“Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem.”(Ġw 6, 40)
L-evanġelju li tlabna permezz tiegħu waqt il-laqgħa bi preparazzjoni għall-Jum tal-Għid tal-Imwiet kien meħud mill-Evanġelju ta’ San Ġwann Kapitlu 6, Vrus minn 37 sa 40.
Li nara lill-Iben ifisser li nkun iltqajt mal-persuna ta’ Ġesú, tgħallimt fuqu, min kien, x’kien jagħmel u x’kien it-tagħlim tiegħu. Peró dan mhux biżżejjed għaliex hemm bżonn il-fidi.
Li nemmen ifisser li jkolli fiduċja f’dan Ġesú li miegħu inkun iltqajt. Fiduċja tfisser li temmen, tagħmel u tħossok parti minn dak kollu li l-Mulej Ġesú jgħallimna jew jitlob minna. Meta inti temmen tkun għalhekk qiegħed tirċievi mingħand Ġesú il-ħajja ta’ dejjem. Il-Ħajja ta’ dejjem diġá bdiet minn din id-dinja.
X’inhi l-mewt?
Nafu li l-mewt iġġiegħel lin-nies isofru, jibku u jaqtgħu qalbhom fost diversi emozzjonijiet oħra. Imma hija hekk biss?
Il-mewt hija passaġġ mill-ħajja eterna li diġá bdiet; għall-kumplament tal-ħajja tagħna magħqudin ma’ Alla. L-ewwel pellegrinaġġ ta’ ħajjitna aħna nagħmluh hawnhekk fuq din l-art. Il-mewt hija għalhekk il-kontinwazzjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ li jwassalna biex ningħaqdu mal-Mulej Ġesú fil-ġenna fejn kif qalilna San Pawl hemm jistenniena: “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”(1Kor 2, 9)
Il-Knisja tistedinna biex darba f’sena niftakru f’dawk li diġá għaddej minn dan il-passaġġ. Hemm rabta Spiritwali kbira bejn il-membri tal-Knisja fuq din l-art u dawk fis-sema. Aħna lkoll obbligati li bħalma ngħinu lill-proxxmu tagħna li jinsab madwarna fiżikament, hekk ukoll ngħinu bit-talb lil dawk li qegħdin diġá fil-ħajja l-oħra. B’hekk il-mewt issir rebħa u bidla li rebaħ Kristu permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.
Fil-mewt aħna l-bnedmin insibu s-sliem etern għaliex ningħaqdu għal dejjem ma’ dan Alla li ħalaqna. Il-Mulej mhux ser jitlaq lil dawk li fil-ħajja tagħhom għamlu l-għażla tiegħu.
“Mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda ta’ min bagħatni.”(Ġw 6, 38)
Aħna r-rieda ta’ min qegħdin nagħmlu? Tagħna, ta’ min jinfluwenzana, tas-suq kummerċjali/reklami, xi grupp li nappartjeni għalih jew forsi ta’ min għandu prinċipji u valuri differenti minn dawk Kattoliċi? Tajjeb li nirriflettu għaliex ngħidu ċertu affarijiet jew kif inġibu ruħna quddiem ċerti valuri jew sitwazzjonijiet.
“Ir-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani.” (Ġw 6, 39)
Hawnhekk Ġesú qed jurina kemm aħna mportanti għalih bħala bnedmin li aħna xbiha ta’ Alla. Issemmew waqt il-laqgħa parabboli bħal tan-nagħga l-mitlufa u tal-Iben il-Ħali fejn naraw kemm huma mportanti l-persuni għal Ġesú. Il-persuni li għal Ġesú huma mportanti mhumiex biss il-ġusti u dawk ta’ subgħajhom dritt imma wkoll il-midimba.
Ġie moqri wkoll l-ewwel Qari fejn insibu l-faraġ fil-Mulej li huwa d-Difensur tagħna: “Jien naf li d-difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum. U wara li jintemm ġildi, mingħajr laħmi nara ‘l Alla. Lilu narah b’ħabib tiegħi.”(Ġob 19, 25-26)
Il-laqgħa intemmet bil-Qari ta’ Salm 22 fejn insibu l-istqarrija li “l-Mulej huwa r-Ragħaj u s-Salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’? Il-Mulej hu l-kenn tiegħi, quddiem min għandi nitwerwer?”(Salm 26, 1)
Fil-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej nsibu mistoqsija: “Mgħallem liema huwa l-kmandament il-kbir fil-Liġi?” Aħna forsi nistaqsu, għaliex saret lil Ġesu? Hekk beda Fr Charles il-laqgħa ta’ Prayer Cafe fl-24 t’Ottubru. Huwa kompla billi qal li din il-mistoqsija mill-ewwel iġibilna f’moħħna l-għaxar kmandamenti. Hawn stedinna biex nirriflettu naħsbux li hemm xi kmandament li hu aktar importanti mill-oħrajn? Ħafna drabi, tenna Fr Charles Fenech, fil-mentalita tagħna nħossu li l-aktar wieħed importanti hu dak fuq is-sesswalità. Dan huwa żbaljat . Huma kollha mportanti ndaqs.
Filwaqt li fil-ġurnata tal-llum qegħdin nitkellmu dwar għaxar kmandamenti; fi żmien Ġesu kien hemm 613-il wieħed xi jħarsu. Ħafna minnhom kienu rqaqat tal-liġi li ridt tkun taf fid-dettal. Ġesu u d-dixxipli tiegħu kienu jiġu kritikati ħafna drabi għaliex ma kienux josservaw l-irqaqat kollha tal-liġi; bħal per eżempju ma kienux iħallsu t-taxxa tan-naniegħ jew għaliex ma kienux jaħslu jdejhom qabel l-ikel. U Ġesu kien jeħodha kontra l-ipokrezija tal-kittieba u tal-Fariżej li għalkemm kienu jsegwu l-liġijiet sa l-iċken dettal, ma kienux isegwu l-akbar liġi dik li trid “Tħobb lil Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu”. Dawn is-613 il-kmandament kollha Ġesu ġabarhom fi tnejn.
B’dawn iż-żewġ sisien irridu niffurmaw il-mixja ta’ ħajjitna. Irridu noqogħdu attenti li l-ħajja tagħna ma tkunx ħajja ta’ devozzjonijiet biss imma trid tkun ħajja ta’ għixien tal-fidi. Din hi waħda mill-akbar kritika li rridu nagħmlu fuqna nfusna bħala Maltin. Aħna poplu li fil-fond ta’ qalbna kulħadd iħobb il-knisja. Pero aħna nies ta’ devożżjonaliżmu kbir JEW nies ta’ fidi kbira? Eżempju ta’ dan huwa li għalkemm l-attendenza tal-quddies niżlet, xorta fil-jum tad-Duluri madwar 80 fil-mija tal-Maltin għadhom jieħdu sehem; kemm fil-quddies ta’ dak inhar u kif ukoll fil-purċissjoni li ssir filgħaxija f’ħafna postijiet. DIN hi devozzjoni, spjega Fr Charles, ħaġa tajba minnha fiha pero importanti ħafna li nagħmlu distinzjoni bejn devozzjoni u fidi. Ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kas tal-fidi tagħna u mhux għal irqaqat tad-devozzjonijiet. Aħna fuq il-post tax-xogħol, id-dar, fit-triq, fis-soċjetὰ kemm tassew qegħdin nagħtu xhieda tal-fidi tagħna?
Il-Fidi tinqasam f’żewġ partijiet – Ħobb lil Alla u ħobb lil għajrek bħalek nnifsek. Hawnhekk għandna oċejan kbir u importanti li lkoll ngħumu fih u mhux naħarbu minnu, kompla Fr Charles fl-ispjega tiegħu. Dan il-vanġelu jagħmlilna sfida – Alla min hu għalina? Bih u mingħajru ngħaddu xorta? Qegħdin ngħixu verament fuq il-valuri t’Alla jew qegħdin nqablu fejn jaqblilna? Jekk niltaqgħu ma problema d-dar jew fuq ix-xogħol, kif se nsolvuha? Irridu ngħelbu l-egoiżmu tagħna biex nibdew naħsbuha bħal Alla. F’sitwazzjoni diffiċli li nsibu ruħna fiha nistaqsu “Kieku kien ALLA flokna x’kien jagħmel f’din is-sitwazzjoni?” Din l-attitudni ma tiġiex waħidha iżda tiġi bit-training – dawn il-laqgħat (Prayer Cafè) huma parti minn dan it-training. Mhix faċli li toħroġ mill-qoxra umana u tidħol fil-qoxra t’Alla. Irridu nitgħallmu naħsbu bil-loġika Divina u mhux bil-loġika umana.
San Girgor kien jgħid li aħna lanqas aħna kapaċi nikkonċentraw fuq it-talba tal-Missierna waqt quddiesa għax moħħna mxerred w iżjed w iżjed meta jkollna problema, moħħna aktar jkun mxerred għax ikun qiegħed fi stat ta’ paniku jew jibda jaħdem bl-egoiżmu tagħna li ma jħalliniex naraw. Bħal wieħed f’rabja ma jqisx dak li jgħid.
Hawn inqara l-vanġelu tat-30 Ħadd ta’ matul is-sena – mehud mill-Vanġelu ta’ San Mattew, Kapitlu 22, Versi 34 sa 40.
ĦOBB, ĦOBB, ĦOBB… jekk nagħmlu eżami tal-kuxjenza tagħna nfusna , stqarr Fr Charles, jkollna nammettu li diffiċli ngħaddu minn dan it-test. ĦOBB LIL ALLA TIEGĦEK B’QALBEK KOLLHA, B’MOĦĦOK KOLLU U B’RUĦEK KOLLHA…aħna kapaċi nqegħdu l Alla qabel uliedna?… qabel ir-raġel jew il-mara tagħna?… kemm qegħdin inħobbuH lil Alla? Kemm hu diffiċli li tħobb lil min m’aħniex naraw u lanqas immissu? Imbagħad nsibu ĦOBB LIL GĦAJREK BĦALEK NNIFSEK… Aħna lanqas lilna nfusna ma nħobbu xi kultant! Jekk inħarsu lejn il-ġenituri, bl-altruwiżmu tagħhom; dejjem ipoġġu lilhom nfushom wara uliedhom, għalkemm hu sentiment li għandu valur, fl-istess ħin huwa dnub kbir jekk ma nagħtux kas tagħna nfusna… Minn naħa l-oħra nsibu wkoll xi uħud li mbagħad jagħtu kas iżżejjed tagħhom nfushom.
Fl-aħħar mill-aħħar dan hu vanġelu qasir li pero jurina kemm aħna falliment totali fejn tidħol l-imħabba.
Hawn infetħet id-diskussjoni:
L-Imħabba sħiħa lejn Alla u lejn il-proxxmu! Imma il-proxxmu min hu?
Nħobbu lil min nsibuh simpatiku biss? U lil min nsibuh antipatiku?? Lil ta l-aħħar kif se ssir nħobbuh?
Lil min jiġġakbinak – tara lil Alla fih? Filwaqt li trid titlob għal min għamillek id-deni ma tridx tobgħod lil persuna pero tobgħod l-għaġir li wettaq kontrik. Mhix faċli li taħfer – hu proċess.
Jekk xi ħadd jgħamillek l-ħsara u jitolbok pjaċir lest li tgħinu? Hawn kien hemm min qal li pjaċir jasal li jagħmlu, imma l-istess persuna stqarret li zgur li ssibha aktar diffiċli taħfer u tħobb lil xi ħadd li, per eżempju, joqtol lil xi ħadd li hu għaziz għalik. Kif tasal li taħfer dan l-att? Hawn Fr Charles semma fatt attwali – xi erba’ snin ilu fl-Italja tan-nord – tfajla ta’ tmintax-il-sena ġiet maqtula minn sħaba stess li kienu f’setta satanika. Wara 4 snin. il-missier tal-vittma, mar iżur lil dik li qatlitlu lil bintu, biex jgħinha ġġib scholarship, biex tkun tista tkompli l-istudji tagħha minn ġewwa l-ħabs. Dan il-missier qal li wara snin ta’ talb ħass lil Ġesu sagramentat jibgħatu jagħti dinjita lil min ċaħadha lil bintu stess u b’dan l-aġir ta’ maħfra tiegħu ħass mistrieh hu stess. Dan għaliex il-maħfra ġġib fejqan.
Hawn issemma wkoll San Papa Ġwanni Pawlu II li kien ħafer u żar fil-ħabs lil Mehmet Ali Ağca li kien sparalu. Għandna nafdaw l-weġgħat tagħna lil Ispirtu s-Santu biex bil-qawwa tiegħu noħorġu minnhom. Weħidna nafġuha.
Fr Charles għalaq il-laqgħa billi tenna kemm hu importanti li nużaw l-għodda li għandna – nipparteċipaw fil-quddies biex nitqawwew fil-fidi tagħna u nagħmlu ħin għal talb personali… għax hu t-talb li jgħinek tkun dixxiplu ffurmat tajjeb. Meta tħalli ħin li fih tagħti ċans lill-Mulej jidħol fik, tara l-affarijiet minn perspettiva differenti.
Wara d-diskussjoni ntwera video ċkejken bl isem LOVE GOD, LOVE NEIGHBOUR naħseb taqblu li veru jidħol mas-suġġett tal-llum.
Photo: Manfredo Ferrari
Quote li ntużat waqt il-laqgħa kienet waħda ta’ Madre Tereza:
“Every time you smile at someone, it is an action of love, a gift to that person, a beautiful thing.”
“Kull darba li nitbissmu lil xi ħadd, nagħmlu azzjoni ta’ mħabba, nagħtu rigal, xi ħaġa mill-isbaħ”
.
L-laqgħa ngħalqet bit-talba tal-MISSIERNA u ingħatat l-barka minn Fr Charles.
Nfakkrukom li nerġgħu niltaqgħu nhar il-ġimgħa 31 t’Ottubru. Narawkom! 🙂
The Kerŷgma Movement, is once again organising the Youth of the Year Award, with the aim of promoting commitment shown by young Christian people in today’s society.
Nominations for the Award are open for young people that show a lot of christian commitment in everyday life.
You can download the Rules, Regulations and Application form, to be able to nominate any young person that you think qualifies for this prestigious award. If you wish to nominate more than one person, you can do this using separate application forms.
The applications and relevant documents for the Youth of the Year Award 2014 have to be received at the Moviment Kerŷgma offices, not later than noon on Friday the 28th of November 2014
Darba fix-xahar, il-laqgħa titmexxa minn wieħed mill-mexxejja tal-Kerŷgma – Manuel Giordmaina. Manuel mexxa l-Prayer Café f’forma ta’ Lectio Divina fejn wara li nqara l-Vanġelu, kull min kien preżenti kellu ċ-ċans li jaqra dik il-biċċa li laqtitu l-aktar. e.ż: ‘Għaliex tridu ġġarbuni…’ u ħafna oħrajn. It-tieni parti kienet fejn qabbilna s-silta tal-Vanġelu ma’ siltiet oħra fil-Bibbja. Pereżempju fl-episodju fejn Ġesù qaleb l-imwejjed meta ra li qed jsir kummerċ, kif ukoll dik il-mara li tat l-unika munita li kella. Kif ukoll ġie mqabbel mas-silta tal-Vanġelu qabel Ġesù ġie maqtul. Hawnhekk Manuel spjega l-istorja tal-Vanġelu fil-kuntest tal-istejjer li huma rrakuntati qabel u wara din is-silta fl-istess Vanġelu.
Bħala silta hi meħuda mill-Evanġelista San Mattew kapitlu 22 u hija pjuttost lejn l-aħħar. Dan għax qabel, insibu lil Ġesù nieżel mill-Galilija, min-naħa ta’ fuq tal-Palestina, fejn kien jogħqod flimkien mal-Appostli, ħdejn l-għadira tal-Galileja. Għalhekk naraw lil Ġesù niezel u dieħel Ġerusalemm. Din kienet l-aħħar darba qabel il-Passjoni. Infatti fil-Kapitlu 22, nsibu meta Ġesù daħal Ġerusalemm u laqawh b’ħafna brijju u palm, għax rawh bħala sultan. Qabel dan insibu meta Ġesù daħal fit-Tempju u ra li dawn in-nies għamluh suq. F’dawn is-siltiet, naraw li Ġesù qed imur kontra l-awtoritajiet tal-post. L-Erodjani kienu jappoġġjaw lil Erodi, li kien jmexxi l-Palestina dak iż-żmien. L-Erodjani flimkien mal-Fariżej ippruvaw jieħduha kontra Ġesù u jeħilsu minnu – joqtluh. Fil-fatt dan jidher fil-Kapitlu 21, fejn wara li qaleb l-imwejjed, bħal donnu beża u mar Betanja. Betanja tiġi faċċata ta’ Ġerusalem. Hemmhekk kienu joqogħdu Martha, Marija u Lażżru, li kienu ħbieb ta’ Ġesù u għadda l-lejl hemmhekk.
Għalhekk dan il-Vanġelu tat-taxxa, kif wieħed jista’ jsejjaħlu, qiegħed eżatt meta Ġesù ġie Ġerusalemm, u jaf li daħal fil-bejta tas-sriep fejn kulħadd kien lest għalih. Allura, meta Ġesù kellimhom fuq it-taxxa kien qed joqroshom fil-laħam il-ħaj. Ġesù ma ddejjaqx juri li hu qed jeħodha kontra min qed imexxi, minħabba taxxi żejda u ċanfar ukoll lill-Fariżej li kienu jippretendu li jafu l-liġi kollha u jgħallmu n-nies.
Wara din l-ispjegazzjoni, komplejna nitkellmu bejnietna billi nsemmu xi vers u ngħidu kif laqatna. Kien hemm min qal li meta l-Kelma t’Alla indawruha kif jaqbel lilna, inkunu qed nagħmlu bħall-Fariżej, nitradixxu lil Alla. Uħud qalu wkoll li dawn kellom lil Ġesù magħhom imma kienu wisq aljenati fuq il-flus biex jagħrfuh. L-istess meta aħna ninsew li rridu ngħixu l-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija.
Dan huwa l-Iskop tal-Vanġelu… li ngħixu l-kelma t’Alla. Ma nagħzlux li nagħmlu biss dak li jaqbel lilna u fejn ma jaqbilx lilna nwarbuha. Ħafna qalu li hi diffiċli li nħarsu . Iżda aħna jridu ngħixu bil-fidi. Kull problema rridu narawha bħala sagrifiċċju biex nippurifikaw ruħna. U ngħixu bil-fidi.
Fr. Charles beda l-laqgħa ta’ Prayer Café l-bieraħ billi saħaq kemm hu importanti li aħna nħallu lil Mulej jismagħna bis-serjetà u kemm huwa importanti li aħna nħallu spazju li fih nisimgħu l-Mulej. Din mhijiex xi ħaġa faċli fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Il-Mulej, kif jgħidilna l-profeta Elija jista’ jkellimna kemm f’żiffa ħelwa u kif ukoll f’riefnu qawwi. Il-mod kif se nikkomunikaw miegħu rridu nsibuh aħna – kulħadd bil-mod tiegħu.
Wara li nqara l-Vanġelu ta’ nhar il-Ħadd mill-Evanġelju skont San Mattew 22:1-4, Fr. Charles spjega li din il-parabola tal-festa tat-tieġ hija s-sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmel lil kull wieħed u waħda minna kuljum, stedina mhux biss biex nipparteċipaw fl-Ewkaristija ta’ kuljum iżda lkoll rridu naslu li nifhmu tassew il-Mulej xi jrid minna. Irridu nitgħallmu lkoll nintelqu f’idejH. Ma rridux nħallu li r-rabja, l-għejja u affarijiet oħra li niltaqgħu magħhom kuljum iħarbtuna milli nindunaw li l-Mulej qiegħed ikellimna, kultant anke b’xi disgrazzja li ngħaddu minna.
Kultant, kompla Fr. Charles, affarijiet li drajnihom jew aħjar għax is-suq bellagħhomna, isiru l-Vanġelu u l-Vanġelu ma jibqax Vanġelu. Li jgħidilna Ġesù nġebbduh minn hawn u minn hemm biex naċċettaw biss dak li jogħġobna imma mbagħad nibilgħu kull lixka li joffrielna l-kummerċ u l-media. Eżempju ta’ dan hija l-festa tal-Halloween – festa pagana li s-suq seraq l-imħuħ u r-raġunament biha. Hija festa li bħala nsara m’għandniex niċċelebrawha.
Biex nħossuna intimi mal-Mulej irridu nħallu ħin għaliH. Hawn Fr. Charles semma rakkont ta’ kif wieħed ma baqax imur quddies. Dan darba l-Ħadd qam bla aptit li jmur u ma marx, il-Ħadd ta’ wara l-istess u minn hemm baqa’ dejjem jitraskura aktar, sakemm wasal li ma baqax iħoss intimita mal-Mulej u minn hemm sar qisu xejn m’hu xejn. Irridu nagħmlu ħin għal Mulej.. u għalhekk dawn il-laqgħat huma importanti – importanti li flimkien inħossuna dixxipli ta’ Ġesù. Madre Tereza kienet tgħid tipprovax tkun Madre Tereza, kun dixxiplu tal-Mulej int fejn int – DIK hi l-għalqa tad-dixxipulat tiegħek. Irridu nwasslu l-Kelma ta’ Ġesù lill-familja tagħna, lil dawk li niltaqgħu magħhom kuljum. Biex nitqawwew irridu ninżabru ta’ spiss billi nużaw is-sagrament tal-qrar. Bħala poplu Malti ħadd ma jgħaddina fil-karità li nagħtu. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, waqt quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa għall-missjunarji Maltin u l-ġenituri tagħhom kien qal li aħna l-Maltin poplu żgħir b’qalb kbira.
[pullquoteright] “Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-vanġelu.” Papa Franġisku[/pullquoteright]Frażi li tgħoġob lil Fr. Charles hi: Aħna lkoll sptar tal-midinbin. Kulħadd irid jirranġa xi ħaġa. Anke fil-knisja tagħna, fil-komunitajiet tat-talb, irridu nirranġaw l-attitudni tagħna. Irridu nnaqsu t-tqasqis, kif iwissi ta’ spiss il-Papa Franġisku. Irridu nitgħallmu nkunu ta’ appoġġ fil-Knisja tagħna ma xulxin. Ommijiet jappoġġjaw ommijiet oħra, lajċi jappoġġjaw saċerdoti, studenti lil studenti, studenti lill-għalliema..nkunu ta’ solidarjeta lejn xulxin. Bħala nsara għandna rwol importanti li ngħinu lil xulxin. Irridu nitgħallmu ngħinu lil kulħadd mhux nagħżlu lil min narawh simpatiku jew lil min nafu li għada se jgħin lilna. Dan il-Vanġelu, fakkarna Fr. Charles, huwa stedina GĦALINA LKOLL LLUM int min int – int fejn int.
Importanti li nkunu dixxipli għax irridu – immorru l-quddies biex nipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Ma rridux inkunu bħall-mistieden li għalkemm mar għal festa tat-tieġ, ma libisx il-libsa tat-tieġ! Dan jista’ jiġri lilna wkoll meta mmorru l-quddies bla ħeġġa – biex inneħħu l-obbligu. Ir-reliġjon trid tkun xi ħaġa minn ġewwa. Noqogħdu attenti għax “ĦAFNA HUMA L-IMSEJĦIN, IMMA FTIT IL-MAGĦŻULIN” !!
Wara nfetħet id-diskussjoni fejn ġew diskussi l-mistoqsijiet –
Kemm il-stedina rrifjutajna minn Ġesu?
F’ħajjitna nsibuha ta’ dwejjaq li rridu naraw x’irid minna Ġesù KONTINWAMENT?
“Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-vanġelu. “
Il-laqgħa ngħalqet bit-talba tal-Missierna.
NĦEĠĠEĠ LILEK LI QIEGĦED TAQRA DAN IL-BLOG TINGĦAQAD MAGĦNA NHAR IL-ĠIMGĦA FIS 7 TA’ FILGĦAXIJA ĦALLI TAQSAM DIN L-ESPERJENZA TA’ FERĦ MAGĦNA. Narawk : )
F’din it-tielet laqgħa, Fr Charles beda biex qal x’valur għandu li wieħed jirrifletti l-Vanġelu. Huwa qal li wieħed dejjem ikollu linja ta’ direzzjoni li m’intix tipproponija int imma qed jagħtihielek Ġesù. Kompla biex jgħid li f’Malta biss, jintbgħatu mat-tliet miljun SMS kuljum! Uħud li jkunu importanti, uħud inutli jew tal-vizzju iżda xi kultant nitilfu l-messaġġ l-iktar importanti tal-ġurnata li huwa dak li jgħidilna Ġesù. Forsi xi drabi insibuha diffiċli minn fejn wieħed għandu jibda. Fr Charles issuġġerixxa li wieħed jista’ jibda mill-Vanġelu tal-ġurnata, li tista’ ssejjaħlu l-SMS li Ġesù jibgħatilna kuljum biex ninbidlu u niġġeddu. Jekk aħna nagħmlu ftit riflessjoni kuljum fuq il-Vanġelu tal-ġurnata jkun diġà progress f’ħajjitna, għalkemm mhux dejjem huwa faċli biex tifhmu jew tinterpretah. Nhar ta’ Ħadd, li huwa Jum il-Mulej, Ġesù jagħtina messaġġ qawwi għal matul il-ġimgħa. Il-laqgħat tal-Prayer Cafè isiru biex naqsmu esperjenzi ħajja tal-Fidi tagħna u biex dak li nitgħallmu ngħadduh lil oħrajn.
Wara li nqara l-Evanġelju skont San Mattew (21: 33-43) Fr Charles qal li l-għalqa tad-dwieli kienet xi ħaġa komuni ħafna għall-poplu ta’ Iżrael u fil-fatt dan it-terminu jintuża mill-profeti u mill-kittieba tal-Iskrittura tal-Kotba Sagri u fl-Evanġelji, mija u għoxrin darba. L-għalqa tad-dwieli tirreferi għall-poplu Lhudi, li Alla tant ħabb u għożż, li ħejjilhom kollox biex jagħmlu frott u frott bil-kotra: “l-għalqa għażaqha, naddafha miż-żrar u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar, bena torri f’nofsa u ħaffer magħsar fiha”. Dan nistgħu nqabbluh mal-ħajja tagħna ta’ kuljum fejn il-Mulej tagħna kollox biex nkunu nistgħu nikbru fl-imħabba lejH u għalhekk jistenna l-frott minna. Dan ifisser li Alla jistenna li twettaq il-proġett Tiegħu f’ħajtek: inti x’inti, importanti li twettaq ir-rieda t’Alla f’ħajtek. Alla qed jagħtina kull għajnuna biex inwettqu dan għalkemm xi kultant ikun hawn min jiddubita minn din l-għajnuna u jaħseb li Alla nesih.
Id-dwieli ma jiswew għal xejn ħlief għall-frott li jagħtu. L-injam u l-friegħi tad-dwieli huma tajbin biss għal ħruq jekk ma jagħmlux frott u għalhekk dielja mingħajr frott hi bla sens. Hekk hi bla sens il-ħajja tagħna jekk ma naħdmux għal Alla. Ma jfissirx li noqgħodu l-ħin kollu bil-Bibbja f’idejna għax anke x-xogħol li nagħmlu hu tajjeb daqs il-Bibbja. L-importanti kif nagħmlu dan ix-xogħol: mhux moħħna kif nilħqu salib in-nies imma biex ngħinuhom jerfgħu s-salib.
Fr Charles qal li importanti li nagħtu każ tal-profeti li l-Mulej jibgħatilna. L-aħħar profeta fl-Antik Testment kien San Ġwann il-Battista li qatgħulu rasu għax kixef il-maskri: l-ipokresija tas-soċjetà. Fl-1992 f’Palermo, Don Pino Puglisi, illum Beatu, kien maqtul mill-mafja għax kien jiġbor it-tfal biex jedukhom u jurihom x’inhuma l-valuri. Huwa baqa’ jippersisti avolja kienu jagħmlulu minn kollox biex ma jkomplix. L-istess aħna għandna nippersistu meta nkunu qed inwettqu xi proġett għal Alla, minkejja li nħossu lil Satana qed jipprova jkissirna, m’għandnix nċedu u nitkaxkru mall-kurrent. Kultant aħna stess nistgħu nkunu l-profeti per eżempju fuq il-post tax-xogħol. Aħna għandna nkunu l-ġebla tax-xewka, dik il-ġebla li torbot il-bini kollu flimkien. Nagħtu eżempju b’dak li ngħidu u b’dak li nagħmlu.
Imbagħad infetħet id-diskussjoni fuq dawn il-mistoqsijiet:
Qatt ħsibna li aħna wkoll dwieli fl-għalqa tal-Mulej?
Bħala parti mid-dwieli ta’ Kristu, fil-komunità u fil-Knisja, x’tip ta’ frott qegħdin nagħtu?
Qegħdin inħeġġu nies ġodda isiru parti mill-komunità tagħna?
Kemm vokazzjonijiet ġodda nibtu f’dawn l-aħħar għoxrin sena?
Aħna dwieli fl-għalqa tal-Mulej?
Minn fost in-nies li kien preżenti issemmew dawn il-punti:
Li aħna qegħdin fl-għalqa tal-Mulej bil-ferħ imma fiha x-xewk ukoll
Aħna mimlijin bi problemi u inkwiet f’ħajjitna, iżda meta niffaċjawhom bil-għajnuna tal-Mulej, il-problemi jieħdu xgħira differenti
Intqal li kif qed itenni Papa Franġisku, il-problemi ta’ madwarna speċjalment dawk tal-familja, jintgħelbu biss bit-talb u s sagrifiċċju.
Kemm hu importanti li jekk fil-ħajja hemm xi ħaġa importanti li rridu naslu għaliha hija biss bit-talb u s-sawm.
Kemm hu importanti li nfittxu lil xulxin għat-talb.
Kemm hu importanti li qatt ma ninqatgħu minn mad-dielja.
Kemm hija importanti r-responsabbiltà tal-ġenituri biex fil-familja jitolbu flimkien.
Il-laqgħa li jmiss issir nhar il-ġimgħa 10 t’Ottubru 2014. Narawkom hemm.
Hekk irrefera Fr. Charles għall-Qari mil-Evanġelju skont San Mattew (21: 28-32) tal-Ħadd li ġej, fejn kompla jgħid li l-evanġelju jidher sempliċi u għandu qawwa kbira tal-għażliet li nagħmlu aħna ta kuljum fil-ħajja tagħna.
Ejjew nagħtu ħarsa x’joħroġ minn dan l-Evanġelju kif spejgah Fr Charles….Evanġelju li juri
Il-Fidi tagħna tal-aptit…..
Ir-Reliġjon tagħna ngħixuha bl-iskossi….
Ma nafux ngħidu iva sew lil Alla…
Toħroġ ukoll id-dgħjufija tal-bniedem fejn ma jafx jgħid iva lil Alla…
Kif ukoll il-kalkoli li nagħmlu m’Alla… dak li sa nigwadanja.
U fuq kollox..fejn jidħol Ġesu’; jidħol l-aptit.
Dawn huma għażliet li jbegħduna minn dak li jrid Alla minna, għażliet fejn aħna nfluwenżati minn dak li qed jiġri madwarna. Fejn jiena nagħmel dak li jgħidu n-nies u dak li jagħmlu n-nies. Fejn l-uniku messaġ li jagħtini Ġesu’ ma nisimgħux. Allura importanti li nagħmlu għażliet tajba. Imma….
Minn fejn ninduna li Alla jrid xi’ħaġa minni?
Fost in-nies li kienu preżenti, semmgħu; Kuxjenza, xogħol, mit-talb, decizjonijiet u ċirkonstanzi.
Kif jħobb jagħmel Fr Charles, jagħti eżempji konkreti li għadda minnhom hu stess, hu wera kif meta tagħmel vista f’Santwarju, ( u dan jista’ jkun f’Malta ukoll) il-Madonna u Ġesu’ jkelmuna. Fr Charles irrakonta kif meta kien pellegrinagg f’San Giovanni Rotondo, kien qed jaqsam it-triq f’xita qawwija niezla faċċata tiegħu, u minn warajh jiġi wieħed u jwaqqfu, jsaqsih jekk jistax iqerr għax kien għadu kemm wasal u sabhom magħluqin. Għall-ewwel ħaseb ħażin fih, imma x’ ħaġa qaltlu ‘qerru issa’ u f’dik ix-xita qawwija taħt umbrella, Fr Charles ħass li hu għandu jkun dispost kullimkien u kull ħin. Ġesu’ ma jtikx messaġġ fl’ajru imma messaġġ li jolqtok.
Għalhekk aħna irridu nkunu disposti għall-Ġesu’ u mhux bħal dawn iż-żewġ aħwa fejn wieħed qallu le umbagħad obda u l-ieħor qallu le u ma marx. Aħna jridu ngħidu IVA mill-ewwel lil Ġesu’. Pero’ biex naslu għal-dan, irridu noqodu attenti li ma nkunux ipokriti.
“Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.”
Ġesu’ jgħidilna f’dan l-Evanġelju li minkejja id-devozzjoni tagħna, xorta nistgħu ma nidħlux fis-saltna t’Alla. “Għaliex? Għax huwa faċli mal-Mulej ngħixu ħajja ipokrita, per eżempju, tista tkun bniedma li tħaffer l-għatba tal-knisja u tkun ipokrita wkoll. Fejn il-messaġġ ta’ Ġesu’ mintix twetqu u tagħzel biss il-klikka tiegħek biex issiru qaddisin flimkien.” U din kienet is-sistema legalizzata tal-Farizej. Għax Ġesu’ kien qed jikxef l-ipokrezija tagħhom u għalhekk riedu joqtluh. Dan narawh ċar f’dan l-Evanġelju. Fejn Ġesu’ qed jgħidilna, ‘oqgħodu attenti x’tip ta ħajja qed tgħixu għax ma tidħlux fis-saltna t’Alla.’
Kemm qed nressqu nies lejn Ġesu’? Kemm qed ngħinu lil xulxin? Fr Charles għamilha ċara li tgħin mhux bil-paroli u bil-jaħasra imma bil-fatti, billi xxammar il-kmiem u taħdem fl-għalqa tal-Mulej.
Qiegħdin ngħixu fs-soċjeta’ avvanzata fil-kommunikazzjoni, iżda minn naħa l-oħra naraw soċjeta’ avanzata fil-qtugħ tal-kommunikazzjoni. Tfal u adulti mitlufin fuq l-I.T.. I.T l-iskola bix-nitgħalmu, I.T. wara l-iskola, nirċievu notes bl-email u nagħmlu x-xogħol tal-iskola fuq il-kompjuter. Imma l-kommunikazzjoni qed tonqos. Anki fuq il-postijiet tad-divertiment, in-nies naqsu. Aħna rridu naħdmu fl-għalqa tal-Mulej. Għandna bżonn nikkomunikaw sew ma xulxin, ngħinu lil xulxin nisimgħu lil xulxin.
Fr Charles fetaħ id-diskussjoni fejn il-mistoqsija kienet:
Fejn hi l-għalqa tal-Mulej tiegħek?
Hawnhekk infetħet id-diskussjoni man-nies preżenti fejn kien hemm min qasam il-ħsibijiet u l-esperjenzi tiegħu ma’ dawk preżenti.
Il-laqgħa li jmiss issir nhar il-Ġimgħa. Narawkom hemm!
L-Ewwel laqgħa Prayer Cafe għal din is-sena bdiet b’merħba lil dawk prezenti minn membru tal-moviment lajku Kerygma. Wara li nqara l-vanġelu tal-Ħadd li ġej, mehud mill-evanġelu skont San Mattew 20:1-16 saru riflessjonijiet fuqu minn Fr. Charles Fenech O.P. direttur tal-Moviment Kerygma.
Fr. Charles beda l-laqgħa billi semma li dawn il-laqgħat huma mħejjija biex jgħinuna nagħmlu sens fil-ħajja tagħna, billi nagħtu spazju għal Ġesu f’ħajjitna. Dan nagħmluh meta nimxu u nxandru miegħu l-Kelma t-Tajba. M’aħniex qaddisin pero rridu nsiru qaddisin billi nħarsu lejn is-sema. Il-vanġelu ta’ kuljum għandu jkun l-SMS li nibdew il-ġurnata bih. Nħallu lill-Mulej ikellimna bil-qawwa kollha tiegħu.
Il-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd mhuwiex faċli tenna Fr Charles, jekk naħsbu bil-loġika umana naqblu li l-ħaddiema f’din il-parabola kellhom raġun igergru. Kif nistgħu nifhmu li wieħed li jaħdem l-aħħar ftit siegħat tal-ġurnata jaqla’ l-istess ammont ta’ dak li ilu jishar minn bikkri filgħodu! Din il-parabola rridu neħduha qisha spirtu tal-melħ li jqaxxrek, irridu nixtarru l-Kelma ta’ Ġesu biex naslu naħsbu bħalu. F’kelma waħda “..irridu nagħtu lil ta’ Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu t’Alla.”F’dan il-vanġelu Ġesu ta d-dinjita lill-ħaddiema. Bniedem mingħajr xogħol huwa bniedem mingħajr dinjita. Fl-istorja tal-vanġelu s-sid mexa b’ġustizzja ma kulħadd, ftiehem l-istess prezz ma kulħadd – l-interess tiegħu kien li kulħadd jaqla’ xi ħaġa , ma jisfruttahomx. Il-ħaddiema pprotestaw mhux għax ma ħadux li ħaqqhom iżda għax kienu moħħhom fuq l-oħrajn. Joħroġ hawn l-egoiżmu u n-nuqqas ta’ solidarjeta li teżisti bejn il-ħaddiema sal-ġurnata tal-llum. Aħna wkoll nagħmluh dan meta noqgħodu nqabblu s-sitwazzjoni tagħna ma ta’ ħaddieħor..imma Mulej għaliex jien!
Kapaċi nintelqu f’idejn il-Mulej? “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni….”u hawn għandna l-għażla skont kelmtek jew skont kelmti!!! Huwa hawn li ħafna minna neħlu, kompla Fr Charles. Irridu nitgħallmu nintelqu f’idejn il-Mulej u nħalluh jaħdem fina. Għandna ħabta ta’ bnedmin li aħna niggranfaw ma oġġetti jew persuni u naħsbu li se nġorru kollox magħna la nitilqu minn din il-ħajja. Kemm aħna ppreparati għall-aħħar vjaġġ tagħna. Jew baqalna x’nirranġaw? JEW se nibqgħu nħarsu lejn ħaddieħor u ma niċċaqalqux. “Għax kieku kont Madre Teresa kont…”; le l-Mulej qiegħed isejjaħ lilek hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek… mara tad-dar… ħaddiem… biex tgħaddi l-KELMA TAL-MULEJ lil dawk ta’ madwarek. Fil-vanġelu hemm msemmi kif diversi nisa kienu jgħinu lil Ġesu fil-missjoni tiegħu. Mela toqgħodux tgħidu għax aħna nisa tad-dar m’aħniex kapaċi. Kapaċi tgħaddu kelma tajba f’ħanut, f’supermarket postijiet li Saċerdot ma jistax jilħaq, kompla Fr Charles. Irid ikollna l-guts li ngħidu kelma ta’ ġid.. ta’ inkoraġġiment..inkunu fejn inkunu. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu u nirraġunaw: ħaddieħor x’kien jagħmel kieku kien flokna?; iżda rridu nintelqu f’idejn il-Mulej u naraw AĦNA x’nistgħu nagħmlu.
Fl-intervent tiegħu Fr Charles għamel referenza għal l-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Isaija ta’ nhar il-Ħadd li ġej “ Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh , sejħulu sakemm hu fil-qrib!” Mela rridu nfittxuh il-ħin kollu, mhux b’quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd nħossu li neħħejna l-obbligu ta’ nisrana li aħna. Kemm nagħtuh ħin lil Mulej? Ngħidu xi talb qabel nidħlu fis-sodda? Daħħalna t-talba tar-Ruzarju f’ħajjitna? Meta mmorru l-quddies nipparteċipaw fiha?.. nħallu l-Kelma t’Alla tidħol fina qisha xabla li taqta’ b’żewġ tixfar? Il-Mulej ma nsibuhx meta aħna nibirdu minnu. Fl-Ewkaristija l-Mulej idewwaqna ftit balzmu, speċjalment meta nirċievuha bis-serjeta ..nħossuna ftit bħalma ħassu Pietru fuq il-muntanja f’Tabor. Wara l-esperjenza li kellhom id-dixxipli ta’ Ġesu fid-dehra divina tiegħu ma ħallihomx hemm fil-kuntentizza tagħhom iżda qalilhom “Ejjew ninżlu” ħa jkomplu l-ħidma tagħhom. U hekk aħna rridu nintelqu f’idejn il-Mulej. JEKK il-Mulej magħna min hu kontra tagħna?
.
Waqt id-diskussjoni fost punti oħrajn, sar referenza mid-diskors tal-Papa Franġisku mid-Dar Santa Margerita fit-23 ta’ Jannar. Hu kien qal “ L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelosija, l-għira u t-tqasqis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-kommunitajiet tagħna.” M’għandniex noqgħodu nħarsu x’għandu ħaddieħor, l-għira ġejja mix-xitan. L-għerq ta’ kull dnub huwa l-biżgħa li nħossu fil-fond ta’ qalbna li m’aħna xejn.
Fr Charles għalaq il-laqgħa bil-ħsieb li aħna rridu nidraw nħarsu bin-nuċċali tal-Mulej u naraw bil-viżjoni tiegħu. Irridu naraw lil Alla fil-persuna l-oħra. Irridu nifhmu sew il-kliem li ngħidu fil-Missierna “ Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” F’din il-parabola nsibu l-ġustizzja, l-maħfra u l-ħlas mistħoqq. Alla tagħna hu Alla ġust. Aħna rridu nqabdu n-nar f’dawk ta’ madwarna u nwasslu l-Kelma t’Alla.
Nixtiequ nistednukom flimkien għall-mixja mall-Mulej kull nhar ta’ Ġimgħa minn nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru 2014. Mixja mall-Mulej biex nikbru aktar fit-tagħlim iżda jkollna ċ-ċans li naqsmu esperjenza ħajja tal-fidi tagħna flimkien.
Il-laqgħat isiru fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma fis-7.00 pm fil-kunvent tad-Dumnikani r-Rabat. Fis-6.30 pm ikun hemm quddiesa fil-knisja mmexxija minn Fr. Charles Fenech OP.
Ikun hemm laqgħat għal-:
ADULTI PRAYER CAFE laqgħat immexxija minn Fr. Charles Fenech OP
ADOLEXXENTI TEENS FOR JESUS immexxija minn Sarah Barbara
TFAL KIDS FOR JESUS immexxija minn Joanna Giordmiana u Katia Camilleri.
Kulħadd jista jattendi u jiltaqa b’mod personali ma’ Ġesù. Ejja Bħala familja u tara l-bidla liseħħ fik.
Għalhekk żomm dan l-appuntament mal-Mulej, kull nhar ta’ Gimgħa fis-7.00pm fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma.
Il-Midalja Mirakoluża huwa ktieb ġdid mill-pinna ta’ Fr. Charles Fenech u ppublikat mill-Moviment Kerŷgma. Dan huwa ktieb li permezz tiegħu tista’ titlob kuljum mal-Madonna u l-midalja li tatna hi. Dan il-ktieb fih tagħrif, talb u meditazzjoni biex tkun tista’ titlob kuljum għal xahar sħiħ u permezz tiegħu tista’ tagħraf il-protezzjoni tal-Madonna fuqna lkoll. Il-ktieb “il-Midalja Mirakoluża” fih 124 paġna, hardbound, b’marker kulurit u huwa tajjeb għall-familja kollha u kulħadd jista’ jużah għall-meditazzjoni personali.
Dan il-ktieb jista’ jinxtara għal-prezz ta €8 u jista’ jinkiseb mill-uffiċċju tal-Moviment Kerygma r-Rabat, mill-uffiċċju ta’ Radju Marija f’Malta u f’Għawdex, mill-Catholic bookshop fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, mil-librerija ĊAK Birkirkara, mil-librerija Preca l-Blata l-bajda, kif ukoll minn St. Catherine’s home Birkirkara. Tista’ tordnah online billi tibgħat e-mail fuq: info@kerygma.org.mt.