easter

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin (Sena Ċ) – 8 ta’ Ġunju 2025

May 22, 2025

Għid il-Ħamsin

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’

Atti 2:1-11; Salm 103; 1 Korintin 12,3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23

Il-Vanġelu

   Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

 

Il-Ħsieb

     L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’.  Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu.  Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess.  Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, ħafna drabi nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna.

     Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ.  Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu.

     Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin.  L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu.  L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof.  Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, naraw l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli kif kien iwiegħed Ġesù.  Fit-tieni parti l-Appostli joħorġu jippriedkaw lill-ġnus kollha b’lingwi differenti.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 103, insibu għanja ta’ radd il-ħajr għax permezz tal-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu l-Mulej beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna t-teoloġija ta’ San Pawl dwar l-Ispirtu s-Santu fejn jurina l-għaqda li fiha jrawwimna l-Ispirtu s-Santu.  Tgħammidna fi Spirtu wieħed biex insiru ġisem wieħed.  Din l-għaqda tispikka aktar fil-paċi li l-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu filwaqt li jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu kif insibu fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann illum.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu

     fl-għalqa tiegħu.  Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.

  1. Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-

     Mulej?  Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-

     jiem ta’ ħajjitna.  Qed inwettqu dan?

  1. Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?
  2. L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li

     nkunu ġebel ħaj fil-Knisja.  Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-

     impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum

Id-Djalogu

  Spirtu s-Santu,

  nitolbuk tinżel fina

  biex turina xi trid minna

  sabiex b’għemilna u ħidma

  nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.

 

read more

TELA’ JEW TELAQ? – Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Sena Ċ) – 1 ta’ Ġunju 2025

May 20, 2025

Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema

TELA’  JEW  TELAQ?

Atti 1:1-11, Salm 46;  Efesin 1:17-23, Luqa 24:46-53

 

Il-Vanġelu

      U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.” 

      Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.  Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

 

Il-Ħsieb

     Le, il-Mulej ma telax is-sema u ħalliena waħedna naqdfu għal rasna.  Il-Mulej ma telax fis-sema u ħalliena orfni nitqabdu mal-baħar ta’ ħajjitna.  Il-Mulej tela’ fis-sema u ħalliena xhieda tiegħu.  “Intom xiehda ta’ dan”, tenna.  Mhux biss, iżda sabiex isaħħaħ din ix-xhieda li aħna rridu nagħtu kuljum huwa se jibgħat Difensur biex idawwalna għal dak kollu li ngħidu u nwettqu.  Il-Mulej jibqa’ magħna dejjem, sa l-aħħar taż-żminijiet.  Huwa se jibqa’ jdawwalna bid-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, bil-preżenza tat-Trinità fil-ħajja tagħna, kif ukoll bil-qawwa ta’ l-Ewkaristija.  Dawn huma t-tliet festi li se niċċelebraw fil-Ħdud li ġejjin, proprju biex il-Mulej jurina li ma aħniex orfni.  Anzi aħna xiehda u rridu naħdmu u nkomplu x-xogħol li beda HU.  Ippreparati biex nagħmlu dan?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu li San Luqa jibda r-rakkont tal-ġrajja ta’ l-ewwel Knisja bl-istess rakkont li jagħlaq il-Vanġelu tiegħu, bit-tlugħ tal-Mulej fis-sema.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 46 insibu għanja ta’ ferħ lil Kristu li tela’ s-sema biex joqgħod fil-lemin tal-Missier.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, għandna t-talba ta’ San Pawl biex l-Insara jagħrfu dejjem aktar il-glorja u s-setgħa li biha Alla żejjen lil Ibnu Ġesù Kristu, li permezz ta’ din is-setgħa jimla kollox bil-glorja u s-setgħa tiegħu.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa jagħlaq fl-istess post fejn beda:  fit-tempju, id-dehra ta’ Kristu tiela’ s-sema.  F’dan il-Vanġelu għandna xbieha liturġika fejn Ġesù, bħala l-Qassis il-Kbir, refa’ idejh u berikhom, waqt li l-miġemgħa preżenti, id-dixxipli, inxteħtu fl-art jagħtuh qima.

Il-Ħajja

  1. 1. Intom xhud ta’ dan. Inħossuna xhieda ta’ dan il-messaġġ li rridu nxandru bħala nsara?
  2. Dan huwa t-testment u l-isfida li jagħti Ġesù lilna l-insara. Kemm tassew qed inkunu xhieda tiegħu sa truf l-art?  Kif qed inkunu xhieda tiegħu?  Inħossuh magħna fil-qadi ta’ dmirna?
  3. Ġesù ma ħalliniex waħedna. Se jibgħat Difensur.  Qed nagħmlu kuntatt ma l-Ispirtu s-Santu?
  4. Ġesù ma jridniex nibżgħu u naqtgħu qalbna għax Hu se jibqa’ magħna dejjem. Fl-Ewkaristija hemm preżenza ta’ fejqan u saħħa għal xandir kull ħin tal-kelma tiegħu.  Kemm qed nagħmlu użu minnha?

Id-Djalogu

     Mulej, inti tridna nkunu xhieda tiegħek,

     agħmel, Mulej, li nifhmu

     tassew fejn tridna naħdmu

     biex ma nitbiegħdu qatt

     minn dak li inti tridna nwettqu.

read more

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX! – Is-Sitt Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 25 ta’ Mejju 2025

May 10, 2025

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX!

Atti 15: 1-2, 22-29; Salm 66;  Apokalissi 21:10-14, 22-23; Ġwanni 14, 23-29

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

      “Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.  Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.  Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.  U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu

 

Il-Ħsieb

     Illum Ġesù jagħtina messaġġ ieħor ċar li fuqu għandna nfasslu l-proġetti ta’ ħajjitna.  M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nħobbu lil Ġesù jekk wara ma nħarsux il-kelma tiegħu għaliex hija din il-kelma li tagħtina l-ħajja kull ħin.  Jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u ma nagħtux każ tat-tagħlim u l-kliem tiegħu, ħajjitna tkun bla fil, bla fidi.

     Il-Mulej jaf li s-sitwazzjoni tal-fidi tagħna ħija waħda prekarja.  Jaf li ħafna drabi nwegħdu ħafna iżda wara ma nagħmlu xejn.  Ħafna drabi lill-Mulej nuruh biss li nħobbuh bil-kliem biss. Huwa għalhekk importanti li fid-dgħufija tagħna l-Mulej jibgħatilna Difensur li jsaħħaħna fl-għajxien kuljum tal-fidi tagħna fil-pożizzjoni li għandna fis-soċjetà.  U dan jgħodd għal kulħadd, kemm min iġorr responsabbiltà ta’ familja kif ukoll dawk li jġorru responsabbiltajiet ta’ tmexxija għolja fil-pajjiż.

     Id-Difensur li se jibgħatilna jgħallimna kollox u jfakkarna dak kollu li Ġesù qalilna.  Din hija l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li se jdawwal il-Knisja u jdawwal il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Iżda kemm tassew aħna konvinti minn dan?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn insibu li fil-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet kienet qamet kwistjoni dwar jekk il-pagani li jikkonvertu għandhomx jgħaddu mir-riti tar-reliġjon Lhudija.  Il-Knisja ta’ Antijokja għaddietha lill-knisja f’Ġerusalemm u sar l-ewwel Konċilju li stieden lil kulħadd għall-għaqda u l-imħabba, għax fil-Knisja ma jeżistux Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu  Ġesù.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 66, jurina li għaliex aħna magħqudin ma’ Kristu għandna sehem mill-barkiet imwegħda fl-imgħoddi minn Kristu nnifsu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, jittratta s-sbuħija tal-Knisja u jħares lejha meta tilħaq il-milja tagħha fis-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum għandna lil Ġesù jgħid li Alla nnifsu jiġi joqgħod fina meta aħna lkoll inwettqu l-kelma tiegħu.  Hija l-preżenza Trinitarja li tmexxina.  Din hija l-imħabba kbira li Ġesù jwiegħed lilna jekk inħobbuh bil-fatti u bl-għemejjel tagħna.

Il-Ħajja

  1. Ilkoll kemm aħna ntennu li nħobbu lil Ġesù. Din mhix risposta għal domanda li konna nwieġbu fil-klassi tal-katekiżmu.  Hija d-domanda għall-ħajja tagħna lkoll.  Kemm tassew qed nemmnu u nwettqu din l-imħabba fl-għemejjel tagħna ta’ kuljum?
  2. Irridu bħala Nsara nitolbu u naħdmu għall-unità fil- Knisja. Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm ġie mtenni li fil-Knisja m’hemmx Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu.  Qed naħdmu u nitolbu bħala Nsara għal dan?
  3. Ġesù jwiegħed Difensur biex jgħinna nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla. Kemm qed nitolbu u niddjalogaw ma’ dan id-Difensur?
  4. “Tħallux li qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’.” Kif nistgħu nagħmlu dan jekk tassew ma jkunx hemm il-preżenza ta’ Alla l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fina?
  5. M’għandniex triq oħra… jekk tassew irridu nħobbu lill-Mulej irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu u jkollna l-ħajja bil-kotra.

Id-Djalogu

  Mulej, illum stedintna biex

  ma nitħawdux u ma nibżgħux;

  taf li aħna bnedmin.

  Għinna sabiex naċċettaw aktar il-kelma tiegħek,

  u ngħixu ħajjitna miegħek

  sabiex tkun dejjm magħna.

read more

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA – It-5 Ħadd tal-Għid (Sena Ċ) – 18 ta’ Mejju 2025

May 5, 2025

It-5 Ħadd tal-Għid

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA

Atti 14:21-27; Salm 144; Apokalissi 21:1-5; Ġwanni 13:31-33a,34-35

Il-Vanġelu

      Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla.  Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.  Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”

 

Il-Ħsieb

     Fil-mixja tagħna wara l-qawmien tiegħu mill-mewt Ġesù jibqa’ jwasslilna messaġġi għal bidliet radikali fil-ħajja tagħna.  Il-mumenti tal-Passjoni, Mewt u Qawmien li wettaq għall-umanità kollha, Ġesù wettaqhom mhux bi dmir iżda biex juri lill-umanità sa fejn tasal l-imħabba lejn min tkun tħobb.  Fil-ħajja tagħna jgħaddu mumenti li nħobbu lin-nies, iżda kemm huma dawk il-mumenti li tassew nagħrfu li qed inħobbu b’dik l-imħabba li ppriedka Ġesù, imħabba bbażata fuq ġrajjiet li xi kultant iweġġgħu biex tgħaddi minnhom iżda li twettaqhom minħabba li inti tħobb lil Ġesù jew lill-proxxmu tiegħek?

     Il-Mulej qed jagħti dan il-kmandament ġdid wara li ħareġ miċ-ċenaklu u qabel ma jibda l-passjoni.  Kien jaf x’inhu ġej.  Kien jaf li l-Appostli se jitwerwru.  Ried iħalli testment li għadu validu sa llum.  Iżda kemm tassew nafu nħobbu aħna?  Kemm tassew qed inħobbu mingħajr interess ta’ xejn?  Tieħu gost tara l-ħidmiet fis-soċjetà tagħna:  lill-ħaddiem li jaqdi dmiru sew fuq il-post tax-xogħol, lill-ulied li jħobbu lill-ġenituri tagħhom, lil tant nies li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat kuljum għax iħobbu, tant reliġjużi li jħallu l-familja tagħhom biex jingħaqdu f’komunità għall-ġid ta’ ħuthom il-bnedmin.  Iridu nħobbu kif ħabbna Hu!

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn għandna r-rakkont tat-tmiem ta’ l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba u kif dawn reġgħu lura u żaru l-komunitajiet ta’ dawk l-insara li laqgħu l-Kelma ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, juri li l-Mulej huwa tajjeb u ħanin.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, għandna dehra ta’ Ġerusalemm tas-sema li se tiġbor fiha, permezz tal-ġebel ħaj tagħha, lil dawk li għaddew mhux mill-baħar tal-qasab jew mill-Ġordan iżda mill-baħar tal-ħażen u minn ħafna tbatijiet biex jingħaqdu ma’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jagħmel l-aħħar diskors tiegħu lill-Appostli qabel iħallihom.  Huwa jgħidilna xi tfisser tħobb.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej ħabbna mingħajr limiti! Tana Ġismu u Demmu.  ċarċar sa l-aħħar qatra ta’ demmu…. jiena u inti nħobbuh?
  2. Kemm tassew qed inħobbu kuljum lil Ġesù fil-proxxmu tagħna? Qed inħossu l-preżenza tiegħu f’nofsna bix-xhieda tagħna?
  3. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” Qed jagħrfuna n-nies ta’ madwarna li aħna tassew dixxipli.
  4. L-imħabba lejn Ġesùtidher ukoll mill-imħabba u l-ħidma fil-Knisja mwaqqfa minnu u fis-soċjetà tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej Ġesù

  għallimni nħobb tassew,

  u ma nagħmilx karikatura

  mill-imħabba lejn il-proxxmu tiegħi.

  Grazzi ta’ mħabbtek, Mulej!

read more

QAWMIEN LI JAGĦTI GARANZIJA – L-Għid il-Kbir – 20 t’April 2025

April 19, 2025

Il-Jum Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet

QAWMIEN  LI  JAGĦTI  GARANZIJA

Atti 10:34a, 37-43; Salm 117; Kolossin 3:1-4; Ġwanni 20:1-9

Il-Vanġelu

      Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”  Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.  It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.  Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm,  u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.  Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

 

Il-Ħsieb

     Il-Mulej qam tassew.  Il-kliem tiegħu saru ġrajja ta’ ferħ għall-umanità kollha.  Is-salvazzjoni feġġet u ssaħħet bil-qawmien
tiegħu fuq il-mewt.  Din hija l-akbar ġrajja u garanzija għalina li l-Mulej qam tassew mill-imwiet biex iqajjem lilna mill-mewt, mid-dnubiet, mill-medjokrità tal-ħajja.  Iżda aħna, bħala Nsara, konvinti li dan il-qawmien Ġesù kisbu mhux għalih iżda għalina?  Kisbu biex jagħtina garanzija li lkoll kemm aħna nistgħu niksbu l-qawmien wara din il-ħajja permezz ta’ l-għajxien u l-fiduċja tagħna fih?  Kemm tassew aħna nies li qed nemmnu li Ġesù qam tassew u jimxi magħna kuljum fil-ħajja tagħna f’dak kollu li nwettqu, u nagħmlu dak li qalilna u li nsibu fil-kelma li tagħti l-ħajja fil-Vanġelu?  Iva, illum huwa jum kbir ta’ ferħ għal dawk kollha li tassew qed jgħixu l-fidi nisranija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Il-Kelma

     L-ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.  Jirrakkonta l-ġrajja tal-predikazzjoni ta’ l-appostlu li hija bbażata fuq il-passjoni, mewt u qawmien ta’ Kristu, li fih huwa miġbur il-misteru ta’ l-Għid.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 117, hija għajta ta’ ferħ lill-Mulej li fih insibu tjieba li tibqa’ għal dejjem.  It-Tieni Qari, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, għandna stedina li, jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu fil-ħajja tagħna, irridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema, u għalhekk hemm bżonn li ma nintrabtux mal-ħwejjeġ ta’ l-art.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dehra ta’ Ġesù lid-dixxipli ta’ Għemmaws.  Kienu dixxipli mbeżżgħin iżda malli għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż tar il-biża’ minn fuqhom.

Il-Ħajja

  1. Id-dixxipli ta’ Għemmaws ma fehmux l-Iskrittura. Kienu mbeżżgħin.  Iżda neħħew kull biża’ kif għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-Ħobż.  Possibbli li aħna li mmorru tant quddies nibqgħu mbeżża’ nuru li tassew aħna nsara?
  2. Kemm tassew illum, l-GĦID IL-KBIR, irringrazzjajna lill-Mulej tal- qawmien-garanzija li huwa tana li aħna m’aħna se mmutu qatt?
  3. Ġesù jridna nxandru dan il-qawmien lil dawk ta’ madwarna. Kif se timpenja ruħek mil-lum ’il quddiem biex tħeġġeġ u xxandar lill-familja tiegħek, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, li Ġesù qam tassew?
  4. L-Għid huwa wkoll il-festa li turina li l-kliem tal-Mulej huwa verità assoluta għal ħajjitna. Nistgħu nagħmlu wegħda magħna nfusna li ndaħħlu aktar il-Kelma ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna?
  5. Kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra lill-Kolossin: Hemm bżonn urġenti għalina li naħsbu u nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema u mhux nintrabtu ma dawk ta’ l-art.

Id-Djalogu

  Grazzi Mulej

  tal-qawmien li għoġbok toffrilna.

  Grazzi Mulej

  li qajjimtna miegħek sabiex nikbru fil-kuraġġ

  ta’ għajxien ħaj tal-fidi tagħna.

read more

FLIMKIEN GĦALINA – Festa tat-Trinità Mqaddsa [B] – Il-Ħadd 26 ta’ Mejju 2024

May 25, 2024

Festa tat-Trinità Mqaddsa

FLIMKIEN GĦALINA

Dewteronomju 4,32-34,39-40; Salm 32; Rumani 8: 14-17; Mattew 28: 16-20

Il-Vanġelu

     Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

Il-Ħsieb

 

U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien
    Il-festa tat-Trinità li niċċelebraw Ħadd wara l-festa ta’ Pentekoste forsi ftit li xejn tqajjem fina interess u devozzjoni.  Hija festa li lkoll kemm aħna niċċelebraw forsi mingħajr ma nifhmu.  Xi wħud qed jgħidu u jserrħu l-kuxjenza tagħhom:  it-Trinità hi misteru;  Mela xi rridu nifhmu minnha?  Hemm ħafna x’tifhem; s’intendi mhux il-misteru għax inkella ma jissejjaħx iżjed misteru.  Nifhmu li t-Trinita Mqaddsa qiegħda għas-servizz tagħna lkoll.  It-Trinità Mqaddsa qiegħda hemm biex ilkoll kemm aħna nifhmu l-preżenza trinitarja mhux biss fid-dinja iżda b’mod personali fina lkoll.  Tliet persuni f’Alla wieħed, bl-unika missjoni li hi l-imħabba lejna b’mod uniku u personali.  Il-Missier bħala l-Ħallieq ta’ l-Univers, li bagħat lil Ibnu biex isalvana mill-ġdid u l-Ispirtu s-Santu d-Difensur biex jissiġilla din l-imħabba.  Il-miraklu ta’ kuljum m’huwiex misteru.  Hu miraklu li l-ħajja tagħna hija mmarkata minn dawn it-Tliet Persuni b’ħidma ta’ Alla wieħed.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, insibu li Alla fil-ġrajja tal-bniedem wera ruħu bil-kliem u bl-għemil bħala Alla li jeħles lill-bniedem mill-jasar u li jagħmel Patt miegħu.  It-tweġiba li jistenna Alla hija li nħobbu u nobdu l-kmandamenti tiegħu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 32 li huwa Salm ta’ tifħir għax il-Mulej għażel poplu għalih biex iwettaq il-pjan ta’ salvazzjoni għall-ġnus kollha.

     San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, fit-Tieni Qari tal-lum, jagħtina s-servizz li t-Trinita Mqaddsa wettqet u twettaq kuljum għall-umanità.  Ulied Alla tassew huma dawk li l-Missier ħalaq u jħobb, li l-Iben feda u li l-Ispirtu s-Santu jmexxihom biex fihom ikomplu l-ħajja u l-missjoni ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu s-silta, li tagħlaq dan il-Vanġelu, fejn Ġesù juri li permezz tat-Trinita Mqaddsa dawk kollha li jemmnu jkunu magħquda mal-poplu ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Bħala Nisrani qatt ħassejt fil-ħajja tiegħek preżenza ħajja tat-Trinità Mqaddsa?  Kemm temmen fiha kull darba li trodd is-Salib:  Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu?
  1. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma lkoll flimkien fil-qadi ta’ l-umanità, fil-qadi tal-ħajja personali tiegħi u tiegħek.  Kemm qed nifhmu dan?  Kemm qed nitolbu lilhom bil-qalb?
  1. Ilkoll kemm aħna rridu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nitkellmu fl-Isem tal-Missier, ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba fid-dinja tagħna.

Id-Djalogu

  Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu

  l-imħabba ta’ Alla,

  u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu,

  tkun magħna lkoll.

read more

IL-MIĠJA TAD-DIFENSUR – Għid il-Ħamsin – Il-Ħadd 19 ta’ Mejju 2024

May 11, 2024

Festa ta’ Għid il-Ħamsin

IL-MIĠJA TAD-DIFENSUR

Qari: Atti (2: 1-11)
Salm Responsorjali: Salm 103
II Qari: Galatin (5: 16-25)
Sekwenza
Evanġelju: Ġwann (15: 26-27; 16: 12-15)

 

 

Evanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu. Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”

 

Il-Ħsieb

Sfiduċjati!  Kemm-il darba aħna l-Insara nħossuna sfiduċjati minn dawk ta’ madwarna.  Iżolati! Kemm-il darba nħossuna waħedna anki fl-istess komunità ekkleżjali u parrokkjali tagħna.  Huma mumenti ta’ dlam, mogħdijiet ta’ dlamijiet li jkollna ngħaddu minnhom u l-fidi tagħna tbati magħna.  Xi kultant inħossuna nagħżqu fl-ilma.  Il-Mulej daħal fl-istorja tagħna u għaraf l-umanità fraġli tagħna.  Għalhekk bagħtilna DIFENSUR.  Bagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħ fina l-għemil tagħna.  Fil-fatt mill-Vanġelu tal-lum naraw li l-ewwel ħaġa li jwettaq il-Mulej Ġesù kif jidher lill-Appostli huwa li jagħtihom il-paċi filwaqt li jurihom idejh.  Il-paċi, ried jgħidilhom Ġesù, ma tiġix mix-xejn; trid tbati għaliha kif għamel Hu fuq is-Salib.  Huwa wara tahom is-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inaddfu d-dnubiet tal-popli.  Il-festa tal-lum tista’ titqies bħala l-magħmudija tal-Knisja – il-mument fejn il-Bxara

t-Tajba bis-siġill ta’ l-Ispirtu s-Santu bdiet titwassal lill-ġnus kollha.  L-Appostli mtlew b’kuraġġ kbir.

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna żewġ siltiet.  Fl-ewwel waħda l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u t-tieni waħda hija kif diversi ġnus bdew jisimgħu l-Aħbar it-Tajba mingħand l-Appostli u jikkonvertu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 103 fejn għandna l-ħsieb li bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu Alla beda jġedded kollox.

 

Il-Ħajja

  1. Il-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u fuqna lkoll

hija konferma li l-wegħdiet tiegħu l-Mulej iżommhom.

  1. Ilkoll kemm aħna għandna dan id-DIFENSUR li jħarisna

u jilluminana kontinwament.  Iżda kemm nitolbuh lill-

Ispirtu s-Santu?

  1. L-Ispirtu s-Santu jagħmilna lkoll ġisem wieħed. Kemm

qegħdin nagħrfu din il-qawwa li tinsab fina?

  1. Il-festa tal-Pentekoset trid tiftħilna għajnejna dwar il-

qawwa li aħna l-Insara għandna tal-possibiltà kbira ta’

maħfra li jagħtina l-Mulej biex inaddafna kull ħin.

 

Id-Djalogu

Ejja Spirtu s-Santu

imla l-qlub tal-fidili tiegħek,

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

read more

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK! – Is-6 Ħadd tal-Għid [B] – 5 ta’ Mejju 2024

April 27, 2024

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK!

Atti 10: 25-26, 34-35, 44-48; Salm 97; 1 Ġwanni 4, 7-10; Ġwanni 15: 9-17

Il-Vanġelu

 Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.

“Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kull ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom.  Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.

Il-Ħsieb

ħobbu lil xulxin
     Fil-mixja tagħna matul iż-żmien ta’ l-Għid rajna ħafna drabi lill-Mulej ikellimna bil-ġrajjiet ta’ mħabbtu qabel il-kliem tiegħu.  San Ġwann, fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra tiegħu, itenni li għandna nħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla.  Iżda meta tisma’ stejjer dwar abbużi tat-tfal, tifrik u ġlied fil-familji wara ftit snin ta’ ħajja miżżewġa, meta tisma’ nies li jiġġakbinaw lil xulxin fuq il-post tax-xogħol, meta tara stejjer ta’ aħwa mifruda għal snin sħah minn xulxin minħabba xi ġlieda jew nuqqas ta’ qbil… dan kollu jindika li għadna lanqas bdejna nifhmu xi jrid il-Mulej minna, xi jrid jgħidilna l-Mulej meta jtenni li għandna nħobbu kif ħabbna hu.

     Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna nagħmlu deċiżjonijiet ċari meta ngħidu li nħobbu lil xi ħadd.  Tħobb ma jfissirx li tibgħat xi kartolina, iżda jfisser li int tagħmel minn kollox għal dik il-persuna, saħansitra tkun lest li titlef ħajtek.  Madre Tereża ta’ Calcutta tgħidilna li tħobb ifisser li tibqa’ toffri lilek innifsek sakemm tbati.  Iżda l-Vanġelu falz li qed tippriedka d-dinja huwa Vanġelu li jedifika l-egoiżmu tal-persuna umana, huwa indikazzjoni biex tikber inti u ċċekken lil ta’ madwarek.  Għalhekk, anki llum, is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu għadu skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna pass importanti fl-istorja tal-Knisja meta jiġi kkonvertit u mgħammed l-ewwel wieħed li ma kienx Lhudi:  Kornelju.  San Pietru jgħid li Alla jilqa’ lil dawk kollha li għandhom il-biżà t’Alla, jiġifieri li jixtiequ jwettqu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħhom u jixtiequ jagħmlu s-sewwa.  Is-salvazzjoni ta’ Kristu hija miftuħa għal kulħadd.  Hekk itenni s-Salm 97 meta jgħid li l-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann li ntennu fit-tieni qari tal-lum għandna lil San Ġwann jgħidilna li Alla huwa mħabba u l-għajn ta’ kull imħabba.  Din it-tema tiġi żviluppata fil-Vanġelu tal-lum meħud minn San Ġwann li jtenni li din l-imħabba dehret fil-persuna u l-ħidma ta’ Ġesu Kristu.

Il-Ħajja

  1. Alla huwa mħabba. Din l-imħabba tahielna bħala wirt. Nafu x’inhi l-imħabba?
  2. Kemm qed ngħixu l-imħabba vera mal-proxxmu tagħna fil-ħajja ta’ kuljum?
  3. Kemm inti lest biex tkompli tħobb?
  4. “Sejjaħtilkom ħbieb”, jgħid il-Mulej.  Tħoss li l-Mulej tassew huwa l-ħabib tiegħek?
  5. “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu f’imħabbti”. Hekk qal il-Mulej. Kemm qed nippruvaw ngħixu dan il-kmand?
  6. Jekk fl-imħabba ma jkunx hemm tbatija, din m’hi mħabba xejn. Ħares lejn Kristu Msallab.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nħobb,

  u nagħraf imħabbtek kuljum għalija.

read more

IL-BIDWI, ID-DIELJA, IL-FROTT… U INT! – Il-5 Ħadd tal-Għid [B] – 28 t’April 2024

April 26, 2024

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

IL-BIDWI, ID-DIELJA, IL-FROTT… U INT!

Atti 9:26-31; Salm 21: 24ab,26b,27; 28-30ab; 30c-32; 1 Ġwanni 3:18-24; Ġwanni 15: 1-8

Il-Vanġelu

“Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba  l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.  Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.  Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.”

Il-Ħsieb

     Il-bidwi jnaddaf id-dielja li diġà tagħmel il-frott sabiex tagħmel aktar frott.  Din hija spjegazzjoni tal-misteru li qegħdin ngħixu bħalissa fi żmien il-Għid, l-istess misteru li

ngħixu permezztal-magħmudija tagħna.  Irridu nifhmu li s-saħħa tagħna kollha hija l-Mulej.  Ma nistgħux nagħmlu frott jekk ma nibqgħux marbutin maz-zokk li huwa Ġesù. Huwa Ġesù li minnu nirċievu s-saħħa tagħna lkoll.  Mingħajr il-Mulej ma nistgħu nagħmlu xejn!

Din hi l-glorja ta' Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.
     Ma nafx kemm aħna konvinti minn dan, iżda jeħtieġ li nifhmu li l-Mulej huwa dak li jitfa’ fina l-ħajja.  Huwa l-Mulej li miegħu nistgħu lkoll kemm aħna nifhmu x’inhi r-rieda tiegħu fil-ħajja tagħna.  Huwa l-Mulej li permezz tal-Magħmudija u tas-sagramenti jnaddafna sabiex nagħtu aktar frott, sabiex ngħixu ħajjitna fit-tama, sabiex ngħixu u nagħtu xhieda, permezz ta’ l-istess ħajja tagħna, ta’ dak li nemmnu fih.  Huwa dan l-uniku mod li nkunu dixxipli tiegħu jekk tassew nitolbu lill-Missier u huwa jagħtina l-frott.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna r-rakkont ta’ meta San Pawl niżel Ġerusalemm wara li kkonverta u l-Insara beżgħu minnu, s’intendi minħabba l-passat tiegħu.  Barnaba jaqbeż għalih u wera kif Pawlu wkoll kien appostlu tal-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali nsibu li l-Aħbar it-Tajba li qed inxandru llum hi aħbar ta’ salvazzjoni li tana Ġesù stess.  Fit-Tieni Qari, San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu jgħidilna biex ma nħobbux bil-paroli iżda bil-fatti, bl-għemil ta’ ħajjitna.  Minn hawn nintgħarfu kemm aħna dixxipli ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann Ġesù jurina kif nistgħu nkunu dixxipli tiegħu u nagħmlu l-frott li jibqa’.

Il-Ħajja

  1. Kemm aħna marbutin sew maz-zokk li huwa Kristu? Kemm tassew qed nixorbu mill-għeruq ta’ dan iz-zokk li jwassal il-ħajja lill-friegħi tad-dielja?
  2. Kemm qed nagħtu każ tal-periklu kbir li z-zokk jinqata’ u jinxef mingħajr ħajja?
  3. Il-Mulej iridna, minkejja d-difetti tagħna, dixxipli ħajjin li jagħtu l-fortt. Hu importanti li nifhmu s-sagrament tal-Magħmudija li rridu ngħixu kuljum, li rridu mmewtu fina kuljum kull sens ta’ għira u ambizzjonijiet biex jidher hu fl-għemil tagħna.
  4. Kif itenni San Ġwann, għandna nħobbu mhux bil-paroli u t-tpaċpiċ iżda bl-għemil tagħna. Hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna llum jagħmel eżami tal-kuxjenza dwar dan.
  5. Itolbu kulma tridu u jkun mogħti lilkom. X’xe tagħmel? Taf titlob?

Id-Djalogu

  Mulej,

  nixtieq li nżomm dejjem miegħek,

  biex tgħin id-dgħufija tiegħi,

  u nagħraf nikber u nagħmel il-frott

  bħala dixxiplu veru tiegħek.

read more

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ – Ir-4 Ħadd tal-Għid [B]- 21 ta’ April 2024

April 15, 2024

Ir-4 Ħadd tal-Għid

Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ

Atti 4:8-12; Salm 117; 1 Ġwanni 3: 1-2; Ġwanni 10: 11-18

Il-Vanġelu

     Jiena r-ragħaj  it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.  Il-mikri, li m’huwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ m’humiex tiegħu, jara  l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ. Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.  Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed. Għalhekk iħobbni  l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri.”

Il-Ħsieb

     Ninsabu ngħixu f’soċjetà mimlija frażijiet sbieħ ta’ tmexxija – leader-ship, human resources, management, terminoloġija li tenfasizza l-importanza li l-bniedem tal-lum ikollu sens ta’ direzzjoni qawwi.  Iżda għaliex naraw tant nies li jevadu l-problemi ta’ ħajjithom; tant nies li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu; tant nies li lkoll kemm huma jinsabu mfarrka għax ma għandhomx  ideal fil-ħajja tagħhom, jew aħjar, għax l-ideal kien wieħed biss materjali li tfarrak ma’ l-ewwel maltempata?

     Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jħares sew il-merħla tiegħu.  Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jersaq lejn il-merħla u jagħti sens ta’ direzzjoni ċara fil-ħajja.  Huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jaf tassew x’qed iħossu n-ngħaġ tiegħu, speċjalment dawk li ilhom żmien twil muġugħa u ma jitkellmux.  Ir-ragħaj li huwa biss imħallas, kif jara l-maltemp u l-inkwiet, jaħrab.  Iżda r-Ragħaj it-Tajjeb jibqa’.  Kemm aħna konxji ta’ dan?  Kemm tassew nagħrfu li mal-Mulej hemm il-kenn u s-serħan tagħna?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna lil San Pietru jwieġeb lis-Sanhedrin dwar il-fejqan tar-raġel magħtub.  Huwa jtenni li dan il-fejqan seħħ bis-saħħa ta’ Kristu li qam mill-imwiet.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, insibu għanja ta’ tifħir għal dak li għamel il-Mulej bis-saħħa ta’ Ibnu.  It-Tieni Qari tal-lum huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann fejn jurina x’aħna tabilħaqq – aħna l-maħbubin ta’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.  Hija ħajja li r-Ragħaj jagħti biex isalva n-ngħaġ tiegħu u biex jipproteġihom.

Il-Ħajja

  1. Nistgħu nissejħu wlied Alla, jgħidilna San Ġwann fit-Tieni Qari tal-lum.  Iżda veru li nixtiequ nissejħu hekk?  Għandna xewqa fina biex nissejħu wlied Alla?
  1. Kemm tassew qed ikollna sens ta’ direzzjoni ċċentrat fuq dak li wettaq Ġesù f’dak kollu li nagħmlu fil-ħajja tagħna?
  1. Jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi. Il-Mulej jaf min aħna u jaf id-dgħufija tagħna x’inhi u lest jipproteġina.
  1. Hemm bżonn ukoll li nitolbu aktar għall-mexxejja tal-Knisja u biex il-Mulej jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu.  Din hija responsabbiltà tal-Komunità nisranija  kollha.

Id-Djalogu

  Mulej, irrid dejjem nimxi warajk.

  Ħarisni mill-perikli tal-ħajja,

  sabiex dejjem nibqa’ fil-merħla tiegħek.

read more