Liturgy

Weekly Liturgy and Reflections

Il-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret – Il-Ħadd 28 ta’ Diċembru 2025

December 25, 2025

Il-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret

MAGĦQUDIN FL-IMĦABBA

Bin Sirak 3:2-6; 12-14; Salm 127, 1-5; Kolossin 3: 12-21;  Mattew 2, 13-15, 19-23

 

Il-Vanġelu

Meta telqu, deher anġlu tal-Mulej f”ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.”  Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.

 

Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel.”  Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz  tal-profeti,

 

Il-Ħsieb

Quddiem kultura ta’ perseverità akkanita kontra l-familja permezz ta’ mentalità liberali li, permezz tad-divorzju u l-abort, qiegħda tnawwar it-tisħiħ ta’ l-għaqda familjari, id-dehra tal-familja ta’ Nażaret tidher utopika għal dawk li mar jridux li l-vera valuri tal-familja jinżammu.  Fid-dehra tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret hemm lingwaġġ radikali u li ħafna llum ma jridux jagħrfuh.  Lingwaġġ li l-membri tal-familja, li jridu jwettqu r-rieda ta’ Alla, iridu jimpenjaw ruħhom b’sens kbir ta’ sagrifiċċju għal xulxin għax jemmnu fil-preżenza qawwija u ħajja ta’ Ġesù f’nofshom.  Huwa dan l-impenn ta’ ħajja totali għal xulxin li ħafna nsara li jgħidu li jemmnu m’humiex lesti li jagħmlu.  Fil-Vanġelu tal-lum nindunaw li x-xogħol ta’ Marija u Ġużeppi kien li jobdu l-ordnijiet li jagħmlilhom il-Mulej.  Kemm qed jiġri dan fil-familji tagħna?

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-ktieb ta’ Bin Sirak, insibu li min jibża’ mill-Mulej iweġġaħ lill-ġenituri tiegħu.  Dan it-test ifisser il-Kmandament li nsibu fl-Eżodu 20.12.  Is-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 127, 1-5 ifaħħar il-bniedem it-tajjeb għax daru jkollha l-barka ta’ Alla fuqha.  San Pawl, fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin, itenni kif għandha tkun il-ħajja fid-dar fil-Mulej.  Jenfasizza l-ħniena, tjieba, umiltà ħlewwa u sabar.  “Stabru b’xulxin!”  Fil-Vanġelu tal-lum naraw ritratt bil-problemi li kellha l-Familja Mqaddsa.

 

Il-Ħajja

1.  Kemm qed nagħmlu mill-ħajja familjari tagħna familja fil-Mulej?

2.  Ma nibżgħux mill-problemi u l-irwiefen.  Il-fidi ta’ kull membru tal-     familja flimkien toħloq blata.

3.  Kemm tassew kull membru tal-familja lest jgħix ħajtu b’sagrifiċċju     għal xulxin?

4.  It-talb biss jgħaqqad il-familja.

 

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

agħti l-għajnuna u l-barka tiegħek

lill-familji nsara biex jgħixu flimkien

il-missjoni li fdajtilhom.

 

read more

UMILJAZZJONI! – Nhar il-Milied – 25 ta’ Diċembru 2019

December 20, 2025

Il-Milied – Il-Quddiesa ta’ bin-nhar

UMILJAZZJONI!

Isaija 52:7-10, Salm 97; Lhud 1,1-6; Ġwanni 1,1-18

Il-Vanġelu – Il-Verb sar bniedem

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.’ “

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

Il-Ħsieb

     Il-festa waslet. Il-probabbiltà hi li ninsew il-protagonisti tagħha.  Nagħżlu li niċċelebraw il-Birthday ta’ xi ħadd mingħajr ma nagħtu kas ta’ min hija l-festa.  Din hija l-umiljazzjoni kbira li qegħdin nerġgħu ngħaddu minnha lil ĠesuÏ minkejja dak kollu li fil-festa tal-Milied niċċelebraw, li wettaq għall-umanitaÏ.  Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri.  Fil-Grotta ta’ Betlem, Ġesù għadda minn umiljazzjoni kbira li tkompliet sa fuq is-salib.  “Ġie f’daru iżda niesu ma laqgħuhx”.  Noqogħdu attenti li l-avveniment li qed niċċelebraw illum ikun ġrajja ħajja għalina lkoll.  Ġrajja li tqawwi l-ħajja tagħna bħala nsara meta nagħrfu l-UMILJAZZJONI kbira li ġarrab Ġesù.  Quddiem ix-xena tal-Grotta ta’ Betlem irridu nirringrazzjaw bil-qalb lil Ġesù għal dak kollu li jagħmel magħna kull ħin.

Il-Kelma

     Fl-ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija għandna deskrizzjoni tar-ritorn tal-poplu ħieles mill-eżilju ta’ Babel.  Alla ġej biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu, ifarraġ, ifejjaq, jifdi u jsalva.  U propju din hija l-għajta tas-Salmista meta fis-Salm 97 itenni li “Raw it-truf kollha ta’ l-art is-Salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”  Salvazzjoni li skond l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud li naqraw fit-Tieni Qari tal-lum insibu li l-Kelma ta’ Alla laħqet il-quċċata tagħha bil-miġja ta’ Kristu Ġesù.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu lil Għerf-Kelma-Verb sar bniedem bħalna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.

Il-Ħajja
  1. Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja.  Kien fid-dinja u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.  Int se tkun wieħed li m’għaraftux?
  2. X’se tagħti lil Ġesù fil-Grotta ta’ Betlem?
  3. Kemm se tagħmel minn dan il-Milied okkażjoni biex tgħin lill-fqir?
  4. X’se titlob li jagħtik Ġesù llum?

.

Id-Djalogu

     Mulej agħmel li quddiem l-umiljazzjoni tiegħek ma nistħix ngħix ta’ Nisrani.

read more

OBDEW! – Ir-4 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 21 ta’ Diċembru 2025

December 6, 2025

Ir–4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA U ĠUŻEPPI:  OBDEW

Isaija 7:10-14, Salm 23; Rumani 1,1-7; Mattew 1,18-24

Il-Vanġelu: It-twelid ta’ Ġesù Kristu

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.  Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu.  Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: 

‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’,

Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.  Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Ħsieb

Alla magħna
Ir-riflessjoni tagħna fuq Ġużeppi u Marija m’għandhiex tkun biss dik ta’ personaġġi importanti fil-ġrajja ta’ Betlem, iżda rridu nħarsu lejhom bħala nies li, minkejja li tħawdu quddiem il-proposta ta’ Alla, ħadu r-risku u qalu iva.  Iva li għexuha kull ħin…. F’dan id-dawl irridu nagħmlu riflessjoni personali tagħna f’dan ir-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent.  Il-Milied wasal u jintemm jekk fil-fond ta’ qalbna ma nagħmlux is-Sejba ta’ Ħajjitna – dik li niskopru x’inhi r-rieda t’Alla. Skoperta li trid tagħmel minna appostli ħajjin ta’ din il-bxara t-tajba.

Il-Kelma

It-twelid minn xebba, ta’ iben min-nisel ta’ David, li se jkun GħimmanuEl, li tfisser Alla magħna, insibuh fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  U għalhekk għandna nilqgħu lill-Mulej kif itenni s-Salm 23 -“Ħa jidħol il-Mulej;  Hu s-Sultan tal-Glorja”. kif insibu wkoll fil-bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna ġabra tat-tagħlim ta’ l-Insara ta’ l-ewwel żminijiet, fejn il-Vanġelu huwa t-twettiq tar-rabta l-Qadima.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu lil Marija, l-Għarusa ta’ Ġużeppi Bin David, li twelled lil Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Ġużeppi u Marija obdew ir-rieda ta’ Alla.  Kemm tassew qed nagħmlu hekk aħna?
  2. Għimmanu-El – Alla magħna.  Temmen inti dan?
  3. Alla jwettaq dak li wiegħed permezz tat-twelid ta’ Ibnu.  Kemm tħossok li inti tifforma parti ħajja mill-pjan tas-Salvazzjoni?
  4. Ma nibżgħux mill-mumenti iebsa.  Qabel qalu IVA, Marija u Ġużeppi kienu mħawda.
.
Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għallimni nirbaħ il-biża’ u ngħidlek IVA kuljum.

 

read more

IL-BXARA T-TAJBA WASLET – It-3 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 14 ta’ Diċembru 2025

December 6, 2025

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BXARA T-TAJBA WASLET

Isaija 35:1-6a,10; Salm 145; Ġakbu 5:7-10, Mattew 11:2-11

 Il-Vanġelu

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub:

‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

 Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

 Il-Ħsieb

Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!
Iva.  Il-Bxara t-Tajba waslet u qed titħabbar lil kulħadd, anki lilek u lili.  Il-Mulej ġie b’mod speċjali għal dawk li għandhom bżonnu.  Huwa għal dan il-għan li din il-preparazzjoni ta’ l-Avvent irridu neħduha bis-serjetaÏ.  L-isfortuna tagħna tista’ tkun li jgħaddi dan il-mument u nibqgħu fejn aħna.  Biex naslu għall-bxara t-tajba rridu ngħaddu mid-deżert, anki jekk neħduha kontra l-kurrenti li jdawruna.  Huwa għalhekk li rridu ntennu kull ħin il-frażi tas-Salmista:  “Ejja Mulej ħa ssalvana”.

Il-Kelma

Il-ferħ tal-ħelsien mill-jasar tad-deżert hija t-tema ċentrali ta’ l-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tal-Profeta Isaija.  Huwa l-ħelsien li se jikseb għalina l-Messija, f’dan il-Milied.  Il-Messija se jfejjaqna mill-ħażen tal-ħajja: huwa għalhekk f’waqtu li fis-Salm Responsorjali ntennu EJJA MULEJ  ĦA SSALVANA.  Salvazzjoni li se tiġi b’mod speċjali għall-foqra kif itenni San Ġakbu fit-Tieni Qari tal-lum filwaqt li San Mattew fil-Vanġelu jsemmi, kemm ix-xogħol tal-Mulej fit-tħabbira t-tajba kif  ukoll il-ħidma ta’ preparazzjoni li wettaq Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja

1.  Dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ ferħ:  kelma ta’ kuraġġ għax l-AĦBAR IT-TAJBA hi fil-qrib.

2.  Għax ħabbar din il-Bxara t-Tajba Ġwanni l-Battista qafluh fil-ħabs. Lilek għandhom ċans jaqfluk għax ixxandar il-Bxara t-Tajba?

3.  Kemm tassew nifhmu li l-Milied hija l-festa tal-fqir u l-batut?  Kemm se tgħin f’dawn il-ġranet lil min hu fil-bżonn?

4.  Kemm tassew qed tnaddaf qalbek f’dawn il-ġranet u mhux timliha bi proposti ta’ rigali u xalar bla rażan?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

Grazzi tal-ferħ li trid tiżra’ ġo qalbi

Agħmel li nkun xandár ta’ din l-AĦBAR IT-TAJBA b’għemili.

 

read more

IDDRITTAW – It-2 Ħadd tal-Avvent – Sena A – 7 ta’ Diċembru 2025

November 23, 2025

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IDDRITTAW

Isaija 11:1-10; Salm 71; Rumani 15:4-9; Mattew 3:1-12

Il-Vanġelu

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’.  Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.  Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.  Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.

Il-Ħsieb

Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu
It-tħejjija tagħna fl-Avvent hija maqsuma bejn ċerta ħeġġa għal bidla interna u l-orġja ta’ kummerċ li għaddejjin minnha fl-istennija tal-Milied b’elf proposta għal elf rigal.  Huwa għalhekk leħen qawwi dak li nisimgħu lil Ġwanni l-Battista jtenni llum:

“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej.  U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija.  Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna?  Jew  għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi?  X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?

Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi Ġwanni l-Battista.”

Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali.  Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija 11:1-10 u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71:  “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.”  Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara.  Huwa għalhekk li San Pawl jikteb fis-silta tal-lum mill-Ittra lir-Rumani li l-Messija m’hu monopolju ta’ ħadd.  Dan ir-radikaliżmu tat-tħabbira u l-istennija jidher fil-figura u l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista fil-Vanġelu ta’ San Mattew.  Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija.

Michelangelo Merisi da Caravaggio – St. John the Baptist

Il-Ħajja

  1. Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna:  IRRIDU NINBIDLU?
  2. X’ser tagħti biex tinbidel?
  3. Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert.  Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.
  4. Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.
  5. Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.

read more

INQUMU FL-ISTENNIJA – L-1 Ħadd tal-Avvent Sena A – 30 ta’ Novembru 2025

November 23, 2025

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

INQUMU FL-ISTENNIJA
  1. Isaija 2,1-5; Salm 121; Rumani 13,11-14; Mattew 24, 37-44

Il-Vanġelu

     Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-Bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu  l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom
     Bħala nsara huma ferm importanti l-mumenti li nqumu ftit mir-rutina li ħafna drabi nkunu waqajna fiha.  L-Avvent huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan fl-istennija tat-twelid ta’ Ġesù, twelid li d-dinja tal-kummerċ illum għamlet minnu karikatura.  L-Avvent huwa kemm memorja kif ukoll profezija.  Ma rridux inħarsu biss lejn il-passat tal-ġrajja tal-Milied, iżda wkoll lejn il-preżent biex ninterpretawh fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  L-Avvent għalhekk mhux xi stennija monotona li fiha ma tagħmel xejn, iżda stennija attiva.

Il-Kelma

Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha.  Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum.  Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej.  Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ:  “FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’.  San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija.  Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija.  Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn. L-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.

Il-Ħajja

  1. L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq it-tip ta’ ħajja li qegħdin ngħixu?
  2. X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej?
  3. Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?
  4. Theilard de Chardin kien itenni:  “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.”  Kemm verament qed nistennewh il- Mulej?
  5. Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?
  6. Kif ser nistennewh?
  7. Fejn?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.

read more

SULTAN QADDEJ – Festa ta’ Kristu Sultan – 23 ta’ Novembru 2025

November 10, 2025

Festa ta’ Kristu Sultan

SULTAN QADDEJ

2 Samwel 5:1-3; Salm 121; Kolossin 1:12-20; Luqa 23:35-43

 

Il-Vanġelu

Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’,  int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Mbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”

Il-Ħsieb

Sultan Qaddej.  Din hija l-festa li qed niċċelebraw illum.  Il-festa li tradizzjonalment insejħulha l-festa ta’ Kristu Re.  Hija l-festa fejn ir-Re ġie fid-dinja biex isalvana u jkun is-salvatur tagħna.  Ilkoll kemm aħna llum irridu nirringrazzjaw lil Ġesù li wriena mhux bil-kliem biss iżda wkoll bil-ġrajjiet li jħobbna lkoll, li jħobb l-umanità kollha tant li daħal fl-istorja ta’ l-umanità tagħna.  Sultan li qiegħed għas-servizz tagħna u għalhekk fih sens akbar illum fl-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika li nħarsu lejn il-Mulej bħala dak li mhux huwa s-sultan tal-ħolqien kollu iżda li jsegwi bil-fidwa li kisbilna dan l-istess ħolqien.  Huwa messaġġ ta’ faraġ u kuraġġ għalina lkoll.  Messaġġ li permezz tiegħu nagħrfu li qatt fid-dinja ma aħna waħedna.  Biex wettaq din il-missjoni ta’ salvazzjoni Ġesù bata ħafna.  Bata l-umiljazzjoni.  Huwa, li kien Sultan ta’ l-Univers kollu, kien umiljat bl-akbar mod kif naraw anki fil-Vanġelu tal-lum.  U anki minn hawn irid joħroġ messaġġ qawwi għall-ħajja tagħna.  Aħna l-insara ġejna mifdijin bi prezz għoli, bid-demm ta’ l-istess ħallieq tagħna.  Huwa għalhekk li għandna responsabbiltà kbira li nuru lid-dinja ta’ madwarna l-qawwa ta’ din is-Saltna ta’ dan is-Sultan li huwa għas-servizz tagħna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel fejn għandna lil David Sultan ta’ Ġuda jiġi midluk Sultan ta’ Israel kollu.  B’hekk iż-żewġ saltniet saru saltna waħda.  David huwa xbieha tal-Messija fuq il-ħolqien kollu.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 121, huwa għanja ta’ tifħir tal-poplu t’Alla fejn Kristu huwa s-Sultan.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Kolossin, San Pawl juri li l-Mulej huwa l-bidu u t-tmiem tas-salvazzjoni tagħna filwaqt li fit-tieni parti San Pawl jinseġ innu ta’ glorja u tifħir lil Ġesù.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna silta mill-passjoni ta’ Ġesù, forsi wieħed mill-aktar mumenti ta’ umiljazzjoni fuq is-salib u l-konverżjoni tal-ħalliel mislub ma’ Ġesù. Ġie msejjaħ sultan għax feda l-umanità minn fuq is-salib.

Il-Ħajja

1.  Kemm tħoss fil-fond ta’ qalbek li llum għandek tgħid GRAZZI lil Kristu Sultan?

2.  Taf kemm kuljum dan is-sultan huwa għad-dispożizzjoni tiegħek?  Jirnexxilek tieqaf u tkellmu huwa li qed jistenniek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum?

3.  Kemm tassew nifhmu l-prezz iebes u għoli li dan is-Sultan ħallas għalina?

4.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum trid tkun ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr lil Ġesù għal dak li għamel u jibqa’ jagħmel għalina, minkejja li neħduh for granted fil-ħajja tagħna.

5.  Bix-xhieda tagħna f’din id-dinja aħna rridu nuru li niffurmaw parti minn din is-saltna li tagħha Ġesù huwa l-mexxej.  L-ID Card tagħna trid tkun ix-xhieda permezz tas-sagrifiċċju.

Id-Djalogu

Nadurawk, o Sultan tagħna,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek

inti fdejtna.

read more

JOBGĦODUKOM MINĦABBA F’ISMI! – It-33 Ħadd matul is-sena Ċ – 16 ta’ Novembru 2025

November 9, 2025

It-33 Ħadd Matul is-Sena

JOBGĦODUKOM  MINĦABBA  F’ISMI!

Malakija 3:19-20a; Salm 97; 2 Tessalonkin 3, 7-12; Luqa 21:5-19

Il-Vanġelu

 Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”

 U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?” Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom!  Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”  Mbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,  l-art titheżheż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali ta’ l-għaġeb.  Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja  tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,  għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.  U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.  Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!

Il-Ħsieb

xagħra waħda minn raskom ma tintilifx
Li tgħix ta’ nisrani m’huwiex faċli.  Tista’ tirreċta ta’ nisrani, tista’ tilgħabha ta’ nisrani, iżda li verament tgħix ta’ nisrani mhix ħaġa faċli.  Fil-ħajja kollox jintemm, jitfarrak u jispiċċa.  Kull ħaġa li ħsibna li fl-istorja tal-bniedem se tibqa’:  ideoloġiji, personaġġi, monumenti, kollox qdiem, intemm.  Iżda Kristu baqa’; il-fidi tibqa’.  Hu għalhekk li Ġesù llum jistedinna biex l-ewwelnett nirriflettu ftit fuq kemm il-fidi tagħtina l-kuraġġ kif inħarsu lejn il-ħajja tagħna ta’ kuljum u wkoll kif tassew aħna.  Dan biex ilkoll nindunaw li rridu ngħaddu minn persekuzzjonijiet iżda li moħħna għandu jkun mistrieħ li l-Mulej qatt m’hu se jħallina waħedna, “għax jien nagħtikom diskors u għerf.”

Ġesù jtenni li saħansitra dawk li nafdaw fihom iduru kontrina, dawk li qatt ma stennejna li se jeħduha kontrina.  Għax kif inti ma tibqax taqdi l-kompromessi ta’ dawk ta’ madwarek li jkunu għasruk biżżejjed, għax ma jqisux il-valuri tal-persuni umani, jitfgħuk ’il barra u jwarrbuk.  Ġesù għalhekk jisfidana biex nibqgħu sħaħ sa l-aħħar.  M’aħniex se nkunu waħedna f’din il-mixja ta’ fidi u mpenn fuq dak li għallimna huwa stess.  Dan huwa Ħadd li jiftħilna għajnejna iżda fl-istess ħin jimliena kuraġġ meta nkunu mimlija niket minħabba dak li jkun qed jiġri madwarna u li ħafna drabi jkunu ġrajjiet li ma nistgħux nifhmu.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Malakija, għandna lill-Profeta jwissi lill-kburin u l-midinbin waqt li jqawwi l-qalb ta’ dawk li għandhom il-biża ta’ wlied għall-Isem ta’ Alla.  Is-Salm 97 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għanja ta’ tifħir lil Alla għax ġej biex jagħmel ħaqq bil-ġustizzja mill-popli tiegħu, ġustizzja li tkun fuq il-mod li aħna mxejna fid-dawl ta’ kliemu.  It-Tieni Qari, meħud mit-tieni Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, jagħtina twissija tal-Mulej li s-salvazzjoni u l-istennija tat-tieni miġja tal-Mulej m tridx tkun fil-għażż u wkoll b’idejna fuq żaqqna.  Hemm bżonn li naħdmu u nimpenjaw ruħna sew, fil-ħajja ta’ kuljum fejn trid toħroġ fil-beraħ il-fidi tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù li ma jwiegħedx suċċess iżda persekuzzjoni.  Fl-istess ħin, iżda, Ġesù jwiegħed l-għajnuna tiegħu u li qatt m’hu se nkunu waħedna fl-isfida biex nibqgħu sħaħ sa l-aħħar fi kliemu.

Il-Ħajja

1.  Il-Mulej qed jurina biċ-ċar illum xi tfisser tkun nisrani.  Trid taħdem, ma tibżax mill-persekuzzjoni u żżomm għajnejk u widnejk miftuħa sew għal dak li jgħidlek hu fil-mumenti iebsa.

2.  Ġesù jridna nibqgħu sħaħ sa l-aħħar.  Kif?  Billi nisimgħu l-messaġġ tal-Kelma tiegħu u nagħtuh il-ħajja fl-ambjent tagħna.

3.  San Pawl itenni l-importanza tax-xogħol fl-istennija tal-Mulej.  Il-post tax-xogħol u dmirijiet tagħna rridu nifhmuhom sew, għax huma parti mill-vokazzjoni u l-impenn nisrani ta’ kuljum.

4.  F’dan il-Vanġelu tal-lum Ġesù jurina li fil-mumenti diffiċli, meta aħna nkunu qed nagħmlu għażliet għalih u nimxu fuq kliemu, l-ispirtu tiegħu se jdawlilna d-deċiżjonijiet u l-kliem li ngħidu.

5.  Illum irridu nwiegħdu lil Ġesù li nimxu fuq kliemu mingħajr kompromessi.

Id-Djalogu

Mulej,

dawwal il-fehma tiegħi,

biex nifhem aktar

dak li trid minni

u għinni nħoss il-preżenza u d-dawl tiegħek

f’kull deċiżjoni li nieħu fil-ħajja

biex dejjem tkun fuq kliemek.

read more

QALB WAĦDA MAL-PAPA – Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran: 9 ta’ Novembru 2025

November 7, 2025

9 ta’ Novembru:  Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

QALB WAĦDA MAL-PAPA

Eżekjel 47,1-2; 8-9; 12; Salm 45; 1 Korintin 3: 9-11; 16-17; Ġwanni 2: 13-23

 

Il-Vanġelu

Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.”  Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel.

Il-Ħsieb

It-tifkira tad-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran, il-knisja fejn il-Papa għandu l-katedra tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u ragħaj tal-Knisja kollha, tfakkarna fid-dmir tagħna li nuru fedeltà sħiħa għat-tagħlim li hu jxandrilna biex iwettaqna fil-fidi ta’ Kristu.  Huwa l-mument ta’ unità u għaqda tagħna l-Insara mal-Missier tagħna.  Il-mument li mhux biss inħarsu lejh bħala mexxej iżda wkoll bħala gwida spiritwali.  Ħafna drabi lkoll kemm aħna nisimgħu jew naqraw ċertu dissens fil-Knisja li mhux dejjem ikun dissens li ġej minn diskussjoni għaqlija iżda minn nies li jew ikunu jixtiequ jagħmlu ħoss fil-media jew, minħabba ċerti kompromessi li jkunu ntrabtu magħhom, ikunu jixtiequ jgħawġu u jbiddlu t-tagħlim u t-tifsir li tagħti l-Knisja ta’ Kristu.  Illum huwa l-mument fejn aħna niddikjaraw l-għaqda tagħna mal-Papa u nkunu qalb waħda miegħu u ĠEBEL ĦAJ tal-Knisja fis-soċjetà tagħna.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, jagħti l-immaġini ta’ l-Anġlu li jieħu lill-Profeta sa ħdejn il-bieb tat-tempju u jurih li l-ilma ħaj li ħiereġ mit-tempju se jkun is-salvazzjoni tal-poplu li jersaq lejn it-tempju.

Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 45, naraw kemm il-Mulej huwa tassew il-kenn u fl-istess ħin il-qawwa tagħna.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, insibu lil San Pawl jitkellem dwar Ġesù Kristu nnifsu li huwa l-pedament tat-tempju ta’ Alla u ħadd  ma jista’ jeqred dan it-tempju.  San Pawl itenni li l-Insara huma t-tempju ta’ Alla minħabba li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fihom.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu li  Ġesù jitkellem fit-tempju u jirreferi għall-mewt u l-qawmien tiegħu.  Ħadd ma fehem li kien qed jitkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu.

 

Il-Ħajja
  1. Fil-festa tal-lum irridu nifhmu li aħna l-insara aħna ĠEBEL ĦAJ. Hemm ħafna responsabbiltà fil-mod kif ngħixu u nitkellmu.
  2. Għad-dinja ta’ madwarna, irridu nkunu eżempju għax qed inġorru fina l-istess tempju ta’ Alla. Kif nistgħu nagħmlu dan?
  3. Billi nifhmu u naċċettaw il-Kelma ta’ Alla kif imfissra mill-Maġisteru tal-Knisja.
  4. Irridu nkunu qalb waħda mal-Papa fit-tagħlim li huwa mdawwal mill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna ħalli ngħixu kull ħin ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna, fl-ambjent li fih ninsabu.
Id-Djalogu

Mulej, għinni

biex bħal ĠEBEL ĦAJ

ninbena f’dar spiritwali,

saċerdozju qaddis

sabiex inkun strument f’idejk

għat-tixrid tal-kelma tiegħek.

read more

ALLA TAL-ĦAJJIN – It-32 Ħadd matul is-sena Ċ – 9 ta’ Novembru 2025

November 3, 2025

It-32 Ħadd Matul is-Sena

ALLA  TAL-ĦAJJIN

2 Malakija 7: 1-2, 9-14; Salm 16; 2 Tessalonkin 2: 16-3,5; Luqa 20: 27-38

Il-Vanġelu

Il-Qawmien mill-Imwiet

(Mt 22, 23-33; Mk 12, 18-27)

Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.  It-tieni wieħed,  u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.  Fl-aħħar mietet  il-mara wkoll.  Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.”  Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu   mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu.  Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh,  fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb.  Issa Hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”

 

Il-Ħsieb

Ninsabu fix-xahar li fih niftakru fl-għeżież tagħna mejtin.  Fix-xahar ta’ Novembru bla ma trid tħoss xi ftit niket.  Jorbotna ma’ dawk li ma għadhomx aktar magħna, li telqu qabilna fil-vjaġġ tagħhom għall-eternitaÏ.  U min jaf kemm-il darba għaddew ħsibijiet minn moħħna ta’ x’se jsir minn din il-ħajja!

Hu m'huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.
Huwa fatt importanti li ħafna drabi nagħmlu enfasi kbira fuq il-kelma MEJTIN.  U għalhekk noqtlu fina, anki mill-aspett psikoloġiku, kull ħjiel ta’ tama għal ħajja oħra.  Ġesù llum fil-Vanġelu jitkellem ċar – AĦNA WLIED IL-ĦAJJA.  Alla tagħna m’huwiex Alla tal-mejtin iżda tal-ħajjin:  “għax għalih kulħadd jgħix.”  U dan huwa l-mument li għalih irridu naħdmu tul ħajjitna kollha.  Aħna wlied il-ħajja u għalhekk irridu, minn din il-ħajja stess, nimpenjaw ruħna u nagħmlu l-investimenti tagħna mhux fuq din l-art iżda fis-sema fejn hu pajjiżna.  Meta jkollna l-fidi tagħna msaħħa kapaċi naslu għal dawn il-ħsibijiet, iżda mingħajr il-fidi ma naslu mkien.

Ħafna kumplikazzjonijiet u ħsibijiet żejda fil-ħajja tagħna nagħmluhom għax inħaddnu l-prinċipju tas-Sadduċej li ma kinux jemmnu fil-qawmien u għalhekk kollox isir kumplikat u jispiċċa fix-xejn minn dak kollu li ngħaddu minnu f’din il-ħajja.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej, insibu għall-ewwel darba fit-Testment il-Qadim stqarrija ta’ twemmin fil-qawmien mill-imwiet.  Fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Antijoku, il-qtil ta’ tant Lhud tajba qajjem fost il-poplu t-tama ta’ dan il-qawmien.  Is-Salm Responsorjali huwa stqarrija li dawk li jibqgħu fil-liġi tal-Mulej meta jqumu jaraw id-dawl tiegħu.  Fit-Tieni Qari għandna silta mit-Tieni ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin fejn San Pawl jissokta jitlob għall-insara tat-Tessalonika biex ifehimhom li ma jistgħux jaslu waħedhom għas salvazzjoni iżda jrid ikun hemm l-għajnuna ta’ Alla.  Fil-Vanġelu meħud minn San Luqa, għad-domanda “hemm tassew qawmien mill-imwiet?” insibu li t-tweġiba ta’ Ġesù mhix waħda mibnija fuq ix-xjenza iżda fuq il-fidi.

Il-Ħajja

1.  Inti konvint mill-qawmien wara din il-ħajja?

2.  Kif qed tgħix il-fidi tiegħek issa?

3.  Kemm qed tagħmel investimenti fis-sema?

4.  Kemm tassew temmen li l-mixja tagħna fuq din l-art se titkompla mal-Mulej għall-eternitaÏ?  Kemm tassew qed tgħix il-Kelma ta’ Alla f’dan id-dawl?

5.  Alla tiegħek huwa Alla tal-ħajjin jew tal-mejtin?

Id-Djalogu

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għal talbi

li ġej minn xofftejn bla qerq.

read more