sena-a

OBDEW! – Ir-4 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 22 ta’ Diċembru 2019

December 6, 2019

Ir–4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA U ĠUŻEPPI:  OBDEW

Isaija 7:10-14, Salm 23; Rumani 1,1-7; Mattew 1,18-24

Il-Vanġelu: It-twelid ta’ Ġesù Kristu

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.  Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu.  Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: 

‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’,

Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.  Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Ħsieb

Alla magħna
Ir-riflessjoni tagħna fuq Ġużeppi u Marija m’għandhiex tkun biss dik ta’ personaġġi importanti fil-ġrajja ta’ Betlem, iżda rridu nħarsu lejhom bħala nies li, minkejja li tħawdu quddiem il-proposta ta’ Alla, ħadu r-risku u qalu iva.  Iva li għexuha kull ħin…. F’dan id-dawl irridu nagħmlu riflessjoni personali tagħna f’dan ir-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent.  Il-Milied wasal u jintemm jekk fil-fond ta’ qalbna ma nagħmlux is-Sejba ta’ Ħajjitna – dik li niskopru x’inhi r-rieda t’Alla. Skoperta li trid tagħmel minna appostli ħajjin ta’ din il-bxara t-tajba.

Il-Kelma

It-twelid minn xebba, ta’ iben min-nisel ta’ David, li se jkun GħimmanuEl, li tfisser Alla magħna, insibuh fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  U għalhekk għandna nilqgħu lill-Mulej kif itenni s-Salm 23 -“Ħa jidħol il-Mulej;  Hu s-Sultan tal-Glorja”. kif insibu wkoll fil-bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna ġabra tat-tagħlim ta’ l-Insara ta’ l-ewwel żminijiet, fejn il-Vanġelu huwa t-twettiq tar-rabta l-Qadima.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu lil Marija, l-Għarusa ta’ Ġużeppi Bin David, li twelled lil Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Ġużeppi u Marija obdew ir-rieda ta’ Alla.  Kemm tassew qed nagħmlu hekk aħna?
  2. Għimmanu-El – Alla magħna.  Temmen inti dan?
  3. Alla jwettaq dak li wiegħed permezz tat-twelid ta’ Ibnu.  Kemm tħossok li inti tifforma parti ħajja mill-pjan tas-Salvazzjoni?
  4. Ma nibżgħux mill-mumenti iebsa.  Qabel qalu IVA, Marija u Ġużeppi kienu mħawda.
.
Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għallimni nirbaħ il-biża’ u ngħidlek IVA kuljum.

 

read more

IL-BXARA T-TAJBA WASLET – It-3 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 15 ta’ Diċembru 2019

December 6, 2019

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BXARA T-TAJBA WASLET

Isaija 35:1-6a,10; Salm 145; Ġakbu 5:7-10, Mattew 11:2-11

 Il-Vanġelu

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub:

‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

 Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

 Il-Ħsieb

Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!
Iva.  Il-Bxara t-Tajba waslet u qed titħabbar lil kulħadd, anki lilek u lili.  Il-Mulej ġie b’mod speċjali għal dawk li għandhom bżonnu.  Huwa għal dan il-għan li din il-preparazzjoni ta’ l-Avvent irridu neħduha bis-serjetaÏ.  L-isfortuna tagħna tista’ tkun li jgħaddi dan il-mument u nibqgħu fejn aħna.  Biex naslu għall-bxara t-tajba rridu ngħaddu mid-deżert, anki jekk neħduha kontra l-kurrenti li jdawruna.  Huwa għalhekk li rridu ntennu kull ħin il-frażi tas-Salmista:  “Ejja Mulej ħa ssalvana”.

Il-Kelma

Il-ferħ tal-ħelsien mill-jasar tad-deżert hija t-tema ċentrali ta’ l-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tal-Profeta Isaija.  Huwa l-ħelsien li se jikseb għalina l-Messija, f’dan il-Milied.  Il-Messija se jfejjaqna mill-ħażen tal-ħajja: huwa għalhekk f’waqtu li fis-Salm Responsorjali ntennu EJJA MULEJ  ĦA SSALVANA.  Salvazzjoni li se tiġi b’mod speċjali għall-foqra kif itenni San Ġakbu fit-Tieni Qari tal-lum filwaqt li San Mattew fil-Vanġelu jsemmi, kemm ix-xogħol tal-Mulej fit-tħabbira t-tajba kif  ukoll il-ħidma ta’ preparazzjoni li wettaq Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja

1.  Dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ ferħ:  kelma ta’ kuraġġ għax l-AĦBAR IT-TAJBA hi fil-qrib.

2.  Għax ħabbar din il-Bxara t-Tajba Ġwanni l-Battista qafluh fil-ħabs. Lilek għandhom ċans jaqfluk għax ixxandar il-Bxara t-Tajba?

3.  Kemm tassew nifhmu li l-Milied hija l-festa tal-fqir u l-batut?  Kemm se tgħin f’dawn il-ġranet lil min hu fil-bżonn?

4.  Kemm tassew qed tnaddaf qalbek f’dawn il-ġranet u mhux timliha bi proposti ta’ rigali u xalar bla rażan?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

Grazzi tal-ferħ li trid tiżra’ ġo qalbi

Agħmel li nkun xandár ta’ din l-AĦBAR IT-TAJBA b’għemili.

 

read more

IDDRITTAW – It-2 Ħadd tal-Avvent – Sena A – 8 ta’ Diċembru 2019

November 20, 2019

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IDDRITTAW

Isaija 11:1-10; Salm 71; Rumani 15:4-9; Mattew 3:1-12

Il-Vanġelu

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’.  Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.  Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.  Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.

Il-Ħsieb

Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu
It-tħejjija tagħna fl-Avvent hija maqsuma bejn ċerta ħeġġa għal bidla interna u l-orġja ta’ kummerċ li għaddejjin minnha fl-istennija tal-Milied b’elf proposta għal elf rigal.  Huwa għalhekk leħen qawwi dak li nisimgħu lil Ġwanni l-Battista jtenni llum:

“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej.  U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija.  Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna?  Jew  għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi?  X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?

Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi Ġwanni l-Battista.”

Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali.  Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija 11:1-10 u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71:  “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.”  Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara.  Huwa għalhekk li San Pawl jikteb fis-silta tal-lum mill-Ittra lir-Rumani li l-Messija m’hu monopolju ta’ ħadd.  Dan ir-radikaliżmu tat-tħabbira u l-istennija jidher fil-figura u l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista fil-Vanġelu ta’ San Mattew.  Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija.

Michelangelo Merisi da Caravaggio – St. John the Baptist

Il-Ħajja

  1. Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna:  IRRIDU NINBIDLU?
  2. X’ser tagħti biex tinbidel?
  3. Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert.  Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.
  4. Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.
  5. Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.

read more

INQUMU FL-ISTENNIJA – L-1 Ħadd tal-Avvent Sena A – 1 ta’ Diċembru 2019

November 19, 2019

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

INQUMU FL-ISTENNIJA

Isaija 2,1-5; Salm 121; Rumani 13,11-14; Mattew 24, 37-44

Il-Vanġelu

     Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-Bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu  l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom
     Bħala nsara huma ferm importanti l-mumenti li nqumu ftit mir-rutina li ħafna drabi nkunu waqajna fiha.  L-Avvent huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan fl-istennija tat-twelid ta’ Ġesù, twelid li d-dinja tal-kummerċ illum għamlet minnu karikatura.  L-Avvent huwa kemm memorja kif ukoll profezija.  Ma rridux inħarsu biss lejn il-passat tal-ġrajja tal-Milied, iżda wkoll lejn il-preżent biex ninterpretawh fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  L-Avvent għalhekk mhux xi stennija monotona li fiha ma tagħmel xejn, iżda stennija attiva.

Il-Kelma

Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha.  Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum.  Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej.  Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ:  “FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’.  San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija.  Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija.  Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn. L-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.

Il-Ħajja

  1. L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq it-tip ta’ ħajja li qegħdin ngħixu?
  2. X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej?
  3. Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?
  4. Theilard de Chardin kien itenni:  “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.”  Kemm verament qed nistennewh il- Mulej?
  5. Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?
  6. Kif ser nistennewh?
  7. Fejn?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.

read more

MINGĦAJR KOMPROMESSI – It-8 Ħadd matul is-sena A – 26 ta’ Frar 2017

February 22, 2017

 

It-8 Ħadd Matul is-Sena

MINGĦAJR KOMPROMESSI

Isaija 49, 14-15; Salm 61; 1 Korintin 4, 1-5; Mattew 6, 24-34

Il-Vanġelu

Alla u l-flus

“Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

L-inkwiet u t-tħassib

“Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss? U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il- ġilji ta’ l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu.  Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, “X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.”

Il-Ħsieb

Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta' għada jħabbel rasu hu għalih innifsu
Ħafna drabi nidħlu  f’kompromessi fil-ħajja tagħna minħabba l-mentalita’  li qed tinbet fina.  Ipprova laqqat minn kullimkien.  Għix il-mument preżenti mhux fl-għażliet iżda skond kemm se tgawdi.  Bejn Alla u x-xitan.  Ħu ċ-ċans tal-mument.  Daqqa naħa u daqqa oħra.  Mhux hekk iddur ir-rota?

Illum Ġesù jridna nkunu tassew radikali bl-għażliet ta’ ħajjitna.  Ma tistgħux taqdu żewġ sidien.  Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.  IRRIDU NAGĦMLU GĦA|LA… nintelqu f’idejh.  Alla jieħu ħsieb ta’ kollox u ta’ kulħadd.  Mhux ser jinsa la lili u lanqas lilek.  Il-Providenza qiegħda fostna… imma rridu nindunaw biha aħna.

Il-Kelma

L-ewwel qari huwa mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn insibu li l-Profeta jxebbah lil Alla ma’ omm li ma tinsa qatt lil binha.  Inkunu tassew nonqsuh jekk ngħidu li hu nsiena jew ħalliena.  Fis-Salm 61 għandna għajta li f’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħna.  Fit-Tieni Qari nsibu silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin.  Il-ministri ta’ Kristu ntgħażlu minnu u f’idejhom huma fdati l-misteri ta’ Alla.  Hemm bżonn għalhekk li l-amministraturi jkunu responsabbli ta’ din il-missjoni fdata lilhom.

Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna lil Ġesù li jgħidilna li jeħtieġ li l-ewwel post fil-ħajja tagħna nagħtuh lil Alla.  Ma nistgħux inħallu affarijiet oħrajn jiddominaw il-ħajja u l-qalb tagħna.

 Il-Ħajja
  1. X’hemm fiċ-ċentru ta’ qalbek?
  2. Kemm tassew tafda fil-Providenza t’Alla?
  3. Kemm tħares u tafda lil Alla bħala OMMOK?
  4. Kemm temmen fil-Mulej u kemm tafda fil-Kelma tiegħu?
  5. F’dinja komplikata b’ħajja li qed inkomplu nikkomplikawha aħna jeħtieġ illum aktar minn qabel li nafdaw il-ħajja kollha tagħna f’idejn Alla.
Id-Djalogu

Mulej, f’idejk, nafda l-ħajja tiegħi.

 

read more