Liturgy

Weekly Liturgy and Reflections

ISSA L-WAQT LI TEMMEN U TĦENN – Is-26 Ħadd matul is-sena Ċ – 25 ta’ Settembru 2016

September 18, 2016

Is-26 Ħadd Matul is-Sena

ISSA L-WAQT LI TEMMEN U TĦENN

Għamos 6, 1a, 4-7; Salm 145; 1 Timotju 6, 11-16; Luqa 16: 19-31

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (16: 19-31)

     “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar.  U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru,  bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda ta’ l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.  Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu.  U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar.’ ‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.  Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’ Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri,  għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u  l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’ “

 

min hu l-fqir?
Il-Ħsieb

     Il-Mulej jagħmel kollox b’ħaqq ġust magħna, iżda kemm tassew aħna qed nagħmlu l-istess mal-proxxmu tagħna?  Ħafna drabi faċli nippuntaw subgħajna biex nikkundannaw inġustizzji li jkunu qed iseħħu f’pajjiżna jew barra minn pajjiżna, fuq il-faqar li hawn, fuq il-qtil li jsir, fuq ir-rata ta’ mibegħda li qed tikber fid-dinja…. iżda kemm tassew qed nagħrfu li ħafna drabi l-inġustizzji nistgħu nagħmluhom aħna fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fil-komunitajiet tagħna?  Kelma żejda li tgħid, att ta’ karità li ma tagħmilx, mibegħda li tkompli tifnik minn ġewwa, għażż li jwaqqfek milli tgħin lil xi ħadd u l-bqija.  Kemm tassew fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħixu l-ġustizzja?  Irridu li kulħadd ikun ġust magħna iżda aħna kif qed ngħixu ma’ ħaddieħor?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Għamos insibu messaġġ attwali li min għandu l-ġid ma għandux jagħlaq għajnejh għad-dehra tal-fqir u widnejh għall-karba tiegħu.  Is-Salm Responsorjali li ntennu flimkien huwa għajn ta’ tifħir lill-Mulej għaliex:

“Il-Mulej jeħles l-imjassrin;

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja

Il-Mulej jerfa’ l-milwijin

Il-Mulej iħobb il-ġusti.”

Huwa minn dan is-salm li nindunaw li l-Mulej huwa ġust u jimxi spalla ma’ spalla mal-batut.  Fit-Tieni qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, l-Appostlu jħeġġu biex jibqa’ jissielet sa l-aħħar.  Ir-raġunijiet huma tlieta:  L-istqarrija li għamel Timotju fil-Magħmudija tiegħu quddiem ħafna xhieda;  L-eżempju ta’ Kristu; l-istennija tad-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa, is-silta tal-lum tmur ma’ dik li qrajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Għamos.  Hija kundanna għall-egoiżmu ta’ l-għonja li ma jagħtux każ tal-fqir u l-batut.

Il-Ħajja

  1. Kemm huma importanti fil-ħajja tiegħek il-foqra u l-imġarrbin? Qatt ippruvajt tgħinhom?
  2. Kemm tassew, fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, tagħti każ persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek u tgħinhom?
  3. Il-Mulej jerfa’ lill-fqir u l-batut.  Inti qatt erfajt lil xi ħadd mill-miżerja tiegħu b’kelma ta’ faraġ jew b’ġest ta’ solidarjetà?
  4. Qatt għamilt quddiem Ġesù eżami tal-kuxjenza dwar l-egoiżmu fil-ħajja u l-attitudni tiegħek?
  5. Kemm qed tipproġetta l-futur tiegħek, hi x’inhi l-età, fuq atti ta’     solidarjetaÏ ma’ min huwa fil-bżonn?

Id-Djalogu

Mulej, għinni li fl-għażliet

li nagħmel kuljum

nagħżel il-veru ġid

nagħżel lilek!

 

read more

Il-25 Ħadd matul is-sena – Sena Ċ – 18 ta’ Settembru 2015

September 9, 2016

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

AMMINISTRAZZJONI TAJBA MAL-FQIR U L-BATUT

Għamos 8: 4-7;  Salm 112; 1 Tim 2:1-8; Luqa 16: 1-13

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (16: 1-13)

   Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.   Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont ta’ l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’  L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.  Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’   U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed.  ‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’  Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’  U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.  U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.   Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.   Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?   U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?  Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”

.

Il-Ħsieb

Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien
     Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien… Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.  Ġesù ma jdurx mal-lewża.  Permezz tal-parabbola ta’ l-amministratur, Ġesù jrid ikompli jurina li biex inkunu dixxipli tiegħu hemm bżonn li nevitaw il-kompromessi perikolużi.  Illum kulħadd jersaq biex jgħid u jagħmel kollox għall-flus.  Familji mkissra, ħajjiet jintilfu, dan kollu għax inpoġġu l-valur tal-flus qabel il-valur assolut li huwa Alla.  U propju hawn hija l-għażla tal-ħajja tagħna.  Il-Mulej iridna nkunu amministraturi tajba u onesti ta’ dak li tana. U x’tana l-Mulej?  Tana kollox: tana d-doni, tana dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina.  Ħafna drabi aħna ma nagħtux każ, anzi aħna stess nagħmlu kompromessi ma’ affarijiet li jbegħduna mill-Mulej.

Illum il-messaġġ li jrid jgħaddilna l-Mulej huwa biex nagħmlu għażla ċara u soda fil-ħajja tagħna.  Ma nistgħux naqdu żewġ sidien.  L-għażla hija f’idejna.  Ta’ min għalhekk jifli b’reqqa l-messaġġ tal-kelma li l-Mulej irid jgħaddilna llum.

.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Profeta Għamos, insibu lil dan il-profeta bil-kitbiet tiegħu dwar il-ġustizzja so`jali.  Huwa tela’ fit-tempju ta’ Bethel u `anfar lil dawk li kienu jkasbru lill-fqir.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 112, għandna innu lill-Mulej li jgħin u jerfa’ l-fqir.

Hu jerfa’ mit-trab l-imsejken

u jerfa’ l-fqir mill-miżbla,

biex mal-kbarat iqiegħdu

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna t-twissija ta’ San Pawl li ĦADD ma għandu jitħalla barra mit-talb fil-pubbliku għax Alla jrid li kulħadd isalva.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jgħallimna kif għandna nużaw tajjeb il-ġid tad-dinja.

.

Il-Ħajja
  1.  Ġesù jurina li l-ġid li jkollna rridu nużawh tajjeb.  Hemm bżonn li ngħinu lil min huwa fil-bżonn u nħarsu ’l fuq għax il-valur assolut fil-ħajja tagħna jibqa’ Alla.
  2.  Irrifletti ftit.  Kemm għandek kompromessi ħajjin fil-ħajja tiegħek?
  3.  Liema huwa l-veru Alla ta’ ħajtek?  Alla l-Missier jew il-flus li saru alla falz għalik?
  4.  Kif qed tuża l-ġid tiegħek?  Bi prospettivi li tistagħna aktar?  U wara din il-ħajja x’se tieħu miegħek fis-sema?
  5.  Kemm qed ngħinu minn dak li għandna lil-fqir u l-batut?

.

Id-Djalogu

Mulej,

inti tagħtini ħafna,

u jiena ftit li xejn nagħtik lura.

Għinni nħares madwari

u narak fil-fqir

u ngħinek Mulej.

read more

L-24 Ħadd matul is-sena – Sena Ċ – 11 ta’ Settembru 2016

September 8, 2016

L-24 Ħadd Matul is-Sena

JERFAGĦNA  MILL-MEDJOKRITÁ

Eżodu 32:7-11; 13-14; Salm 50; 1 Timotju 1, 12-17; Luqa 15: 1-32

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (15: 1-32)

F’dak iz-zmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: «Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom.»

Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: «Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħga u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, ghax sibt in-nagħga li kienet intilfitli.” Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ ghal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, ghax sibt id-drakma li kienet intilfitli.” Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla ghal midneb wieħed li jindem.»

Qalilhom ukoll: «Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” U dak qassmilhom il-ġid. Ma kienux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bzonn.

U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħniezer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħniezer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobz bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mill-lavranti tiegħek.” Qam, u telaq għal għand missieru.

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.” Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.” Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni ġidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!” Wieġbu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieg li nagħmlu festa u nifirħu, ghax dan ħuk kien mejjet u raga’ qam, kien mitluf u nstab.”»

Il-Kelma tal-Mulej
R. Tifħir lilek Kristu

Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieg li nagħmlu festa u nifirħu, ghax dan ħuk kien mejjet u raga’ qam, kien mitluf u nstab.

Il-Ħsieb

In-nagħġa l-mitlufa, id-drakma l-mitlufa, l-iben il-ħali.  Huma stejjer li smajniehom ħafna drabi.  Li tgħallimna bl-amment.  Huma stejjer ta’ telfiet u sejbiet.  Stejjer ta’ falliment u ta’ kisbiet.  Huma l-istejjer tal-ħajja tagħna.  Iżda kemm tassew aħna nagħrfu li l-Mulej iridna miegħu?  Aħna tiegħu u ma jrid lil ħadd, ħadd, jintilef.  Iva, il-Mulej lest li jirriskja kollox għalija u għalik biex ma nintilfux.

Aħna ħafna drabi ma nagħmlux l-istess.  Lesti li kontinwament naħsbu ħażin fuq dak u fuq l-oħra; lesti li nagħtu ġudizzju ħażin, lesti li nxerrdu l-falsità basta nibqgħu minn fuq, lesti għal kull kompromess.  Ma jimpurtani minn xejn u minn ħadd.  Kif għandna l-wi“ inħarsu lejn Kristu msallab u ngħidu li aħna nsara u nibqgħu inżommu din l-attitudni?

Il-Vanġelu tal-lum ma jridx jgħallimna…. iridna ninbidlu.  Iridna nifhmu li Ġesù jrid jgħollina u jerfagħna mill-medjokrità ta’ għażliet foloz u ħżiena fil-ħajja tagħna.  Bil-libertà kollha nistgħu nagħżlu l-kuntrarju ta’ dak li ġabilna Ġesù, iżda meta nagħmlu hekk inkunu qed inġibu l-kundanna b’idejna stess.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu.  Il-poplu jibdel lil Alla ma’ xbihat ta’ allat qarrieqa.  Il-poplu jinsa dak li wettaq miegħu l-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 50, għandna l-qawma mill-miżerja.  Hija talba ta’ ħniena lil Alla:  “ Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek.  Fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.”  It-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra lil Timotju, San Pawl jirrakkonta l-bidla mill-qiegħ li saret fih malli ltaqa’ ma’ Kristu.  Il-konverżjoni u s-sejħa ta’ Pawlu juru l-ħniena u l-imħabba ta’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tal-parabboli tan-nagħġa l-mitlufa, tad-drakma l-mitlufa u ta’ l-iben l-ħali.

Il-Ħajja

1.  Il-Mulej imur kontra l-kurrent.  Ma jaħsibhiex bħalna.  Jekk tintilef imqar nagħġa waħda jmur ifittixha, imqar jekk jirriskja lid-disgħa u disgħin l-oħra.  Lest li jiġi jfittixna kull meta nintilfu.

2.  Hemm bżonn li nkunu `ari li fil-ħajja tagħna nimxu wara Alla veru u mhux wara allat foloz.

3.  Il-Mulej iħenn għalina kuljum.  Hemm bżonn li nagħrfu l-ħniena u s-sabar tiegħu.

4.  Il-konverżjoni u s-sejħa ta’ San Pawl juru l-mod meraviljuż li bih il-Mulej jidħol fil-ħajja tagħna, anki meta mmorru kontrieh.

5.  Il-Mulej irid jerfagħna mill-medjokrità ta’ dnubietna.  Lesti nħalluh?

Id-Djalogu

Oħloq fija, o Alla, qalb safja,

ġedded ġewwa fija ruħ sewwa,

la twarrabnix minn quddiemek

u tneħħix minni l-Ispirtu qaddis tiegħek.

 

read more

NIBNU BIL-ĦSIEB U BIS-SALIB – It-23 Ħadd Matul is-Sena – 4 ta’ Settembru 2016

August 24, 2016

It-23 Ħadd Matul is-Sena

NIBNU BIL-ĦSIEB U BIS-SALIB

Għerf 9:13-18b; Salm 89; Filemon 9b-10, 12-17; Luqa 14: 25-33

IlVanġelu

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom:  “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ‘l ommu u lil martu u lil uliedu, ‘l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

 “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid, ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.’ Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ‘l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.  Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

 

 

Il-Ħsieb

     Ħafna nies kienu miexja lejn Ġesù.  Ġesù jdur lejhom u qed idur lejja u lejk biex ifehimna li l-importanza tal-mixja miegħu hija li tibni fuq is-sens ta’ sagrifiċċju tal-ħajja li ngħixu kuljum u fid-dawl tas-salib li huwa ġarr qabilna u li lkoll kemm aħna rridu nġorru.

     Ġesù jtenni li hemm bżonn li nkunu fid-dinja iżda mhux tad-dinja.  Ma jridniex li nintrabtu.  M’huwiex jgħid li ma għandniex inħobbu lil missierna u ’l ommna.  Ġesù qed jgħidilna biex ma nintrabtux.  Ma norbtu qalbna ma’ xejn ħlief miegħu.  U huwa jagħtina l-paċi.  Din hija esperjenza li forsi qatt ma għaddejna minnha għax dejjem irbatna qalbna ma’ xi ħaġa jew ma’ ħajjitna.

     Dan id-diskors mhux faċli li tattwah.  Trid kuraġġ u saħħa li l-Mulej biss jaf jagħti lilna.  Hemm bżonn li l-proġetti tagħna naħsbuhom sewwa.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nħallu spazju għall-Mulej qabel kull ħaġa oħra.  Ħafna drabi nkunu mal-Mulej meta niġu daharna mal-ħajt.  Hemm bżonn għalhekk li nitkellmu aktar mal-Mulej u nħalluh ikellimna qabel ma nifgaw il-vuċi tiegħu bil-kompromessi ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna lill-awtur ifiehem lil-Lhud li l-għerf veru ġej minn Alla u mhux mill-kultura Griega.  Ebda ġens u beda kultura ma huma biżżejjed biex nagħrfu l-pjan ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 89, huwa talba biex il-Mulej isawwab fi qlubna l-għerf u l-grazzja tiegħu.  “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, biex hemm nimxu b’moħħ għaqli.”  Dan huwa l-messaġġ ċentrali ta’ dan is-Salm.  It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon.  F’din l-unika ittra privata tiegħu, San Pawl jitlob lil ħabibu Filemon biex jilqa’ mill-ġdid id-dar lil Onesimu li kien ħarab.  Qallu bies jilqgħu lura, mhux aktar bħala lsir, iżda bħala ħuh fi Kristu.  Fil-Vanġelu, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jitkellem dwar kif trid tkun il-mixja tad-dixxipli tiegħu.  Trid tkun mixja mingħajr kompromessi.

Il-Ħajja
  1. Ġesù jridna nimxu miegħu. Ġesù jridna dixxipli tiegħu.  X’se  nagħmlu?
  2. Ġesù jridna ninqatgħu mill-affarijiet ta’ din id-dinja iżda nibqgħu ngħixu fid-dinja. Biex nagħmlu dan għandna bżonn inħaddnu l-kelma tiegħu u nissaffew mill-ħtijiet tagħna.
  3. It-talba tagħna llum trid tkun biex tassew il-Mulej isawwab fina l-għerf u l-grazzja tiegħu biex nagħrfu kull ħin ir-rieda tiegħu.
  4. Hemm bżonn li naħsbu sew fuq il-proġetti u l-għażliet ta’ ħajjitna. Hemm bżonn li lil Kristu nżommuh magħna l-ħin kollu u b’hekk nevitaw kompromessi perikolużi.
  5. “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” Hekk tenna Ġesù.  Int u jien x’se nagħmlu?  L-għażla f’idejna kuljum.

Id-Djalogu

  Mulej,

  inti tridni nerfa’ s-salib kuljum,

  għinni nagħmel dan, għinni nwettaq bil-għerf li tagħtini,

  dak li hemm fir-ras tiegħek fuq il-ħajja tiegħi.

  Dan biss nixtieq Mulej.

read more

MIN HU FUQ JIĠI TAĦT! – It-22 Ħadd Matul is-Sena – 28 t’Awwissu 2016

August 18, 2016

It-22 Ħadd Matul is-Sena

MIN HU FUQ JIĠI TAĦT!

Bin Sirak 3:19 -21, 30-31; Salm 67; Lhud 12: 18-19, 22-24a; Luqa 14,1,7-14

IlVanġelu

Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. 

Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta’ l-aħħar. Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta’ l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ‘il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek.  Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”  Mbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom.  Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja,  u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!”

 

Il-Ħsieb

Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.
     Is-suppervja ħafna drabi tagħmi lill-bniedem u ma tħallih jara xejn u lil ħadd quddiemu.  Bniedem supperv jagħmel lil kulħadd tapit u ċert li ma jarax xi jrid Alla minnu.  Din tkun id-diżgrazzja kbira ta’ ħajjitna.  Hemm bżonn li naraw tassew li nsaffu kontinwament mill-ħajja tagħna kull sens ta’ suppervja ġejja mill-egoiżmu.  Il-Mulej illum, filwaqt li jurina l-kruha tas-suppervja, jurina kif nistgħu nfiqu minnha.  Is-suppervja titfejjaq billi kontinwament tagħmel eżerċizzju ta’ umiltà fil-ħajja tiegħek.  Tipprova tkun inti għas-servizz ta’ Ġesù fil-proxxmu.  B’hekk biss nistgħu nfiqu u nersqu aktar lejn Alla meta aħna nħarsu madwarna u ngħinu lil min huwa fil-bżonn.  Dawn jistgħu jkunu fil-familji tagħna, fil-postijiet tax-xogħol tagħna, fil-komunitajiet tagħna.

     Hemm bżonn li niċkienu aħna biex jidher Ġesù għax wara kollox l-unika darba li għola aktar minna Ġesù kien fuq is-salib imtertaq għal dnubietna biex jiksbilna s-salvazzjoni tagħna.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-ktieb ta’ Bin Sirak, huwa stedina għall-umiltàu biex wieħed ma jitkabbarx meta jkollu l-ġid, anzi jaqsmu ma’ min huwa fqir u fil-bżonn.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 67, juri li l-Mulej jaħseb ukoll fil-fqir u l-batut u ħejja post għalihom, għax Alla huwa “Missier il-Ħniena u difensur tar-romol.”  Fit-Tieni Qari mill-ittra lil-Lhud insibu li fir-Rabta l-Qadima l-Lhud kienu jersqu lejn Alla bil-biża’ u t-tregħid.  L-awtur ta’ l-ittra lil-Lhud iħeġġeġ lin-nies jersqu lejn il-Mejda Ewkaristika mingħajr biża’.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum insibu lil Ġesù jidħol għand wieħed mill-kapijiet għall-ikla.  Juża dan il-mument biex joħroġ fil-beraħ il-problema ta’ dawk li jagħmlu kollox għal wiċċ in-nies b’tant suppervja.  Isostni li ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar u ta’ l-aħħar  l-ewwel.  Hemm bżonn eżerċizzju kbir fl-umiltà.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew qatt għamilna eżami tal-kuxjenza dwar is-suppervja u l-egoiżmu fil-ħajja tagħna? Dejjem trid tgħaddi tiegħek?  Dejjem int għandek raġun?
  2. Kemm qatt irriflettejt dwar l-għażliet li għamilt fil-ħajja tiegħek għall- foqra?
  3. Il-Mejda Ewkaristika tagħtina l-qawwa u ssaffina mill-egoiżmu u s-suppervja għax nirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Kristu mimlijin tjubija u fejqan. Kemm qed nersqu lejn dan is-sagrament bil-ferħ u mingħajr biża’?
  4. L-għażliet f’ħajjitna jridu jkunu ċari favur u mal-Mulej. Minkejja d-difetti tagħna hemm bżonn li ninħallu mis-suppervja u ngħixu b’umiltà l-jiem ta’ ħajjitna.

Id-Djalogu

  Mulej, taf li xi ftit jew wisq

  jien supperv.

  Għinni nħares lejk,

  lejn is-Salib,

  biex nagħraf inkun umli fil-ħajja tiegħi.

 

read more

TĦABTU! – Il-21 Ħadd Matul is-Sena – 21 t’Awwissu 2016

August 18, 2016

Il-21 Ħadd Matul is-Sena

TĦABTU!

Isaija 66: 18-21; Salm 116;  Lhud 12; 5-7; 11-13; Luqa 13: 22-30

IlVanġelu

     Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb  id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.  Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’  Mbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’  Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m’hux sewwa!’  Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ‘l barra.  U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.  U araw, hawn min hu ta’ l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta’ l-ewwel u għad ikun l-aħħar.”

 

Il-Ħsieb

     Li tgħix il-fidi tiegħek m’hi ħaġa faċli xejn.  Nhar il-Ħadd il-Mulej tenna li rridu nqabbdu n-nar biex nissaffew mid-dnubiet.  Mingħajr sagrifiċċju ma aħniex se nissaffew.  Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jtenni li hemm bżonn aktar sagrifiċċju biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla.  Hemm bżonn aktar impenn ħaj u ċar fil-ħajja tagħna biex nidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet.  Is-salvazzjoni m’aħniex se nakkwistawha billi noqogħdu idejna fuq żaqqna.  Hemm bżonn li n-nisrani jkun protagonist fis-soċjetà tiegħu, mhux billi jiftaħar iżda billi lkoll nagħrfu nwettqu dak li l-Mulej għallimna biex inwettqu fil-ħajja ta’ kuljum.  Hemm bżonn ukoll li ma nitnikkrux u naslu tard għal dak li jtenni l-Mulej għalina.  Permezz tal-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja rridu nkunu dejjem lesti biex meta l-Mulej isejħilna nidħlu miegħu.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija fejn naraw li għalkemm il-Lhud kienu l-poplu t’Alla dan ma kienx ifisser li l-oħrajn ma kinux se jsalvaw.  Il-miġja tal-Messija kellha ġġib l-għaqda tal-ġnus kollha fit-tempju ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali huwa stedina għal impenn totali biex immorru fid-dinja kollha ħalli nxandru l-Bxara t-Tajba.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-ittra lil-Lhud, għandna t-twissija biex ma nwarrbux il-Kelma tal-Mulej u ma naqtgħux qalbna, għax il-Mulej magħna l-ħin kollu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu l-Mulej iwissina biex nimpenjaw ruħna għax is-salvazzjoni mhix se tasal waħedha.  Hemm bżonn li kulħadd iwettaq dak li għallimna l-Mulej.  Hemm bżonn ukoll li ma nitnikkrux fil-fidi tagħna.

Il-Ħajja

  1. Qed ngħixu l-fidi tagħna bl-iskossi? Inqerru f’xi funeral jew tieġ?
  2. Kemm tassew qed nagħmlu mill-fidi tagħna sfida u impenn kuljum biex intejbu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla u magħna nfusna?
  3. Il-Mulej illum jgħidilna li huwa iebes biex insalvaw iżda se nsalvaw għax huwa ssagrifika ħajtu għalija u għalik.  Hemm bżonn li nagħmlu kuljum reviżjoni tal-ħajja tagħna fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.
  4. Kun sinċier miegħek innifsek… xi tfisser tgħix ta’ nisrani? Kif qed tgħix ta’ nisrani llum?
  5. Ieqaf u aħseb. Kif qed taħdem u timpenja ruħek id-dar, ix-xogħol, l-iskola, fit-triq, mal-ħbieb, bħala nisrani?

Id-Djalogu

  Mulej,

  nafu li l-bieb dejjaq,

  nafu li hemm diffikultajiet biex ngħixu l-fidi tagħna.

  Iżda inti mitt għalina

  biex aħna nqumu min-ngħas, mir-raqda, mill-apatija.

  Għinni Mulej kull ħin

  inkun tassew dixxiplu tiegħek bil-fatti.

read more

LESTI GĦAL ĠLIEDA! – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 14 t’Awwissu 2016

August 9, 2016

L-20 Ħadd Matul is-Sena

LESTI GĦAL ĠLIEDA!

Ġeremija 38: 4-10; Salm 39;  Lhud 12 :1-4; Luqa 12:49-53

Il-Ħsieb

     “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!  Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!  Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;  għax mil-lum ‘il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;  jinfirdu l-missier kontra  l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”

 

Il-Ħsieb

     “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad.”  Huwa l-kliem ta’ Ġesù, kliem li juri li rridu nkunu lesti għal ġlieda kbira magħna nfusna u kontra l-kurrenti li jdawruna.  Kliem li juri li tgħix ma’ Ġesù jfisser li tkun sinjal ta’ kontradizzjoni, li trid tmur kontra l-għażliet egoistiċi tiegħek, li trid tinqata’ minn ħafna affarijiet ta’ din id-dinja u tagħti l-ewwel post fil-ħajja tiegħek lil Alla.  Ġesù ġie fid-dinja b’messaġġ ċar u biex jagħtina viżjoni ċara lejn fejn nindirizzaw il-mod ta’ ħajja tagħna.  Huwa għalhekk li ħafna minna jridu jkunu ħajjin fil-fidi tagħhom, fl-azzjonijiet li jwettqu kuljum.  Ġesù juri li tkun miegħu jfisser li tiġġieled battalja kuljum kontra l-kurrenti ta’ madwarna.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, juri li fil-qadi tal-missjoni tiegħu l-Profeta kellu jkun sinjal ta’ kontradizzjoni; in-nies ma jifhmuhx u jkollu jħallas għall-verità li kien qed jippriedka.  Is-Salm 39 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jurina iżda li l-Mulej qatt m’hu se jħallina waħedna u għalhekk:  “Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej, u miel lejja u sema’ l-għajta tiegħi.”  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lil-Lhud, l-awtur iħeġġiġna biex nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu.  Iġib l-eżempju ta’ tellieqa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna x-xewqa ta’ Ġesù li jsaffi bin-nar dak li l-bniedem ikun akkumula bid-dnub.  It-tieni parti turi l-isfida li għaliha jrid jidħol il-bniedem kemm-il darba jkollu jagħżel ħajja ġdida.

 

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja tiegħek hija sinjal ta’ kontradizzjoni għal dawk ta’ madwarek għall-mod kif tgħix il-fidi tiegħek?
  2. Tirrifletti kemm tassew qed tgħix bħall-oħrajn għax tinġarr mill-kurrent, jew bħal Kristu: tgħix għall-oħrajn permezz tal-fidi bbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù li huwa nar iħeġġeġ kuljum?
  3. Inti lest għall-ġlieda kontra tiegħek innfisek u kontra l-kurrenti ta’ madwarek?
  4. Kemm tassew qed tħoss li, bħala nisrani, inti trid taħdem għall-verità fuq it-tagħlim ta’ Ġesù?
  5. F’dan is-sajf il-fidi tiegħek marret ukoll il-baħar?

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni biex jiena wkoll

  inqabbad in-nar ta’ mħabbtek

  fl-ambjent tiegħi.

read more

NISTENNEW B’FIDUĊJA! – Id-19-il Ħadd Matul is-Sena – 7 t’Awwissu 2016

August 7, 2016

Id-19-il Ħadd Matul is-Sena

NISTENNEW B’FIDUĊJA!

Għerf 18: 6-9;  Salm 32;  Lhud 11,1-2; 8-19; Luqa 12:32-48

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!  Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes  fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.  Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

      “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;   kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.  Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.  U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!  Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.  Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

     “Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”  Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?   Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.  Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.  Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;  sid dak  il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili.  U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.  Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

 

Il-Ħsieb

     Kollox irridu malajr illum.  Kollox mgħaġġel u malajr.  Dan huwa r-ritmu tal-ħajja tagħna.  Min ma jgħaġġilx insejħulu kull titlu:  artab, rieqed, eċċ.  Iżda minkejja din l-għaġla kollha, fil-ħajja tagħna sirna nies li ninjoraw l-ovvju,  ħafna drabi aljenati kif ukoll mhux attenti għal dak li jseħħ madwarna.  U dan b’mod speċjali fejn tidħol il-fidi tagħna.  Il-Mulej jgħidilna llum:  “|ommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula, kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil sidhom jiġi mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi jħabbat jiftħulu malajr!”

     Hemm bżonn li bħala nsara nkunu on alert  għall-mod kif qed ngħixu aħna u kif se nimpenjaw ruħna fis-soċjetà li qed ngħixu fiha.  U għalhekk l-istennija ma tridx tkun waħda passiva iżda attiva b’impenn u ħidma.  Naraw id-differenza bejn dak il-qaddej fidil u l-qaddej imħawwad mingħajr ebda sens ta’ stennija.  Il-ħajja tagħna hija kollha stennija, mhux idejna fuq żaqqna iżda stennija ta’ fidi b’ħidma u fiduċja.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna silta li titkellem dwar dak il-lejl ta’ biża li fih seħħ l-aħħar u l-agħar kastig li laqat lill-Eġizzjani talli ma ridux jeħilsu l-poplu Lhudi.  Kien lejl iebes ta’ stennija b’fiduċja għall-poplu Lhudi.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 32, għandna għanja ta’ tifħir għall-Mulej li għażilna bħala l-poplu u l-wirt tiegħu.

     Fit-Tieni Qari, meħud mill-ittra lil-Lhud, għandna tifsira ta’ x’għandha tkun il-fidi tagħna, li hija l-pedament ta’ dak kollu li nwettqu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-parabbola li fiha Ġesù jqabbel dak kollu li jagħmel il-qaddej tajjeb ma’ dak li jwettaq il-qaddej il-ħażin.  Hemm messaġġ għalina lkoll biex inkunu dejjem imħejjija għal meta jsejħilna l-Mulej.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew tħoss li l-ħajja tiegħek hija mħejjija tajjeb għal meta se jsejjaħlek il-Mulej?
  2. Dan ma għandniex nagħmluh b’sens ta’ biża’, iżda b’sens ta’ mħabba kbira lejn dak Alla li huwa missierna u jrid biss il-ġid u s-salvazzjoni tagħna.
  3. Kemm tassew, kif smajna fit-Tieni Qari, qegħdin nibnu kollox fuq il-fidi tagħna nisranija? Kull proġett ta’ ħajjitna?
  4. Il-Mulej iridna nishru iżda fl-istess ħin naħdmu bla waqfien għas-saltna ta’ kulħadd bil-misssjoni u l-ħidma fdata lilu.

Id-Djalogu

  Mulej, inti għidtilna li inti

  IT-TRIQ, IS-SEWWA U L-ĦAJJA

  Għinna biex ilkoll kemm aħna nagħrfu

  li l-uniku mezz ta’ ħajjitna

  tkun inti,

  biex nersqu aktar lejk

  fix-xandir tas-Saltna ta’ Alla

  fil-ħidma tagħna ta’ kuljum.

  Grazzi talli tgħinna nwettqu dan.

read more

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT! – It-18-il Ħadd Matul is-Sena – 31 ta’ Lulju 2016

July 24, 2016

It-18-il Ħadd Matul is-Sena

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT!

Qoħelet  1,2:2,21-23;  Salm 94;  Kolossin 3:1-4, 9-10; Luqa 12:13-21

Il-Vanġelu

     Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.”  “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”  Mbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”  U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu.  U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!  Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.   Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”  Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’   Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

 

Il-Ħsieb

     Ħafna drabi norbtu qalbna f’din id-dinja ma’ tant affarijiet kbar u żgħar, ħafna minnhom ikunu materjali jew oġġetti jew anki persuni.  Niġu mogħmija li t-teżori tagħna jinsabu biss f’din id-dinja.  Quddiem il-mewt nindunaw li kollox jispiċċa jew kważi… dak li nkunu żrajna fis-sema m’hu se jintemm qatt speċjalment l-għemejjel ta’ karità u dak kollu li nostru għalina fis-sema.  Bil-kliem ta’ Qoħelet il-profeta, frugħa tal-frugħat, il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum iwissina u jħeġġiġna biex inkunu għaqlin u naħarbu mir-regħba li tista’ tfisser dak kollu li nkunu ħdimna għalih fil-ħajja tagħna.  Din hija twissija ferm attwali għal-lum b’mod speċjali meta tisma’ tant ġlied fuq il-wirt.  Nintilfu wara tant affarijiet ta’ din il-ħajja u ma nagħtux kas biex infittxu li naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Qohelet, il-messaġġ ċentrali huwa li dak kollu li jgħaddi ma jistax jimla qalb il-bniedem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 94, itenni li rridu nfasslu ħajjitna billi nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna wkoll messaġġ qawwi:  jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu rridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jwissi fuq ir-regħba u kif għandna naħdmu u ngħixu ħajjitna marbuta ma’ Alla fejn nostru t-teżor tal-ħidma tagħna.

Il-Ħajja

  1. Aħna rxuxtajna ma’ Kristu. Għalhekk miegħu biss irridu norbtu  qalbna u nfittxu biss il-ħwejjeġ tas-sema.  Dan jagħmel sens kbir fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna.
  2. Bħala nsara ħajjin hemm bżonn li nagħrfu li ma għandna qatt norbtu qalbna ma’ ħwejjeġ ta’ din id-dinja li jgħaddu. Hemm bżonn nibdew tassew inħobbu lil Alla billi nħarsu dak li jrid minna.
  3. Inti qed tiġma’ l-ġid għalik innifsek mingħajr ma tistagħna quddiem Alla?  Aghmel ftit eżami tal-kuxjenza.
  4. Hemm bżonn li kuljum nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna. Fejn qed inpoġġu l-prijorità ta’ l-għażliet tagħna u fejn qed nersqu lejn Alla.

Id-Djalogu

  Il-kliem tiegħek Mulej

  huwa spirtu u ħajja

  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

  Għinni nwettqu fil-ħajja tiegħi.


read more

TAF TITLOB? – Is-17-il Ħadd Matul is-Sena – 24 ta’ Lulju 2016

July 11, 2016

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

TAF TITLOB?

Ġenesi 18:20-22;  Salm 137;  Kolossin 2:12-14; Luqa 11:1-13

Il-Vanġelu

     Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”  U qalilhom: “Meta titolbu, għidu,

‘Missier, jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min

hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ “

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’  U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin  fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:  Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.   Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.  Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?   Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?   Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

 

Il-Ħsieb

     It-talb, kif naħsbu xi kultant, irridu nagħmluh bilfors, qisu kien xi rit kultwali obbligatorju għall-Insara kollha.  Iżda t-talb huwa mument ta’ relazzjoni intima mal-Ħallieq tagħna u ma’ l-Imgħallem tagħna.  Huwa djalogu, mument li fih tagħmel sħaring, qsim ta’ esperjenza mal-Mulej.  Kemm tassew qed inqisu lit-talb b’dan il-mod?   Kemm qed insibu ħin biex nitolbu fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inkunu nies ta’ talb fil-prijoritajiet tagħna d-dar, ix-xogħol, l-iskola?  S’intendi t-talb jitlob miegħu wkoll li nagħtu xhieda.  It-talb huwa ringrazzjament lil Alla għal dak kollu li jagħtina u mhux biss dak li rridu issa.  Irridu wkoll nitolbu biex niskopru r-rieda ta’ Alla fil-futur.

     Għalhekk illum il-Mulej jgħallimna nitolbu bit-talba tal-Missierna.  Hija talba li tiġbor kemm ir-ringrazzjament li rridu nagħtu lil Alla kif ukoll it-talb tagħna għal issa, għal dak li rċevejna u dak li se nirċievu.  Il-Mulej iħeġġiġna biex nitolbu.  Se nkomplu nibnu din ir-relazzjoni ħajja mal-Ħallieq kull ħin?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ġenesi, għandna djalogu bejn Alla u Abraham li fih toħroġ l-importanza tad-djalogu mingħajr waqfien.  Il-ħtieġa tat-talb narawha wkoll fis-Salm Responsorjali tal-lum fejn insibu li fil-jum li fih sejjaħtlek smajtni Mulej.  Il-Mulej jismagħna kull darba li nduru lejh.  San Pawl, fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Kolossin, juri li aħna se nsalvaw bil-grazzja ta’ Alla u mhux billi nħarsu l-liġijiet tar-Rabta l-Qadima.  Aħna nieħdu din il-grazzja tas-salvazzjoni fil-Magħmudija.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lil Ġesù jwieġeb għat-talba ta’ l-Appostli biex jgħallimhom jitolbu.  Huwa jgħallimhom il-Missierna li tiġi għalhekk il-mudell tat-talb kollu tagħna.  Ġesù jinsisti biex nitolbu kontinwament u b’hekk noħolqu rapport ta’ mħabba mal-Missier.

Il-Ħajja

  1. Liema huma l-mumenti ta’ talb kuljum fil-ħajja tiegħek personali? Tħossok li tingħaqad ma’ Alla fit-talb?
  2. Kemm qed inkunu nies ta’ talb u nitolbu li titwettaq ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna?
  3. Fid-dawl tat-talba tal-Missierna, it-talb tagħna qed ikun ukoll talb ta’ ringrazzjament u radd ta’ ħajr lil Alla jew nitolbu biss meta niġu daharna mal-ħajt?
  4. Fil-mument li aħna nitolbu u nippretendu li nsibu lil Alla Mħabba  lest li jgħinna, irridu nkunu lesti li ngħinu b’kull mezz lill-proxxmu tagħna.

Id-Djalogu

   Missierna li inti fis-smewwiet,

   jitqaddes ismek,

   tiġi saltnatek,

   ikun dak li trid inti

   fis-sema u fl-art.

read more