Laqgħat għall-Kullħadd
Laqgħat għall-familja kollha kull nhar ta’ Ġimgħa. Nistennewkom!
L-laqgħa Prayer Cafe,bdiet bit-talba tal-Moviment u wara sar introduzzjoni fuq it-Tielet Ħadd tal-Avvent. Il-Ħadd li jirraprezenta l-Ferħ.
L-Avvent bħal Randan hu żmien ta’ penitenza. Wieħed hu mistenni li jagħmel sagrifiċċji biex imbagħad inkunu nistgħu nesperjenzaw il-Milied jew il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt (skond iż-żmien) . Fl-avvent żmien parties, drinks u ikliet l-penitenza donna saret issir b’għoti ta’ karita. Bħala nsara mistennija li nagħtu mingħajr ma nħallu l-id ix-xellugi tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija. Jiġifieri nagħtu mingħajr daqq tat-trombi.
Qabel beda l-Avvent sal-Festa ta’ Kristu Re, il-vanġeli kellhom messaġġ kemmxejn tal-biża’ ..l-ibħra jqumu…jiġi u jsibu rieqed..imma f’dan il-Ħadd il-vanġelu jgħidilna biex ma nibżgħux għax wara dan kollu ġej il-MESSIJA.
Il-liturġija ta’ nhar il-Ħadd tagħtina ħafna kuraġġ. Qisha simbolu tal-ħajja tagħna. Meta nkunu għaddejin minn żminijiet koroh, li kullħadd jaddi minnhom, f’qalbek tibda tgħid tibżax dan għad jaddi u anke min jibda jiprova jagħtik kuraġġ jgħidlek ‘ Kuraġġ issa jaddi qed nitlob għalik.’
Hawn inqara l-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġie mehud minn Luqa 3:10-18
Il-qari ta’ l-Ewwel Lezzjoni u S-Salm ta’ nhar il-Ħadd huma qari ta’ Ferħ . Anke l-qassis f’dan il-Ħadd jilbes ilbies roza sinjal ta’ Ferħ. Fl-ewwel lezzjoni nsibu: “infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha…minħabba fik jithenna b’hena kbir..fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’agħjat ta’ ferħ,bħallikieku f’jum ta’ festa.” “Aqbeż bil-ferħ, għanni…għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.” Nsibu fis-salm. Fit-tieni lezzjoni mbagħad San Pawl jistieden lil insara Filippini biex “Ifirħu dejjem fil-Mulej..” Il-vanġelu mbagħad huwa aktar fuq nota kwieta għalkemm it-tema tibqa’ waħda ta’ ferħ u ta’ stennija ħerqana għal miġja tal-messija. “Il-poplu kien qiegħed jistenna ..”
Lil Ġwanni nsibuh bħala l-prekursur – dak li ġie qabel Ġesù. Il-vanġelu maqsum fi tliet partijiet. In-nies kienu jsegwu xi jgħid Ġwanni b’interess, hu kellu ħafna dixxipli warajh – staqsewh “X’għandna nagħmlu?” Nsibu tliet tipi ta’ nies: il-folla ġenerali: lil dawn Ġwanni qalilhom biex jaqsmu dak li għandhom mal-oħrajn. U dawn xi 2 ilbiesi kien ikollhom mhux gwardarobba mimlija bħal ħafna minna llum! Mbagħad kien hemm ukoll il-pubblikani li kienu jiġbru t-taxxi mill-poplu biex jgħadduhom lil ħakkiema tal-poplu, ir-Rumani. Lil dawn Ġwanni qalilhom biex ma jissikkaw lil ħadd b’taxxi żejda. Kien hemm ukoll suldati jisimgħuh u lil dawn Ġwanni ħeġġiġhom biex jikkuntentaw bil-paga tagħhom u ma jisirqu lil ħadd b’theddid.
Dan kollu jgħodd għalina lkoll llum, għandna lkoll nagħtu minn dak li għandna, u nkunu kuntenti bil-pagi li għandna. Bħala nsara għandna nkunu ta’ eżempju għall-oħrajn billi ħina nagħtuh kollu fuq ix-xogħol u mhux niskartaw jew nitilqu qabel il-ħin. Għandna nħallu lil ħaddieħor jgħaddi ħinu fuq il-post tax-xogħol trankwill u mhux nagħmlu l-ħajja tal-oħrajn infern. Dawn huma l-affarijiet li jagħtu xhieda li aħna nsara.
F’dan il-Vanġelu naraw ukoll l-umiltà ta’ Ġwanni l-Battista. Għalkemm kellu ħafna nies segwaċi tiegħu ma ħalliex li dan jitla’ għal rasu. Meta kien jiġi mistoqsi jekk hux hu l-mistenni Messija. Hu kien jgħidilhom li lanqas jistħoqqlu jkun is-serv tiegħu. “ ..jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu..” Dak iż-żmien kellhom uzanza li meta jiġi mistieden id-dar il-qaddejja kienu jaħslulu saqajh. Din it-tip ta’ umilta rajnieha ukoll fil-Madonna mat-tħabbira tal-Anġlu li kellha tkun Omm Alla ma ħassithiex superjuri iżda wieġbet ‘Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej…’ Huwa importanti li naħdmu b’umiltà.
Ir-rwol tagħna llum mhuwiex differenti minn ta’ Ġwanni l-Battista. Aħna l-insara; sew jekk lajċi, sew jekk reliġjuzi importanti li nkunu l-prekursuri ta’ ĠESÙ. Importanti li nressqu n-nies lejn Ġesù u l-konverżjoni fil-ħajja tagħhom.
Is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena bdiet fit-8 ta’ Diċembru 2015, solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din se tkun sena tal-Grazzja u tal-Maħfra. Fl-antik, il-Poplu Lhudi kien jiċċelebra s-Sena tal-Ġublew kull 50 sena. Skont il-Levitiku l-iskjavi u l-priġunieri kienu jiġu meħlusa, id-djun maħfura u l-ħniena ta’ Alla tkun murija b’mod speċjali. [Levitiku 25:8-23]
[Lev:25:8] “Mbagħad tgħodd seba’ ġimgħat ta’ snin, seba’ snin għal seba’ darbiet, li jġibu disgħa u erbgħin sena. [Lev:25:9] U ddoqq it-tromba fl-għaxra tas-seba’ xahar, f’jum l-espjazzjoni, u ssemmgħu t-trombi ma’ artkom kollha. [Lev:25:10] Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa’ għal li kellu u għal ma’ niesu.[Lev:25:11] Tkun għalikom il-ħamsin sena, is-sena tal-ġublew; la tiżirgħu u lanqas taħsdu milli tnibbet l-art, u anqas tiġbru l-għeneb mid-dwieli bla żbir. [Lev:25:12] Għax hu żmien il-ġublew, żmien li għandkom tqaddsu, u tieklu mir-raba’ dak li trodd l-art.
Is-Sena tal-Ġublew tikkonsisti f’maħfra ġenerali, indulġenza miftuħa għal kulħadd, u l-possibiltà ta’ tiġdid tar-rapport tan-nisrani ma’ Alla u mal-proxxmu. Għalhekk is-Sena tal-Ġublew trid tkun opportunità ta’ approfondiment tal-fidi u biex il-ħajja nisranija tkun mgħejxa b’aktar xhieda awtentika.
Ir-rit tal-bidu tas-Sena tal-Ġublew ikun jikkonsisti fil-ftuħ tal-Porta Santa li fi snin oħra dan jinżamm dejjem magħluq. Dan ir-rit jissimbolizza li matul din is-Sena tal-Ġublew, l-insara qed ikunu mogħtija passaġġ ieħor straordinarju fil-mixja spiritwali tagħhom. F’ Malta l-Ħamis 10 ta’ Diċembru nfetaħ Bieb il-Ħabs minn Mons Grech u qal: Jalla din is-sena tkun is-sena ta’ konverżjoni .
Għalina li aħna nsara parteċipanti, rridu nagħmlu din il-mixja ta’ konverżjoni kuljum u importanti li nagħmluha bil-ferħ. Irridu nkunu pozitivi. Li timxi wara l-kmandamenti mhijiex faċli, anke li nsegwu b’mod regolari r-regolamenti tagħna b’konsistenza …naqraw il-Kelma t’Alla kuljum, mmorru l-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u jekk possibli anke mal-ġimgħa, li nersqu b’mod regolari lejn is-sagrament tal-qrar. Xi kultant ngħaddu minn konflitti fina nfusna speċjalment jekk nkunu qegħdin nagħmlu ħilitna biex insegwu r-regolamenti kollha u l-ħajja ttik bil-ħarta – hija ħaġa naturali li nistaqsu imma ‘Għaliex jien?’ Dan ma għandux jaqtagħlna qalbna. Meta l-kuxjenza tagħna hi safja – fina nsibu ċerta paċi. Ma nistgħux nikkonvertu lil ħaddieħor jekk aħna nfusna m’aħniex konvertiti.
Ejjew inkunu ġenituri li ntellgħu lil uliedna bi spirtu Kristjan. Familja Kristjana hi familja ferħana. Id-dar issir post fejn kull membru jkollu seba’ mitt sena biex jerġa’ jirritorna fiha.
L-għalliema wkoll huma bħal Ġwanni l-Battista. Għalliema Kristjana jridu jkunu konxji mill-azzjonijiet tagħhom f’kull mument quddiem l-istudenti, hu x’inhu s-suġġett li qegħdin jgħallmu. Student jista’ lanqas biss juża l-materjal li tgħallem fis-suġġett li studja iżda l-personalità tal-għalliem/a tiegħu jibqa’ jiftakarha.
Mela hu x’inhu rwol tagħna fil-ħajja, l-aktar mod effettiv kif ngħaddu lil Kristu lil oħrajn hu bl-ezempju ta’ ħajjitna. Bħal Ġwanni l-Battista xgħolna hu li nressqu n-nies lejn Ġesù mbagħad nħallu Lilu jagħmel xgħolu.
Fl-istess ħin, Ġesù għandu bżonn il-koperazzjoni tagħna, Hu jaħdem bil-mezz ta’ kull ġenitur, għalliem u dawk kollha li għandhom sejħa biex jifformaw in-nies. Pietru u Indri kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista sakemm iltaqgħu ma Ġesù u marru warajh. Imbagħad kienu huma li ressqu nies oħra biex isiru jafu u jesperjenzaw lil Ġesù. Dan hu l-disinn u t-tifsira tal-evanġelizzazzjoni, li twassal il-vanġelu lill-oħrajn.
Il-laqgħa tkompliet bi kwotazzjoni tal-qaddisa Mother Theresa: “ Meta persuna fqira tmut bil-ġuħ, dan ma jkunx seħħ għax Alla ma jimpurtahx minnu jew minnha. Seħħ għaliex la inti u lanqas jien ma ridna nagħtu lil dik il-persuna dak li kellha bżonn.
Inti u jien, aħna l-knisja le? Aħna rridu naqsmu dak li għandna ma l-poplu tagħna. It-tbatija tgħezisti llum għaliex in-nies flok jagħtu u jaqsmu dak li għandhom, qegħdin jaħżnu.
Ġesù għamilha ċara ħafna. “Dak kollu li tagħmel mal-iċken minn ħuti, qiegħed tagħmlu miegħi.”
Agħti tazza ilma, tkun qiegħed tagħtiha lili. Aċċetta tifel ċkejken, u tkun qed tirċievi lili.”
Fl-aħħar għalaqna l-laqgħa bit-talba tal-Missierna.
Nistiednek lilek li qrajt dan il-blog tingħaqad magħna nhar il-ġimgħa 18 ta’ Diċembru tieħu kikkra kafe magħna u taqsam magħna l-Kelma tal-Mulej.
NEĦĦU N-NIKET – IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT – 6 TA’ DIĊEMBRU
Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Moviment, u mbagħad inqara l-vanġelu minn San Luqa, Kapitlu 3, versi 1 – 6, li jitkellmu fuq Ġwanni l-Battista: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert….”
Wara saret introduzzjoni, u mbagħad infetħet id-diskussjoni bil-mistoqsija: “Taħsbu li l-bidla li ġab Gesu’ qed isseħħ fi żminijietna?” Għalkemm hemm min jgħid li morna l-baħar, pero’ fil-fatt it-tajjeb għadu jseħħ, imma ma jagħmilx ħoss bħal ħażen. Il-qawwa t’Alla qegħda fuqna; il-fanatiċiżmu fir-reliġjonijiet minn dejjem kien jeżisti, imma l-bidla li ġab Kristu għadha tinħass – mhux dejjem turi ruħha bl-istess mod, imma teżisti u tibqa’ sal-aħħar taż-żminijiet.
Ġesu’ huwa dejjem magħna. Il-Milied għandu jkun is-sena kollha. Kieku taf x’bidla jkun hawn! Għalkemm dan iż-żmien ġie kkommerċjalizzat, għandna nkunu aħna li npoġġu l-Ġesu’ fl-ewwel post fil-Milied. M’għandniex naqtgħu qalbna, inkunu fejn inkunu. Jista’ jkun li jidħqu bina, li jwaqquna għaż-żufjett. Ma rridux nibżgħu nuru t-twemmin tagħna, ma noqogħdux lura milli ngħidu kelma tajba. Il-Mulej itina l-qawwa. Aħna, li verament konvinti, għandna bżonn li nintervjenu. Il-Mulej qed isejjħilna biex naħdmu fl-għalqa Tiegħu. Mhux biżżejjed li nattendu l-laqghat u nikbru flimkien, imma rridu mmorru hemm barra u nwasslu l-Kelma t’Alla.
Ġesu għandu jkun f’qalbna dejjem, imma forsi żmien il-Milied irattbilna u jiftħilna qalbna biex inġibu iktar għaqda u iktar qbil, biex b’hekk inkunu nsara ta’ veru u iktar twajba ma’ ta’ madwarna.
Il-Milie
d irridu nħossuh tassew jekk aħna nagħmlu xi ħaġa li tbiddel lilna u ta’ madwarna. Ġesu’ mhux qiegħed hemm biex noħorġuh mill-kaxxa fil-Milied u nerġgħu nerfgħuh fil-kaxxa wara l-Milied. Kieku ma nsibux fejn inkunu rfajna l-Bambin nieħdu xokk. Jiġrilna hekk jekk ma nsibuhx f’ħajjitna? U dan ngħaqqduh ma’ dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa. Ħafna nies, b’solidarjeta’ ma’ dak li ġara fi Franza, żebgħu il-profil tagħhom fuq facebook bil-kuluri ta’ dan il-pajjiż. Kieku kull darba li nagħmlu dnub niżbgħu il-profil tagħna aħmar, kieku kulħadd jispiċċa b’dan il-kulur, għax xi ftit jew wisq kollha nonqsu.
Il-Milied iġib festi kbar fil-Liturġija ta’ qabel u anke wara l-Milied – liturġija qawwija li tant inkunu “fis-sakra tal-Milied” li lanqas nifhmu is-sinifikat tagħha. Ġesu’ se jitwieled, imma xi jfisser it-twelid ta’ Ġesu’? Il-Liturġija tal-Knisja tagħtina tweġiba:
il-Martirju ta’ San Stiefnu (26 ta’ Diċembru), San Ġwann il-Battista (27 ta’ Diċembru), l-Innoċenti (28 ta’ Diċembru). Kemm minna nikkommemoraw il-qtil tal-innoċenti?
Ma nistgħux niltaqgħu ma’ Kristu u nibqgħu fejn inkunu. Hu biss jista’ jġib l-aqwa rivoluzzjoni fil-ħajja tagħna, jiġifieri dik li tista’ tinżel f’qalb il-bniedem biex tbiddlu mill-qiegħ. Għalhekk aħna għandna għażla: il-ħajja fi Kristu, li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem, jew il-mewt, li twassalna għat-telfien ta’ dejjem. Ejjew mela nduru b’indiema lejn Ġesu’, inħalluh jibdilna u jsawwarna bl-Ispirtu qaddis Tiegħu. Qegħdin fl-Avvent, żmien ta’ tħejjija. Ejjew mela nagħmlu deċiżżjoni bis-serjeta’ sabiex lil Kristu, u lil Kristu biss, inħalluh ikun is-Sid ta’ ħajjitna, biex jibdilna u jqaddisna sakemm iwassalna għall-perfezzjoni. Ma nħallux li dan il-Milied ikun bħall-oħrajn. Irid ikun Milied speċjali – Milied ta’ bidla, ta’ twelid mill-ġdid għal ħajja aħjar fi Kristu Ġesu’.
Il-laqgħqa għalqet b’dan il-ħsieb: San Ġwann kien jgħammed. Il-magħmudija hi att ta’ maħfra. It-teologu Amerikan Karl Paul Reinhold Niebuhr kien qal hekk fuq il-maħfra: “Forgiveness is the final form of love”.
Il-laqgħa Prayer Cafè tal-Ġimgħa 13 ta’ Novembru 2015, iffukat fuq il-Vanġelu tat-33 Ħadd ta’ matul is-sena B.
Dan il-vanġelu huwa test li sa ftit żmien ilu kien jintuża f’waħda mill-erbgħa priedki (min-ħamsa) li kienu jsiru waqt l-eserċizzi tar-Randan. Dawn kienu jiffukaw fuq in-Novissimi: Mewt, Ġudizzji, Infern u Ġenna.
Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.
Din hija risposta li għandha ttina t-tama!
Aħna għandna ħabta nintrabtu mal-affarijiet li jleqqu; nagħmluhom l-idoli tagħna. Anke aħna li nemmnu ġieli nagħmlu dan. Kultant anke d-drawwiet li mdorrijin bihom kuljum, nagħmluhom idoli tagħna. Ninsew li aħna qiegħdin hawhekk passaġġ u norbtu ruħna ma dawn l-affarijiet tad-dinja. Dawn l-affarijeit kollha se jispiċċaw… imma aħna li nemmnu nafu li l-mewt tfisser bidu ta xi ħaġa ġdida. Għalina l-insara l-mewt tagħna għandha tfisser it-twelid tagħna.
Il-vanġelu issemmi ħwejjeġ appokalitiċi. Iżda fuq livell iktar personali aħna nistgħu nesperjenzaw katastrofi permezz ta disgrazzji, mewt, traditamenti etc. Hawnhekk ukoll għandna jkollna t-tama. Permezz tas-sigra tat-tin Ġesù jtina tagħlima… għandna nagħrfu s-sinjali u nifmhu li waqt traġedja hemm id-dawl fit-tarf; Hemm it-tama; Hemm Alla fit-tarf; B’idejh miftuħa biex jilqagħna bl-imħabba u t-tenerezza.
Dan il-vanġelu itina żewġ ingredjenti biex jgħinna nagħmlu dan:
Għalhekk irridu nġorru s-slaleb tagħna bil-fidi f’Alla u bit-tama li se jasal żmien aħjar.
Il-Laqgħa spiċċat billi qrajna s-salm li se jinqara fil-quddiesa ta3-33 Ħadd (sena B):
Ħarisni Mulej, għax għandek nistkenn
Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija
Inti żżomm f’idejk xortija.
Dejjem quddiemi żammejt ‘il-Mulej,
Għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt.
Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi,
U ġismi jistrieħ bil-kwiet.
Għax int ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,
Ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir.
Inti turini t-triq tal-ħajja,
Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
Hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek.
Imbagħad inqrat din il-kwotazzjoni:
“Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”
Mattew 25:35-36
Il-Kids for Jesus (K4J) club fi ħdan il-Moviment Kerŷgma irnexxielu għal sena oħra jiġbor grupp sabiħ ta’ tfal ta’ bejn l-4 u t-13-il sena nhar il-31 ta’ Ottubru 2015, għal ġurnata mimlija attività f’jum il-qaddisin kollha.
Il-ġurnata tagħna bdiet fit-tmienja ta’ filgħodu fejn għadd sabiħ ta’ teens ġew b’ħeġġa kbira jippreparaw u jorganizzaw il-logħob tat-tfal għall-‘All Saints Party’ taħt il-gwida tal-leaders tagħhom. Fl-għaxra, tajna bidu għall-attività sabiħa li laqgħat ftit inqas minn mitt tifel u tifla, fil-kjostru tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat.
Waqt il-party, it-tfal kellhom l-opportunità li jżuru sebgħa stazzjonijiet. F’kull stazzjon, it-tfal kellhom storja qasira fuq xi qaddis partikolari u wara kellhom logħba li kienet marbuta mal-ħajja jew l-istorja ta’ dan il-qaddis partikolari. Kull stazzjon kellu s-superviżjoni tal-adulti, iżda ġie mmexxi mit-teens infushom li għamlu xogħolhom bl-akbar dedikazzjoni.
Wara l-mawra f’kull stazzjon, it-tfal inġabru għal quiz fejn għamilna ftit reviżjoni ta’ dak kollu li kienu tgħallmu. Bla dubju ta’ xejn il-ġid, li ħareġ minn din il-ġurnata kien evidenti mhux biss mill-mod ta’ kif wieġbu d-domandi t-tfal, iżda wkoll mit-tbissima u s-sodisfazzjon li wrew kemm it-tfal, kif ukoll il-ġenituri ta’ dawk li attendew. It-tfal ingħataw ukoll xi rigali u stedina speċjali sabiex filgħaxija jingħaqdu magħna għal dak li aħna sejjaħnilu ‘Barka u Talba’.
‘Barka u Talba’ – din xi tkun? Il-K4J club reġa’ sejjaħ lit-tfal fis-18.30 ta’ filghaxija u flimkien morna nħabbtu l-bibien tan-nies. Hawnhekk aħna tlabna lin-nies jisimgħu storja żgħira fuq qaddis li tlabna l-barka tiegħu fuq dik id-dar, u min għoġbu tana donazzjoni jew ħelu, li t-tfal tagħna għaddew lil tfal oħra li huma inqas ixxurtjati minnhom. Il-barka li t-tfal talbu fuq ħaddieħor żgur li ġiet fuqhom u t-tbissima li ħalliet fuq wiċċ kull wieħed minnhom żgur kienet ta’ sodisfazzjon kbir għall-helpers kollha li b’mod volontarju qattgħu ġurnata flimkien jagħmlu dak li huwa dmir tagħna li nagħmlu bħala nsara.
Fl-aħħarnett ser nagħmlu stedina sabiex jekk hawn xi ħadd (adulti, adolexxenti jew tfal) li jixtieq jingħaqad mal-gruppi tagħna jew isir jaf aktar dwar dawn l-attivitajiet, huwa mitlub jikkuntattja lil Bernice fuq 99804553. Il-bieb tagħna miftuħ għal kulħadd.
Il-Moviment Kerygma jorganizza l-“Premju Żagħżugħ tas-Sena” bil-għan li joħroġ fil-beraħ l-impenn taż-żgħażagħ b’mod nisrani fis-soċjetà Maltija.
Il-Premju hu miftuħ għal dawk iż-żgħażagħ kollha li juru sens kbir ta’ impenn fil-ħajja nisranija tagħhom ta’ kuljum.
Tistgħu tinnomminaw xi żagħżugħ jew żagħżugħa li taħsbu li jikkwalifikaw u jimmerithom jkunu nnominati għal dan il-premju prestiġjuż. Tistgħu tinnominaw aktar minn persuna waħda, billi tibgħatu applikazzjoni separata. Kopja tar-regolamenti u l-applikazzjoni tista tniżżilhom minn hawn:
L-applikazzjonijiet u d-dokumenti relattivi għall-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2015 għandhom jaslu fl-uffiċċju tal-Moviment Kerygma sa mhux aktar tard mil-Ġimgħa-27 ta’ Novembru 2015 fl-12.00pm.
Id-Diskors tal-Muntanja.
Il-laqgħa bdiet b’talba u mbagħad inqara l-Vanġelu minn San Mattew, kapitlu 5, versi 1 – 12 – il-Beatitudnijiet. Wara, kulħadd ġie mistieden biex isemmi kelma jew frażi li tkun laqtitu mis-silta.
Dan il-Vanġelu, imsejjaħ tal-Beatitudnijiet, jagħmel parti mid-Diskors tal-Muntanja (Mattew kap 5 – 7). Dan huwa l-magna karta ta’ Ġesu’, speċi ta’ mission statement tiegħu – x’kien jaħseb, x’kellu f’qalbu, x’kienu l-prinċipji tiegħu. Prattikament huma l-linji gwida ta’ dak kollu li jagħmel bniedem nisrani.
Ġesu huwa Mose’ il-ġdid. Mose’ tela’ fuq il-muntanja u ġab il-twavel tal-Liġi, li l-Lhud kienu jsegwu b’reqqa kbira. Ġesu’, fid-diskors tal-muntanja, jipperfezzjona u jġedded il-Liġi. Flok sensiela ta’ liġijiet, dan id-diskors jiġbor it-tagħlim kollu ta’ Ġesu’. Huwa attitudni ġdida tan-nisrani. Ġesu’ qed jgħidilna biex inkunu ferħanin. Kull sentenza tibda bil-kelma “henjin”.
Imbagħad ġiet irrakkuntata l-ġrajja ta’ missjunarju li mar il-missjoni biex jiftaħ sptar. Meta bdew ġejjin il-pazjenti, kien hemm tlieta li, meta ġew f’kuntatt mal-missjunarju, iddeċidew li jitgħammdu. Xi ġimgħat wara, l-missjunarju mar fil-villaġġ ta’ wieħed minnhom u sab li dan kien għadu jipprattika r-reliġjon pagana. Meta staqsieh għaliex kien qed jagħmel hekk, dan qallu li hu nisrani meta jkun l-isptar, imma fil-villaġġ jieħu kontroll alla tagħhom. Forsi aħna ħafna drabi mhux hekk nagħmlu? Qalbna marbuta wisq mal-postijiet. Aħna nsara meta mmorru l-quddies, meta nattendu għal-laqgħat, imma mbagħad meta nkunu fuq ix-xogħol, fil-hajja miżżewwġa? Donnu l-ħajja tagħna nisranija maqsuma f’dawn il-ħafna kompartimenti. Dawn il-beatutnijiet jgħinuna biex ħajjitna ma tkunx hekk, imma jgħaqqdu flimkien il-ħajja tagħna ta’ kuljum mal-ħajja spiritwali. Juruna kif ngħixu ħajjitna, x’inhi l-kuntentizza vera.
Wara din l-introduzzjoni, reġa’ nqara il-Vanġelu u bdiet id-diskussjoni fuqu.
“Ġesu’ tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu”. Ġesu’ mar fil-beraħ, f’post pubbliku, biex juri li kulħadd kien mistieden. Wieħed kitteb Franċiż, Gilbert Cesbron, qal hekk dwar dan it-tagħlim ta’ Ġesu’: “Għalija dan huwa l-iktar kitba mportanti fl-istorja tal-umanita’. Huwa ndirizzat għall-bnedmin kollha, dawk li jemmnu u dawk li le, u wara għoxrin seklu huwa l-uniku dawl li jiddi f’tant dlamijiet ta’ vjolenza, biża’ u solitudni li fih tinsab id-dinja minħabba s-suppervja u l-egoiżmu.”
Għal min irid jibda jaqra l-Bibbja, id-Diskors tal-Muntanja hu l-post idejali minn fejn jibda, għax jitkellem dwar dak kollu li jagħmilna bnedmin. Dan id-diskors jgħodd għal kulħadd. Kieku kulħadd iħenn, iġib il-paċi, kieku d-dinja tkun ferm aħjar milli hi.
Wara bdiet diskussjoni fuq il-frażi “Ħenjin il-foqra fl-ispirtu”. Aħna mdorrijin li d-dar hija tiegħi, dik il-biċċa art hija tiegħi, imma dawn il-foqra x’saltna għandhom? Għandhom is-saltna t’Alla, li tiġi meta aħna ma nkunux marbutin ma’ dak li għandna, mal-prinċipji tagħna, mas-suppervja u l-kburija. Ma rridux insiru allat tagħna nfusna. Irridu nintelqu f’idejn Alla u s-Saltna tingħatalna minn issa.
“Ħenjin dawk li jġibu l-paċi” Xi tfisser il-paċi nisranija? Hi dik li tibda minn dawk ta’ madwarek. Id-differenza bejn paċi ta’ żewġ pajjiżi li kienu fi gwerra u l-paċi nisranija hi li l-ewwel waħda hi paċi ta’ konvenjenza, filwaqt li l-paċi nisranija hi dik tal-qalb.
Imbagħad saret riflessjoni fuq post fejn hemm il-paċi – iċ-ċimiterju. Il-mejtin ma jiġġieldux. Ma rridx inkun mejjet ħaj. Għandna ħafna mudelli: Gandhi, il-papiet, il-martri. Dawn ġabu l-paċi għax kienu ħajjin. Jekk ma nifhmux xi tfisser il-paċi ta’ Kristu ma nistgħux niżirgħuha f’dawk ta’ madwarna u f’kull mument ta’ ħajjitna – fid-divertiment, fil-familja, fuq ix-xogħol. Jekk moħħni biss biex intaqqtaq, nipponta sebgħi, nikkritika, inkun mejjet ħaj. Il-paċi ma tfissirx li għalik xejn mhu xejn, li ma tiftaħx ħalqek, imma li titkellem permezz tal-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li twettaq ir-rieda t’Alla f’kull minuta. Din hi l-veru paċi tal-qalb, minkejja d-diffikultajiet li jista’ jkollok.
“Ħenjin intom li jippersegwitawkom” F’dawn il-mumenti, minħabba l-idejat tiegħek, ħaddieħor jista’ jwaqqek għaċ-ċajt, għax ma tużax ċertu kliem, għax tpoġġi l-familja qabel il-flus, għax għandek prinċijpji nsara, għax tieħu x-xogħol bis-serjeta’ u ma tiskartax, għax tattendi laqgħat, għax toqgħod attent x’tara fuq l-internet, għax taħfer. F’dawn il-mumenti tkun ippersegwitat minħabba l-prinċijpji nsara.
Għal min irid imaqdar, dawn il-Beatutnijiet jidher li fihom ħafna kontradizzjonijiet – kif tkun fqir u jkollok saltna, kif tkun bil-ġuħ u mxabba’? Jaqrahom min jaqrahom, jekk dak li jkun jipprova jagħmilhom tiegħu, xorta se jħossu kuntent, għax jitkellmu fuq dak li jagħmel persuna bniedem. Kieku d-dinja tkun perfetta! Jekk trid tgħix tajjeb u timxi fuqhom, ikollok il-kuntentizza vera.
Aħna nitkellmu dwar min jippersegwitana, imma rridu noqogħdu attenti li ma nkunux aħna li nippersegwitaw li ħaddieħor – meta niġġudikaw, inqassqsu, nisirqu minn fuq ix-xogħol, nagħtu eżempju ħażin lit-tfal, innikktu bil-kliem vojt, inħarrxu lil ħaddieħor b’għemilna, intellfu l-paċi, indafflu fellus f’ras dak li jkun. Aħna bħala nsara għandna responsabbilta’ kbira.
Imbagħad issemma’ il-Ġublew tal-Ħniena. L-enfasi hi fuq il-ħniena li ġġib il-maħfra. Fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, il-missier ħafer lill-ibnu li għamillu nsult pubbliku. Li titlob għal min għamillek id-deni mhix faċli. Imma hemm issib il-vera paċi tal-qalb.
X’inhu dak li jagħmel persuna ħienja? Issemma’ l-papa Ġwanni Pawlu 1 – il-papa tat-tbissima. Dan qal “It-tama t’Alla tagħti s-serenita’ tal-qalb għaliex il-pjan ikun dak ta’ Alla għalina u mhux bil-kontra.” Irridu nagħmlu tagħna dak li hu ta’ Ġesu’. Jekk nimxu fuq dan id-diskors tal-muntanja jkollna aktar ħeġġa biex nagħmlu affarijiet li forsi waħedna ma nagħmluhomx.
Fl-aħħar saret riferenza għall-festa tal-qaddisin kollha u tal-erwieħ li mxew fuq dawn il-linji gwida tal-beatutnijiet. Filwaqt li l-kmandamenti jgħidulna x’mgħandniex nagħmlu, il-beatutdinijet jiggwidawna dwar x’għandna nagħmlu.
Il-laqgħa ntemmet bil-kwotazzjoni ta’ C.S. Lewis: “The stamp of the saint is that he can waive his own rights and obey the Lord Jesus.”
Evanġelju ta’ San Mark 10,46-52.
Bħalissa qegħdin naqraw mill-evanġelju ta’ San Mark Kapitlu 10 fejn Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu qiegħed miexi lejn Ġerusalemm. Fl-evanġelju tal-lum tissemma l-belt ta’ Ġeriko. It-triq minn Ġeriko għal Ġerusalemm kienet prattikament deżert tal-blat u d-distanza kienet li persuna b’saħħitha tieħu xi tmien sigħat biex timxiha. Mhux faċli għalhekk timmaġina lil Ġesù għaddej minn dan l-ambjent ostili jipprietka u jfejjaq. Fl-evanġelju ta’ San Mark dan huwa l-aħħar miraklu qabel ma jidħol Ġerusalemm; il-fejqan tal-għama ta’ Ġeriko. Interessanti li fl-evanġelju ta’ San Mark biss insibu l-isem ta’ dan l-għama; kien jismu Bartimew.
Ġesù ma kienx qiegħed waħdu fit-triq imma kien hemm kotra kbira ta’ nies miexja, kulħadd miexi lejn Ġerusalemm. Fost din il-kotra kbira ta’ nies, anonimi; kien hemm wieħed tallab għama jismu Bartimew. X’kellu speċjali dan l-isem? Kellu isem u kien qiegħed mal-ġemb tat-triq. Meta sema’ li kien ġej Ġesù beda jgħajjat u jgħid: “Ġesù Bin David ikollok ħniena minni.” Dan ir-raġel kien probabbli li sema’ fuq Ġesù. Ħafna bdew isikktuh imma hu aktar beda jgħajjat sakemm ġibed l-attenzjoni ta’ Ġesù. Ġesù waqaf u staqsieh xi jrid. Interessanti li kif Ġesù staqsieh xi jrid in-nies ta’ madwaru ma baqgħux jgħajjtu miegħu imma bdew jgħidulu biex jagħmel il-qalb. Din tiġri kemm-il darba fil-ħajja tagħna meta pereżempju niġġudikaw lil xi ħadd fuq l-ewwel impressjoni imbagħad wara kelma ta’ xi ħadd inbiddlu l-ideja tagħna fuq dik il-persuna. Ġesù reġa staqsieh xi jrid u wara li l-għama qallu li jixtieq jerġa jara. Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” Interessanti li din il-persuna baqgħet miexja wara Ġesù.
Nistgħu naqsmu dan il-miraklu fi tliet stadji:
“Il-fidi tiegħek fejqitek.” Din is-sentenza hija qawwija, il-fidi mhix faċli. Hemm bżonn li l-fidi nrawwmuha ġewwa fina, anke meta ngħaddu minn żminijiet li m’għandix aptit nitlob. Tinsiex li meta tipprova tagħmel xi ħaġa tajba ħa ssib mill-ewwel xi ħadd li jipprova jkissrek; mill-ewwel u bil-fatti.
Fil-folla ta’ quddiem Ġesù kulħadd kellu l-bżonnijiet, però kien wieħed li kellu l-kuraġġ jgħajjat jgħajjat għall-għajnuna. Kien jaf li hu xi ħadd speċjali għaliex qallu Bin David, u anke sejjaħlu Rabbuni, mgħallem. Irridu nifhmu li dan ir-raġel għamel il-pass importanti li staqsa lil Ġesù. Għandna l-kuraġġ li niffittaw lil Ġesù f’fidi? Bartimew kellu l-fidi li tgħajjat u taġixxi. Ma rridux noqogħdu b’idejna marbuta. Ġesù qiegħed hemm għalina imma aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna.
Nirriflettu wkoll li aħna rridu wkoll ngħinu lil min jitlobna l-għajnuna jew naraw li għandhom bżonn.
Nitolbu wkoll lill-Mulej li jdawwarna b’nies li jgħinuna ninbidlu. Ma nistennewx li nbiddlu lil dawk ta’ madwarna biex jiġu jaqblu magħna imma mportanti wkoll li naraw kif nistgħu ninbidlu aħna sabiex aktar naqblu ma’ dawk ta’ madwarna.
Il-fatt li dan ir-raġel talab l-għajnuna turi wkoll l-umiltà tiegħu.
Kull darba li nirċievu l-Ewkaristija, aħna qegħdin nirċievu lil Ġesù fina. Kemm għandna fidi f’dan Ġesù li jkun preżenti fina? Ejjew naħsbu kemm l-Ewkaristija hija xi ħaġa kbira. Għaliex immorru l-quddiesa ġimgħa wara ġimgħa u nibqgħu l-istess?
Tajjeb li nagħmlu ma’ ħaddieħor it-tajjeb li aħna stess inkunu qlajna. B’hekk inkunu qegħdin inħaddmu l-fidi tagħna; b’affarijiet tanġibbli. Il-ġesti żgħar tal-ħajja tagħna huma mera tal-ħajja u l-fidi tagħna.
Kwotazzjoni: Ġesù qatt ma ddejjaq li jkun mal-marid:
“Aħjar Knisja mweġġa’ u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq milli Knisja magħluqa.” Papa Franġisku
Fil-laqgħa tas-16 t’Ottubru ta’ Prayer Café trattajna l-vanġelu mid-disgħa u għoxrin Ħadd ta’ Matul s-sena B mehud mill-vanġelu ta’ San Mark 10:35-45, vanġelu li jitratta kif min imexxi għandu jkun lest li jaqdi u jservi lil oħrajn.Wara l-qari tal-vanġelu nqasmu diversi punti dwar it-tifsira ta’ dan il-vanġelu. Dawn huma xi uħud minnhom.
Santu Wistin kien jgħid “ Alla li ħalqek mingħajr permess tiegħek irid l-għajnuna tiegħek biex isalvak”. Ħadd ma talab biex jitwieled imma jekk rridu nsalvaw irridu nikkoperaw mal-messaġġ li tana l-Alla permezz Kristu. Qegħdin ngħixu f’soċjeta fejn naħsbu li huwa dritt ta’ kull individwu li jagħmel dak li jrid – pero jekk se nagħmlu l-ħażin se nħallsu għalih irridu jew le.
Fil-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd nsibu: “ min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.” Paradoss fis-soċjeta tal-llum. Kif nikmanda u nkun skjav? Skond il-vanġelu il-kap għandu biss dmir wieħed ..li jaqdi u jiffaliċita l-ħajja ta’ l-oħrajn. Aħna lkoll skjavi- skjavi tad-dnub u ĠESU biex isalvana “sar skjav tal-iskjavi kollha.” Hu li ma kellu l-ebda ħtija kif jgħidilna San Pawl. Dan jurina kif meta naħsbu f’ħaddieħor biss nistgħu nsalvaw. Il-kontra li tgħidilna s-soċjeta moderna – l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien u li jibqa’ għalija ukoll. Kunċett mxandar bil-mezzi tal-komunikazzjoni.
Fl-enċiklika tiegħu “Laudato Si” Papa Franġisku jissuġġerilna nibdlu l-istil ta’ ħajjitna biex inħallu d-dinja aħjar milli sibnieha għal dawk ta’ warajna. Din hi sfida kbira fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-Knisja llum ma għadx għandha l-kollaborazzjoni tal-Istati. Qabel l-Istati ma kienux jaddu liġijiet kontra l-morali jew kontra l-liġi tan-natura. Imma llum ħafna mill-politikanti jaddu l-liġijiet biex jaħsbu għal rashom … jaħsbu biex ma jitilfux il-poter u hekk nsibu li bl-iskuza tad-drittijiet tal-minoranzi dejjem jaddu liġijiet li jiddefendu l-minoranzi. Aħna wkoll bħala nsara kattoliċi kif kien itenni Mons Pawlu Cremona u anke issa Mons Scicluna sirna minoranza. Allura aħna ma għandniex drittijiet? Qegħdin ngħamlu ħilitna biex ninstemgħu? Kardinal Sarah, Afrikan u president tal-pontifiċju tad-dutrina tal-fidi waqt is-Sinodu li għaddej qal li bħalma fis-seklu li għadda kien hemm il-faxxizmu issa erġajna għaddejjin minn krizijiet oħra imma taħt forma oħra.
Għadna nuru li aħna nsara f’kwalunke sitwazzjoni? Kemm aħna lesti li nsofru biex inwasslu lil Kristu lil oħrajn? Papa Franġisku qiegħed jagħmel ħiltu biex jiġbed lura dawk li huma ‘l barra mill-knisja. Anke Papa Benedittu XVI kien waqqaf grupp bl-isem “Il-bitħa tal-Ġentili” fejn kien jinħoloq djalogu għal dawk li kienu jħossuhom fid-dubju fuq it-twemmin tagħhom u li jkunu għadhom qed ifittxu l-verita.
Qaddisa ta’ żmienna – Mother Theresa – kienet għaddiet minn mumenti ta’ tbatija ukoll. Kienu l-perseveranza ,l-konvinzjoni u d-determinazzjoni tagħha li wasluha biex tippersevera ssaqsi lil Isqof biex jagħtiha permess twaqqaf is-soċjeta tagħha. Soċjeta li tgħin lil min hu fil-bżonn…mingħajr ,ma tħares la lejn kulur ,la lejn twemmin u lanqas politika.
Il-poter hija tentazzjoni għal kulħadd u x-xitan jattakana biex nagħmlu kompromessi. Aħna nsara konvinti? Jew qisna l-Farizej …minn barra nidhru li qed nosservaw il-liġi t’Alla imma mbagħad nqabblu fejn jaqblilna? Il-poter għandu l-ħila li jamina…jixtrina…Din hi l-ġlieda f’ħajjitna.
Fil-Vanġelu ta’ San Mark naraw li Ġesu jħabbar għat-tielet darba l-passjoni tiegħu. Id-dixxipli ma fehmuhx. anzi, ulied Żebedew u d-dixxipli l – oħra bdew ifittxu l-glorja. Ġesu jurihom xi tfisser tmexxi. Tagħmel sens biss jekk isservi.
Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.” It-talb tagħna kif inhu arroganti bħal ta’ dawn iż-żewġ dixxipli “irriduk tagħtihulna.” ? Llum ukoll nsibu min jistenna Gratifikazjoni Immedjata. Iż-żmien kif iħares lejh il-Mulej hu differenti minn kif inħarsu lejh aħna. Fil-ktieb ta’ Ġob nsibu : “ Nilqgħu t-tajjeb minn għand Alla allura t-tbatija ma nilqgħuhiex? ” Fl-omelija tas-16 t’Ottubru Papa Franġisku qal li t-talb hu l-qofol ta’ kollox. Meta nitolbu importanti li nkunu miftuhin għal Ispirtu biex dan idawwalna u naċċettaw ir-rieda t’Alla f’ħajjitna. Weħidna ma naslux.
Is-servizz li jitkellem fuqu Kristu huwa s-solidarjeta – solidarjeta mal-proxxmu – il-kmandamenti kollha jinġabru f’wieħed. “Ħobb lil Alla u lil għajrek bħalek innifsek.” Irridu nkunu solidarji ma kulħadd u ma nħarsux lejn l-uċuh jew twemmin. Biex naslu għal dan għandna bżonn tlett ingredjenti (i) Perseveranza (ii) Determinazzjoni (iii) Umilta (doza kbira ta’ Umilta).
Quote:
Tiżżewwiġx persuna li tista’ tgħix magħha imma persuna li ma tistax tgħix mingħajrha.
Il-laqgħa nngħalqet bit-talba tal-Missierna.
Nistednuk u nħeġġuk tingħaqad magħna nhar il-Ġimgħa 23 Ottubru għal laqgħa oħra ta’ Prayer Cafe biex nkomplu nikbru fil-fidi tagħna.
It-Tmienja u Għoxrin Ħadd tas-Sena
Inqrat is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mark, Kapitlu 10, versi 17 – 30, fejn l-evanġelista jgħidilna li mar fuq Ġesu’ wieħed jgħaġġel, niżel għarkobbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Interessanti l-fatt li fil-bidu tar-rakkont ma jissemmiex li dan kien raġel għani. Dan insibuh fl-aħħar tas-silta.
Ġesu, qabel ma tah risposta, staqsieh: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss.” Il-fatt li r-raġel indirizzah bħala mgħallem tajjeb turi li dan irrikonoxxa l-qawwa ta’ Ġesu’, li fit-tweġiba tiegħu stqarr id-divinita’ tiegħu.
Imbagħad kompla jgħidlu “Inti l-kmandamenti tafhom…” L-istess bħal ma nafuhom aħna, imma ħafna drabi naħsbu li għax aħna ma noqtlux, ma nisirqux, allura hekk biżżejjed. Ma nidħlux fid-dettalji. Kemm-il darba nistgħu noqtlu bi kliemna! Kemm-il darba ngħiru u nixtiequ dak ta’ ħaddieħor!
U r-raġel wieġeb: “Mgħallem, jien dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Wieġeb b’ċerta konvinzjoni li la darba kien jobdi l-kmandamenti u jħallas id-deċmi, allura kollox sew.
Imbagħad Ġesu’ xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigh li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.” Ta’ min isemmi li għall-poplu Lhudi fi żmien Ġesu’, li tkun sinjur kien meqjus bħala privileġġ, għax hekk kienu jistgħu jgħinu lill-fqar u jħallsu d-deċmi. Mhux bilfors li dan ir-raġel ħass weġgħa għax qalbu kienet marbuta wisq mal-ġid, imma għax ħaseb li jekk jagħmel hekk mhux se jkun jista’ jkompli jgħin.
Ġesu’ mbagħad dar fuq id-dixxipli tiegħu u qalhom: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla…..” L-għonja mhux bilfors tfisser dawk li għandhom bosta ġid. Jistgħu jkunu s-suppervi, dawk li jħossuhom fuq kulħadd, li qalbhom marbuta mas-setgħa, li jgħaffġu l-oħrajn basta jilħqu huma.
Meta Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu li eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla, dawn staġgħbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Hawnhekk Ġesu’ jassigurhom li għal Alla kollox jista’ jkun. Alla hu ħanin u jaqra fil-qlub. Għal Alla xejn ma hu moħbi, la fis-sema u lanqas fl-art.
Fl-aħħar qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk” U Ġesu’ jwieġbu u jgħidlu li l-ħlas għad ikun għal mitt darba iżjed, sa minn din id-dinja stess. Imma ma dan kollu jżid il-kelma “persekuzzjonijiet”! Meta nisimgħu din il-kelma ħafna drabi naħsbu fil-martri ta’ l-ewwel żminijiet tal-Knisja, imma r-realta’ hi li llum hawn ħafna nies li qed jiġu ppersegwitati u maqtula minħabba t-twemmin tagħhom. Għandna napprezzaw il-liberta’ li nistgħu nitkellmu fil-miftuħ, u għalhekk għandna d-dmir li ma nibqgħux ħalqna magħluq u li ma nibżgħux nitkellmu fuq it-twemmin tagħna. Il-persekuzzjonijiet huma wkoll “l-għaliex?” fil-ħajja tagħna: għaliex qed jiġri hekk meta tant nipprova nagħmel tajjeb? Għaliex, għaliex…Dan huwa mezz biex iressaqna lejn il-qdusija.
Nerġgħu nagħmlu riflessjoni fuq il-frażi “mur bigh kollox” Fil-prattika dan mhux possibli. Ma nistgħux nittraskuraw id-dmirijiet tagħna lejn il-familja, imma nistgħu naraw x’għandna bżonn tassew. Kulħadd għandu r-realta’ tiegħu. Irridu nagħmlu għażliet u naraw x’nistgħu innaqqsu. Jekk inħarsu lejn il-Papa, għandna ezempju ċar ta’ dan. Qed jospita familji refuġjati fil-Vatikan, juża karozza komuni, ipprovda showers u hairdressers għan-nies bla dar.
Fl-aħħar tal-laqgħa saret riferenza għas-Sinodu fuq il-Familja. Bħal issa l-membri qed jitqassmu fi gruppi skond il-lingwa. Qed juru biss opinjonijiet u x’jixtiequ li jiġi diskuss. Malta hi rrappreżentata mill-Isqof Mario Grech. Qed jieħdu sehem 370 ruħ. 270 minn dawn huma isqfijiet u l-oħrajn awdituri, fosthom sorijiet u familji. Hemm rappreżentanti mill-Kattoliċi Orjentali, u mill-Knejjes Ortodossi bħala osservaturi. Kien hemm min ried li t-titlu tas-Sinodu jkun “Il-Ħajja taż-Żwieġ lejn il-Familja”, iżda l-Papa ma xtaqx hekk għax ried li jintlaħqu l-familji kollha. Il-Knisja trid tkun miftuħa għal kulħadd. Alla ma jikkundannax u ma jagħmilx tabelli. Kulħadd hwa inkluż.
Fl-aħħar tal-laqgħa nqrat kwotazzjoni ta’ C.S.Lewis: “True humility is not thinking less of yourself. It is thinking of yourself less”