sena-a

DAN HU! – It-2 Ħadd matul is-sena A – 18 ta’ Jannar 2026

January 9, 2026

It-2 Ħadd Matul is-Sena

DAN HU!

Isaija 49:3, 5-6; Salm 39;  Korintin 1:1-3; Ġwanni 1,29-34

Il-Vanġelu – Il-Ħaruf ta’ Alla

L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael.” U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.  Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla.’ “

Il-Ħsieb

Kemm tassew qed ikollna kuraġġ nuru lil Ġesù lill-oħrajn?  Kemm qegħdin nifhmu li Ġesù huwa l-Ħaruf t’Alla li bata u miet għalina?  San Ġwann il-Battista kien konvint u xandar dan il-fatt.  Aħna l-insara mmarkati bis-salvazzjoni li kiseb għalina l-Ħaruf t’Alla.  Imma kemm tassew qegħdin inxandru dan il-fatt ma’ l-oħrajn?  L-għajta li ntennu llum fis-Salm Responsorjali turi jekk fhimniex jew le dak li jrid minna dan il-Ħaruf.  “Hawn jien Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.”  Hemm bżonn li bħala Nsara mgħammdin nifhmu dak li jrid Alla minna u nwassluh lill-oħrajn mingħajr dewmien żejjed!

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, insibu li l-qaddej t’Alla huwa msejjaħ Israel għaliex huwa l-aktar rappreżentant tal-poplu ta’ Israel.  Huwa fuq dan il-qaddej li Alla juri l-glorja tiegħu.  Fuq din l-istess tema, bħalma l-Iben ta’ Alla jwieġeb għas-sejħa tal-Missier, is-Salm 39 jurina li għandna nwieġbu mingħajr limiti għas-sejħa tal-Mulej.  Din is-sejħa wkoll hija waħda għall-qdusija, kif ifakkar San Pawl lill-Insara ta’ Korintu fil-bidu ta’ l-Ittra li kitbilhom.  Fil-bidu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġwanni l-Battista juri l-wasla tal-Ħaruf t’Alla li huwa l-istess qaddej t’Alla.

Il-Ħajja

  1. Il-Knisja hija s-sagrament tas-salvazzjoni tal-ġnus u aħna l-qaddejja u l-ministri ta’ dan.
  2. Il-kundizzjoni tan-nisrani mgħammed fid-demm tal-Mulej hija kundizzjoni ta’ servizz.
  3. Il-Ħaruf t’Alla ġie biex ineħħi d-dnubiet.  Taf tassew x’inhu d-dnub jew tlifna kull sens ta’ dnub?
  4. Id-dnub mhux biss hu att kontra l-liġi imma t-tifrik ta’ l-armonija bejn il-bniedem u Alla.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

iftaħli għajnejja biex nagħraf dnubieti!

 

read more

OBDEW! – Ir-4 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 21 ta’ Diċembru 2025

December 6, 2025

Ir–4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA U ĠUŻEPPI:  OBDEW

Isaija 7:10-14, Salm 23; Rumani 1,1-7; Mattew 1,18-24

Il-Vanġelu: It-twelid ta’ Ġesù Kristu

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.  Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu.  Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: 

‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’,

Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.  Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Ħsieb

Alla magħna
Ir-riflessjoni tagħna fuq Ġużeppi u Marija m’għandhiex tkun biss dik ta’ personaġġi importanti fil-ġrajja ta’ Betlem, iżda rridu nħarsu lejhom bħala nies li, minkejja li tħawdu quddiem il-proposta ta’ Alla, ħadu r-risku u qalu iva.  Iva li għexuha kull ħin…. F’dan id-dawl irridu nagħmlu riflessjoni personali tagħna f’dan ir-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent.  Il-Milied wasal u jintemm jekk fil-fond ta’ qalbna ma nagħmlux is-Sejba ta’ Ħajjitna – dik li niskopru x’inhi r-rieda t’Alla. Skoperta li trid tagħmel minna appostli ħajjin ta’ din il-bxara t-tajba.

Il-Kelma

It-twelid minn xebba, ta’ iben min-nisel ta’ David, li se jkun GħimmanuEl, li tfisser Alla magħna, insibuh fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  U għalhekk għandna nilqgħu lill-Mulej kif itenni s-Salm 23 -“Ħa jidħol il-Mulej;  Hu s-Sultan tal-Glorja”. kif insibu wkoll fil-bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna ġabra tat-tagħlim ta’ l-Insara ta’ l-ewwel żminijiet, fejn il-Vanġelu huwa t-twettiq tar-rabta l-Qadima.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu lil Marija, l-Għarusa ta’ Ġużeppi Bin David, li twelled lil Ġesù.

Il-Ħajja
  1. Ġużeppi u Marija obdew ir-rieda ta’ Alla.  Kemm tassew qed nagħmlu hekk aħna?
  2. Għimmanu-El – Alla magħna.  Temmen inti dan?
  3. Alla jwettaq dak li wiegħed permezz tat-twelid ta’ Ibnu.  Kemm tħossok li inti tifforma parti ħajja mill-pjan tas-Salvazzjoni?
  4. Ma nibżgħux mill-mumenti iebsa.  Qabel qalu IVA, Marija u Ġużeppi kienu mħawda.
.
Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għallimni nirbaħ il-biża’ u ngħidlek IVA kuljum.

 

read more

IL-BXARA T-TAJBA WASLET – It-3 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 14 ta’ Diċembru 2025

December 6, 2025

It-3 Ħadd ta’ l-Avvent

IL-BXARA T-TAJBA WASLET

Isaija 35:1-6a,10; Salm 145; Ġakbu 5:7-10, Mattew 11:2-11

 Il-Vanġelu

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub:

‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

 Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

 Il-Ħsieb

Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!
Iva.  Il-Bxara t-Tajba waslet u qed titħabbar lil kulħadd, anki lilek u lili.  Il-Mulej ġie b’mod speċjali għal dawk li għandhom bżonnu.  Huwa għal dan il-għan li din il-preparazzjoni ta’ l-Avvent irridu neħduha bis-serjetaÏ.  L-isfortuna tagħna tista’ tkun li jgħaddi dan il-mument u nibqgħu fejn aħna.  Biex naslu għall-bxara t-tajba rridu ngħaddu mid-deżert, anki jekk neħduha kontra l-kurrenti li jdawruna.  Huwa għalhekk li rridu ntennu kull ħin il-frażi tas-Salmista:  “Ejja Mulej ħa ssalvana”.

Il-Kelma

Il-ferħ tal-ħelsien mill-jasar tad-deżert hija t-tema ċentrali ta’ l-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tal-Profeta Isaija.  Huwa l-ħelsien li se jikseb għalina l-Messija, f’dan il-Milied.  Il-Messija se jfejjaqna mill-ħażen tal-ħajja: huwa għalhekk f’waqtu li fis-Salm Responsorjali ntennu EJJA MULEJ  ĦA SSALVANA.  Salvazzjoni li se tiġi b’mod speċjali għall-foqra kif itenni San Ġakbu fit-Tieni Qari tal-lum filwaqt li San Mattew fil-Vanġelu jsemmi, kemm ix-xogħol tal-Mulej fit-tħabbira t-tajba kif  ukoll il-ħidma ta’ preparazzjoni li wettaq Ġwanni l-Battista.

Il-Ħajja

1.  Dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ ferħ:  kelma ta’ kuraġġ għax l-AĦBAR IT-TAJBA hi fil-qrib.

2.  Għax ħabbar din il-Bxara t-Tajba Ġwanni l-Battista qafluh fil-ħabs. Lilek għandhom ċans jaqfluk għax ixxandar il-Bxara t-Tajba?

3.  Kemm tassew nifhmu li l-Milied hija l-festa tal-fqir u l-batut?  Kemm se tgħin f’dawn il-ġranet lil min hu fil-bżonn?

4.  Kemm tassew qed tnaddaf qalbek f’dawn il-ġranet u mhux timliha bi proposti ta’ rigali u xalar bla rażan?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

Grazzi tal-ferħ li trid tiżra’ ġo qalbi

Agħmel li nkun xandár ta’ din l-AĦBAR IT-TAJBA b’għemili.

 

read more

IDDRITTAW – It-2 Ħadd tal-Avvent – Sena A – 7 ta’ Diċembru 2025

November 23, 2025

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

IDDRITTAW

Isaija 11:1-10; Salm 71; Rumani 15:4-9; Mattew 3:1-12

Il-Vanġelu

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’.  Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.  Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.  Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.

Il-Ħsieb

Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu
It-tħejjija tagħna fl-Avvent hija maqsuma bejn ċerta ħeġġa għal bidla interna u l-orġja ta’ kummerċ li għaddejjin minnha fl-istennija tal-Milied b’elf proposta għal elf rigal.  Huwa għalhekk leħen qawwi dak li nisimgħu lil Ġwanni l-Battista jtenni llum:

“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej.  U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija.  Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna?  Jew  għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi?  X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?

Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi Ġwanni l-Battista.”

Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali.  Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija 11:1-10 u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71:  “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.”  Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara.  Huwa għalhekk li San Pawl jikteb fis-silta tal-lum mill-Ittra lir-Rumani li l-Messija m’hu monopolju ta’ ħadd.  Dan ir-radikaliżmu tat-tħabbira u l-istennija jidher fil-figura u l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista fil-Vanġelu ta’ San Mattew.  Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija.

Michelangelo Merisi da Caravaggio – St. John the Baptist

Il-Ħajja

  1. Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna:  IRRIDU NINBIDLU?
  2. X’ser tagħti biex tinbidel?
  3. Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert.  Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.
  4. Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.
  5. Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.

read more

INQUMU FL-ISTENNIJA – L-1 Ħadd tal-Avvent Sena A – 30 ta’ Novembru 2025

November 23, 2025

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

INQUMU FL-ISTENNIJA
  1. Isaija 2,1-5; Salm 121; Rumani 13,11-14; Mattew 24, 37-44

Il-Vanġelu

     Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-Bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu  l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom
     Bħala nsara huma ferm importanti l-mumenti li nqumu ftit mir-rutina li ħafna drabi nkunu waqajna fiha.  L-Avvent huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan fl-istennija tat-twelid ta’ Ġesù, twelid li d-dinja tal-kummerċ illum għamlet minnu karikatura.  L-Avvent huwa kemm memorja kif ukoll profezija.  Ma rridux inħarsu biss lejn il-passat tal-ġrajja tal-Milied, iżda wkoll lejn il-preżent biex ninterpretawh fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  L-Avvent għalhekk mhux xi stennija monotona li fiha ma tagħmel xejn, iżda stennija attiva.

Il-Kelma

Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha.  Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum.  Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej.  Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ:  “FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’.  San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija.  Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija.  Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn. L-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.

Il-Ħajja

  1. L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq it-tip ta’ ħajja li qegħdin ngħixu?
  2. X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej?
  3. Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?
  4. Theilard de Chardin kien itenni:  “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.”  Kemm verament qed nistennewh il- Mulej?
  5. Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?
  6. Kif ser nistennewh?
  7. Fejn?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.

read more

IL-ĠNUS JAGĦTUK QIMA – L-Epifanija tal-Mulej – Il-Ħadd 4 ta’ Jannar 2026

January 1, 2025

L-Epifanija tal-Mulej

IL-ĠNUS JAGĦTUK QIMA

Isaija 60:1-6;  Salm 71; Efesin 3: 2-6; Mattew 2:1-12

Il-Vanġelu

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda,

le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda

għax minnek joħroġ mexxej

li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.’

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.”  Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Ħsieb

Erodi u l-Maġi.  Min jibża’ mid-dawl u min ifittex id-dawl.  Min irid jaħbi d-dawl u min jgħożż id-dawl.  Erodi u l-Maġi huma aħna fl-għażliet li nagħmlu kuljum, għażliet ta’ kompromessi jew għażliet mingħajr kundizzjoni biex nimxu wara Kristu.  Hemm bżonn li llum inkunu sinċieri magħna nfusna.  L-Epifanija hija t-tama ta’ Ġesù li ġie biex iġibilna d-dawl fid-dinja.  Il-mixja fil-ħajja tagħna hija mixja mid-dlam għad-dawl, mit-telfien għall-ħajja.

Il-proċess tal-Maġi huwa interessanti:

  1. IL-KEWKBA,
  2. L-ISKRITTURA,
  3. IL-MIĠJA
  4. IL-LAQGĦA
  5. L-EPIFANIJA

Ma kinetx ħaġa faċli li ssib lil Ġesù.  Hemm proċess xi nwettqu kuljum biex niskopru d-dawl.  Hemm bżonn urġenti mhux biss li nfittxu lil Alla iżda li nersqu lejn Alla u nagħrfu s-sinjali li jibgħat lilna, jiġifieri l-kewkba.

Il-Kelma

Is-silta mill-Ktieb tal-Profeta Isaija li nsibu fl-Ewwel Qari hija silta mimlija dawl.  Il-poplu kiseb il-ħelsien mill-jasar u ġej lura minn Ġerusalemm li fuqha issa qed jiddi l-Mulej bil-glorja tiegħu.  Huwa għalhekk li s-Salmista fis-Salm 71 itenni li l-ġnus kollha ta’ l-art se jagħtu qima lil-Mulej.  Fl-Ittra lill-Efesin San Pawl juri li l-Pjan tas-Salvazzjoni huwa universali mhux għall-Lhud biss, xi ħaġa li tidher fl-Epifanija.  Fil-Vanġelu San Mattew ikompli jurina l-ġrajja ta’ Kristu fid-dawl tal-Profezija.  Fil-Maġi hemm rappreżentazzjoni tal-ġnus kollha.

Il-Ħajja

1.  Fil-Ħajja tħobb id-dlam jew id-dawl?

2.  Kemm kien hemm mumenti li permezz tagħhom int adurajt lil Ġesù?

3.  Kemm qed twassal lill-familjari jew lil sħabek għad-dawl li sibt?

4.  Qatt skoprejt li inti tista’ tkun dawl qawwi fl-ambjent tiegħek?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

għinni biex inkun dawl

għal dawk ta’ madwari.

read more

SULTAN TA’ KULJUM – Kristu Re’ – Sena A – 26 ta’ Novembru 2023

November 17, 2023

Festa ta’ Kristu Sultan

SULTAN TA’ KULJUM

Eżekjel 34: 11-12; 15-17; Salm 27; Korintin 15: 20-26, 28; Mattew 25:31-46

Il-Vanġelu

“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.   U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż:  in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa  mill-ħolqien tad-dinja.  Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni,  kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ?  Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek?  Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix,  kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.

Il-Ħsieb

kull ma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi
     Fil-Vanġelu tal-lum insibu l-aħħar silta tad-diskors ta’ Kristu fuq l-aħħar żminijiet.  Ġesù huwa mxebbah mas-Sultan ragħaj li kontinwament isegwi n-nagħaġ tiegħu, jafhom personalment u jindukrahom.  Il-Mulej jagħmel l-istess ma’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk huwa Sultan ta’ kuljum, mhux sultan għar-ritratti jew għall-pożi, mhux sultan ta’ rikkezzi materjali.  It-tron tiegħu kien is-salib u l-kuruna tiegħu hija dik tax-xewk.  Ried jurina kontinwament il-Mulej li s-Saltna tiegħu hija Saltna ta’ ħidma u mpenn u din għandha tkun l-istennija tagħna ta’ kuljum.  Il-Mulej bħala Sultan huwa ġust u se jippremja lil dawk li taw każ tal-kelma tiegħu u wettquha kuljum.  Il-Mulej se jifred dawk li ma tawx każ ta’ kliemu minn dawk li taw każ.  Għalhekk f’dawn l-aħħar Ħdud id-diskors eskatoloġiku – li jittratta dwar l-aħħar taż-żminijiet ta’ Ġesù – kien diskors biex jiftħilna għajnejna.  ISSA rridu nwettqu l-għażliet tagħna.  ISSA, fil-ħajja ta’ kuljum.

 

IL-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tal-profeta Eżekjel, jurina li se jkun l-istess Alla, li ċanfar lill-mexxejja u l-kapijiet tal-poplu għax ittraskuraw in-ngħaġ, li se jinżel biex jindokra n-ngħaġ tiegħu.  U din l-għajta tidwi fis-Salm 22 fejn intennu li l-Mulej huwa r-ragħaj tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna lil San Pawl juri kif il-Mulej se jġib fit-tmiem is-Saltna li beda fuq din l-art meta jerġa’ jiġi.  Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-figura tas-Sultan – ragħaj li jagħmel ġustizzja ma’ dawk li jsegwu kliemu.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew ilkoll kemm aħna għandna fiduċja fi Kristu Sultan?
  2. Kemm tassew qed nuru li aħna parti mis-Saltna tiegħu?
  3. Kemm qed ngħixu l-messaġġi li jagħtina dan is-Sultan Ragħaj?
  4. X’qed tkun il-ħidma tagħna fil-mument ta’ prova tal-ġurnata ta’ kuljum?
Id-Djalogu

     Mulej, grazzi li ħadtni f’idejk,

     fis-Saltna tiegħek.

     Tħallini qatt, Mulej, nitbiegħed minn saltnatek.

read more

MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL – It-32 Ħadd Matul is-Sena A – 12 ta’ Novembru 2023

November 5, 2023

 

It-32 Ħadd Matul is-Sena

MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL

Għerf 6:12-18; Salm 62;  Tessalonkin 4: 13-18; Mattew 25: 1-13

 

Il-Vanġelu

“Mbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.  Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, 

għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li   l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom  in-ngħas u raqdu.  Mbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’  Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.  Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.  Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal,’Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’  Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.

 

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa
Minkejja li ngħixu fid-dinja hekk imsejħa ta’ żvilupp, minkejja tant progress, minkejja li qed ngħix f’ħajja totalment kompjuterizzata, jidher li l-għerf u l-għaqal qed jiskarsa mill-ħajja ta’ kuljum.  Meta nisimgħu diskorsi dwar kriżi ta’ valuri, dwar nies li jagħmlu għażliet kontra dak li verament jixtiequ ġewwa fihom huma kollha sintomi li l-bniedem qed jabbanduna l-għerf u għalhekk qed jitbiegħed ukoll mill-għaqal.  Il-Vanġelu tal-lum, permezz tal-parabbola tax-xebbiet bl-imsiebaħ tagħhom jistennew l-għarus, irid jurina li aħna lkoll, fl-istennija tagħna biex niltaqgħu ma’ Ġesù, ma rridux norqdu, ma rridux nintelqu, ma rridux nieqfu mill-ħidma tagħna.  Għall-kuntrarju, l-Insara jridu jkunu nies dejjem attenti fil-ħidma u fl-impenn tagħhom fis-soċjetà ċivili biex iħallu timbru ta’ nsara li huma.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf.  Jurina li l-bniedem għaref huwa dak li jibża’ u jirrispetta lil Alla u jżomm ruħu ’l bogħod mill-ħażen.  L-għerf huwa rigal li Alla jagħti lil dawk li jfittxuh.  U dan huwa indikat  ukoll fis-Salm Responsorjali, Salm 62, fejn għandna s-Salmista juri l-għatx li l-bniedem għandu kontinwament għal Alla.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna lill-Appostlu jitkellem man-nies tat-Tessalonika u jagħmlilhom kuraġġ b’dawk sħabhom li mietu u li l-Mulej se jiġborhom miegħu.  Il-Vanġelu tal-lum, permezz tal-parabbola tax-xebbiet għaqlin, irid jiftħilna għajnejna biex nishru għax la nafu l-jum u lanqas is-siegħa.

 

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej iridna niftħu għajnejna beraħ mhux biss nagħrfu l-grazzja li jagħtina iżda wkoll biex fil-ħajja li qed ngħixu issa jkollna garanzija għal ħajja fis-sema.
  2. Ta’ min jistaqsi lilu nnifsu kuljum: kemm tassew qed ngħix ħajti bil-għaqal?
  3. X’għażliet qed tagħmel fil-ħajja ta’ kuljum? Huma mmarkati mill-għażliet li jgħallimna Kristu?
  4. Il-għerf jiddi bla qatt ma jnemnem? Ma jridux wisq biex jagħrfuh dawk li jħobbuh? Kemm tassew ilkoll kemm aħna qed infittxu dan il-għerf biex idawwal id-direzzjoni ta’ ħajjitna?

 

Id-Djalogu

Mulej, għinni nsib il-għerf veru fil-ħajja tiegħi,

biex nikxef il-maskra tal-falsità li ndur biha kull ħin.

 

read more

BEJN KLIEM U FATTI – It-31 Ħadd Matul is-Sena A – 5 ta’ Novembru 2023

October 27, 2023

Il-31 Ħadd Matul is-Sena

BEJN KLIEM U FATTI

Malakija 1, 14b-2; 2b:8-10; Salm 130; Tess 2, 7b-9, 13; Mattew 23: 1-12

 

Il-Vanġelu

Mbagħad Ġesù kellem lin-nies u lid- dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatterji u jtawwlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejjħulhom Rabbi. Imma intom tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet.  Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla.

 

Il-Ħsieb

Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla.
Bejn kliem u fatti.  Kemm nisimgħu diskorsi li wara ftit ma jirrendux ruħhom reali għaliex ikunu diskorsi fil-vojt.  Ġesù jrid kliem u fatti għaliex l-istess tħabbira tas-Saltna ta’ Alla kienet hekk.  Għaliex l-istess storja tas-salvazzjoni hija mibnija fuq il-ĠRAJJIET u l-KLIEM.  Il-ħajja tan-nisrani għandha tkun magħġuna bejn kliem u fatti.  Xhieda tal-kelma ta’ Alla fid-dinja tal-lum permezz tagħna.  U għalhekk it-twissijiet ta’ Ġesù llum meta jgħidilna li kulħadd għandu jisma’ u jwettaq dak li jisma’.  Għalhekk it-twissija ta’ Ġesù lil dawk li jgħallmu li jridu juru fil-beraħ li dak li jemmnu fih iridu jwettquh huma l-ewwel.  Għalhekk Ġesù għandu jitkellem li aħna rridu nkunu servi, ta’ servizz għall-proxxmu tagħna għaliex hu ġie biex jagħmel missjoni ta’ servizz lill-umanità.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari huwa miktub mill-profeta Malakija.  Huwa jċanfar bl-aħrax il-qassisin tal-Lhud għax ma kinux ifaħħru ’l Alla mill-qalb.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 120 huwa Salm li fih naraw għajta ta’ talba lill-Mulej biex iħarisna dejjem fis-sliem tiegħu.  Fit-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna l-mod li bih mexa magħhom Pawlu fix-xandir tal-Vanġelu.  Magħhom ħadem b’għożża kbira.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud mill-Vanġelu ta’ San Mattew, għandna kliem iebes ta’ Ġesù kontra l-Fariżej u l-Kittieba li bħala l-Imgħallmin uffiċjali tal-Liġi ta’ Alla ma kinux jgħixu dak li jgħallmu.

 

Il-Ħajja
  1. Ġesù jitkellem ċar li wieħed li jgħallem irid ikun jgħix dak li jgħallem.
  2. Ġesù wera bil-ħajja tiegħu stess li wettaq dak li ppriedka.
  3. Hemm bżonn nagħmlu domanda serja fuq il-ħajja tagħna jekk il-Kelma ta’ Ġesù li nisimgħu hix tassew il-Kelma li qegħdin ngħixu kull ħin?
  4. Kemm qed inkunu qaddejja ta’ ħutna fis-soċjeta?

 

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni ngħix il-Kelma tiegħek,

  Mulej għallimni nkun umli u ta’ qadi

  għall-proxxmu tiegħi kull ħin.

 

read more

IR-RIFJUT TA’ STEDINA – It-28 Ħadd Matul is-Sena A – 15 t’Ottubru 2023

October 9, 2023

It-28 Ħadd Matul is-Sena

IR-RIFJUT TA’ STEDINA

  1. Isaija 25: 6-10; Salm 23;  Filippin 4, 12-14, 19-20; Mattew 22: 1-14
Il-Vanġelu

Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom:  “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu.  U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.  U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, ‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.’ Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu,  u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom.  Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.  Mbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejjħu għall-festa lil kull min issibu.’  Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u  s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.  Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ;  u qallu, ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?’ Dak tbikkem.  Mbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!’ Għax ħafna huma l-imsejjħin, imma ftit il-magħżulin!”

Il-Ħsieb

ħafna huma l-imsejjħin, imma ftit il-magħżulin
“Iżda dawk ma tawx kas”.  Hija frażi iebsa li tidher fil-Vanġelu tal-lum u tintuża biex tiddeskrivi r-rifjut tal-mistednin uffiċjali għall-istedina li għamel is-Sultan.  Huwa rifjut kategoriku għall-mument ta’ ikel u ferħ.  Il-ħsieb tal-lum huwa fuq ir-rifjut tagħna għall-grazzja ta’ Alla.  Kemm-il darba ngergru fil-ħajja tagħna?  Ingergru kontra affarijiet li ma naqblux magħhom u li ġejjin kontra tagħna.  Iżda kemm-il darba ndunajna li huwa aħna li kontinwament qed nirrifjutaw l-istediniet li qed jagħmlilna l-Mulej għall-ferħ u s-serħan?  L-istediniet li jagħmlilna l-Mulej huma okkażjonijiet biex aħna nikbru fl-imħabba lejh.  Huma stediniet li lilna jsaħħuna u li r-rifjut tagħhom huwa d-disperazzjoni tagħna.

Kemm-il darba naċċettaw li nixorbu mill-għajn tad-desperazzjonijiet li toffrilna d-dinja bil-kompromessi tagħha u ma naċċettawx li nixorbu mill-għajn li tagħti l-ħajja li huwa Ġesù Kristu nnifsu?  Kemm-il darba rrifjutajna li nixorbu mill-għejjun tas-salvazzjoni, speċjalment fl-Ewkaristija Mqaddsa?

Huwa wkoll importanti li meta naċċettaw li mmorru għall-ikla tat-tieġ immorru lebsin tajjeb u xieraq, jiġifieri li nkunu konvinti mit-twettiq tar-rieda ta’ Alla fil-proġetti ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija l-profeta, l-Awtur, f’isem il-poplu, ifaħħar lil Alla tal-ħelsien li ta lill-poplu Lhudi.  Is-salvazzjoni tiġi mxebbħa ma’ pranzu kbir li wieħed jipprepara b’kull xorta ta’ ikel.  Is-Salm Responsorjali minn Salm 22 huwa innu ta’ tifħir u talba għall-kenn li wieħed isib meta jgħammar f’Dar il-Mulej.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra lill-Filippin, San Pawl itenni li huwa ma jridx ikun piż fuq ħadd u jirringrazzja lill-Insara ta’ Filippu li kienu għenuh.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-parabbola fejn is-Saltna tas-Smewwiet ġiet imxebbħa ma’ stedina għat-tieġ.

Il-Ħajja

1.  Qatt indunajt kemm-il stedina ta’ Ġesù rrifjutajt f’ħajtek?

2.  Fejn u kif qed tfittex il-ferħ fil-ħajja tiegħek?

3.  Kemm qed tersaq mal-mejda tal-Mulej fl-Ewkaristija?

Id-Djalogu

Mulej, agħmel li qatt ma ngħid le

għas-sejħa tiegħek.

read more