’ riflessjoni. Għaliex Ġesu’ qed ikun daqshekk iebes f’dan il-vanġelu? Wara kollox, “mingħajr flus la tgħannaq u lanqas tbus”. Ġesu’ hu ċar u radikali, kemm f’dan il-vanġelu u dak tal-ġimgħa l-oħra. Ma tistgħax taqdi lil Alla u lil flus. Aħna nagħmlu ħafna kompromessi, u anke skużi l-ikar validi, bħal familja, etċ. Għaliex qed jgħid hekk Ġesu’? X’inhu l-effett tal-ġid materjali? Risposta għal din kienet li trid taħdem, taqla’ l-flus biex tmantni l-familja. Trid tagħmel ir-rwol tiegħek imma anke taħseb fl-oħrajn. Ma rridux nagħmlu bħal ma kienu għamlu xi wħud fi żmien San Pawl – qagħdu b’idejhom fuq żaqqhom. San Pawl stess qal: “Min ma jaħdimx m’għandux dritt jiekol”. Il-ġid isir ħażin meta jiġi użat ħażin, bħal, per eżempju l-internet, li fih innifsu hu tajjeb, imma jista’ jsir ta’ xkiel.
Il-problema tal-ġid materjali hu li jagħlaqna – isir ossessjoni – min għandu dejjem irid. Inqiegħdu t-tama tagħna fil-ġid, li hu limitat, imbagħad lil Alla, li Hu infinit, nieħduh “for granted”.
Il-Papa Franġisku jitkellem ħafna fuq dan is-suġġett – ir-rikezzi u l-preokkupazzjonijiet. Isemmi l-parabbola taż-żerriegħa. Meta aħna nagħmlu kompromess mal-flus u l-ġid materjali nkunu qisna dik iż-żerriegħa li waqgħet qalb ix-xewk. Għal l-ewwel tinbet, imma x-xewk joħnoqha, għax moħħ il-bniedem jiggranfa ma’ dak li qed jara f’idejh. Jekk il-ġid nagħmluh alla tagħna, jaqtgħana minn kollox. Mhux il-ġid biss jagħmel hekk – il-kumdita’, il-mod kif inħarsu lejn l-emigranti, etċ.
Ġesu’ qalilna: “Kunu perfetti bħal ma Hu Missierkom”. Hawn min jirraġuna li l-perfezzjoni mhiex għal hawn u jieqaf hemm. Irridu nagħmlu pass ieħor, ġieli nitgerbu, imma rridu nqumu u nerġgħu. Ma rridux ninsew, fil-kumdita’ tagħna, li hawn faqar materjali. Hawn ħafna diffikultajiet. Imbagħad hawn min għandu minn kollox u jinsab waħdu. Is-solitutudni hi tip ta’ faqar kbir. Biex nirnexxu rridu nitgħallmu naqsmu mal-oħrajn, ma norbtux qalbna mal-ġid materjali, hu x’inhu. Anke jekk xi ħadd iweġġgħek, ma rridux inħallu dik l-azzjoni torbotlok qalbek u tifniek. Dak li qed jgħid Ġesu’ hu iebes: “Kunu perfetti”. Din hi l-isfida tal-vanġelu.
Il-Papa jgħid li waħda mill-problemi tal-ġid hu li jaqtagħna mill-ħin, mid-dinja. Jaqtgħek mill-passat, għada ħadd ma rah, mela kul u tpaxxa! Il-ħsieb tal-Papa għal dan ir-Randan hu mibni fuq il-Parabbola ta’ Lazzru u l-Għani. Dan tal-aħħar ma jissemmiex b’ismu. Irridu noqogħdu attenti li ma nitilfux l-identita’ tagħna. Inraqqdu l-kuxjenza. Il-kumdita’ fiha nnifisha mhix ħażina, imma rridu noqgħodu għajnejna miftuħa u saqajna mal-art. Il-Papa Franġisku terraq fis-slums, għamel għażla radikali u jaf x’inhuma l-weġgħat tan-nies. Jista’ jekk irid jgħix fil-lussu, imma mhux hekk. Għalhekk qed ikun skomdu għal ċerti nies.
Naslu issa għat-tieni parti tal-Vanġelu. Titkellem fuq l-ansjeta’ u l-biża’ tagħna u kif għandna nirbħuhom bil-fiduċja fil-provvidenza t’Alla. Il-fiduċja hi l-kejl ta’ kemm jien ħabib m’Alla. Il-fiduċja tilħaq il-milja tagħha meta lil Alla nagħtihilu bis-sħiħ.
Il-laqgħa għalqet bil-kwotazzjoni minn Santa Tereża:
Tħallix xi jtaqqlek, tħallix xi jbeżżgħek,
Min għandu ‘l Alla ma jonqsu xejn.
Tħallix xi jtaqqlek, tħallix xi jbeżżgħek,
Alla waħdu kollox.
Tista’ omm tinsa l-uliedha? Alla ma jinsiek qatt. Din hi l-fiduċja.