sena-c

NIBNU BIL-ĦSIEB U BIS-SALIB – It-23 Ħadd Matul is-Sena – 4 ta’ Settembru 2016

August 24, 2016

It-23 Ħadd Matul is-Sena

NIBNU BIL-ĦSIEB U BIS-SALIB

Għerf 9:13-18b; Salm 89; Filemon 9b-10, 12-17; Luqa 14: 25-33

IlVanġelu

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom:  “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ‘l ommu u lil martu u lil uliedu, ‘l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

 “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid, ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.’ Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ‘l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.  Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

 

 

Il-Ħsieb

     Ħafna nies kienu miexja lejn Ġesù.  Ġesù jdur lejhom u qed idur lejja u lejk biex ifehimna li l-importanza tal-mixja miegħu hija li tibni fuq is-sens ta’ sagrifiċċju tal-ħajja li ngħixu kuljum u fid-dawl tas-salib li huwa ġarr qabilna u li lkoll kemm aħna rridu nġorru.

     Ġesù jtenni li hemm bżonn li nkunu fid-dinja iżda mhux tad-dinja.  Ma jridniex li nintrabtu.  M’huwiex jgħid li ma għandniex inħobbu lil missierna u ’l ommna.  Ġesù qed jgħidilna biex ma nintrabtux.  Ma norbtu qalbna ma’ xejn ħlief miegħu.  U huwa jagħtina l-paċi.  Din hija esperjenza li forsi qatt ma għaddejna minnha għax dejjem irbatna qalbna ma’ xi ħaġa jew ma’ ħajjitna.

     Dan id-diskors mhux faċli li tattwah.  Trid kuraġġ u saħħa li l-Mulej biss jaf jagħti lilna.  Hemm bżonn li l-proġetti tagħna naħsbuhom sewwa.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nħallu spazju għall-Mulej qabel kull ħaġa oħra.  Ħafna drabi nkunu mal-Mulej meta niġu daharna mal-ħajt.  Hemm bżonn għalhekk li nitkellmu aktar mal-Mulej u nħalluh ikellimna qabel ma nifgaw il-vuċi tiegħu bil-kompromessi ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna lill-awtur ifiehem lil-Lhud li l-għerf veru ġej minn Alla u mhux mill-kultura Griega.  Ebda ġens u beda kultura ma huma biżżejjed biex nagħrfu l-pjan ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 89, huwa talba biex il-Mulej isawwab fi qlubna l-għerf u l-grazzja tiegħu.  “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, biex hemm nimxu b’moħħ għaqli.”  Dan huwa l-messaġġ ċentrali ta’ dan is-Salm.  It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon.  F’din l-unika ittra privata tiegħu, San Pawl jitlob lil ħabibu Filemon biex jilqa’ mill-ġdid id-dar lil Onesimu li kien ħarab.  Qallu bies jilqgħu lura, mhux aktar bħala lsir, iżda bħala ħuh fi Kristu.  Fil-Vanġelu, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jitkellem dwar kif trid tkun il-mixja tad-dixxipli tiegħu.  Trid tkun mixja mingħajr kompromessi.

Il-Ħajja
  1. Ġesù jridna nimxu miegħu. Ġesù jridna dixxipli tiegħu.  X’se  nagħmlu?
  2. Ġesù jridna ninqatgħu mill-affarijiet ta’ din id-dinja iżda nibqgħu ngħixu fid-dinja. Biex nagħmlu dan għandna bżonn inħaddnu l-kelma tiegħu u nissaffew mill-ħtijiet tagħna.
  3. It-talba tagħna llum trid tkun biex tassew il-Mulej isawwab fina l-għerf u l-grazzja tiegħu biex nagħrfu kull ħin ir-rieda tiegħu.
  4. Hemm bżonn li naħsbu sew fuq il-proġetti u l-għażliet ta’ ħajjitna. Hemm bżonn li lil Kristu nżommuh magħna l-ħin kollu u b’hekk nevitaw kompromessi perikolużi.
  5. “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” Hekk tenna Ġesù.  Int u jien x’se nagħmlu?  L-għażla f’idejna kuljum.

Id-Djalogu

  Mulej,

  inti tridni nerfa’ s-salib kuljum,

  għinni nagħmel dan, għinni nwettaq bil-għerf li tagħtini,

  dak li hemm fir-ras tiegħek fuq il-ħajja tiegħi.

  Dan biss nixtieq Mulej.

read more

MIN HU FUQ JIĠI TAĦT! – It-22 Ħadd Matul is-Sena – 28 t’Awwissu 2016

August 18, 2016

It-22 Ħadd Matul is-Sena

MIN HU FUQ JIĠI TAĦT!

Bin Sirak 3:19 -21, 30-31; Salm 67; Lhud 12: 18-19, 22-24a; Luqa 14,1,7-14

IlVanġelu

Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. 

Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta’ l-aħħar. Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta’ l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ‘il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek.  Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”  Mbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom.  Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja,  u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!”

 

Il-Ħsieb

Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.
     Is-suppervja ħafna drabi tagħmi lill-bniedem u ma tħallih jara xejn u lil ħadd quddiemu.  Bniedem supperv jagħmel lil kulħadd tapit u ċert li ma jarax xi jrid Alla minnu.  Din tkun id-diżgrazzja kbira ta’ ħajjitna.  Hemm bżonn li naraw tassew li nsaffu kontinwament mill-ħajja tagħna kull sens ta’ suppervja ġejja mill-egoiżmu.  Il-Mulej illum, filwaqt li jurina l-kruha tas-suppervja, jurina kif nistgħu nfiqu minnha.  Is-suppervja titfejjaq billi kontinwament tagħmel eżerċizzju ta’ umiltà fil-ħajja tiegħek.  Tipprova tkun inti għas-servizz ta’ Ġesù fil-proxxmu.  B’hekk biss nistgħu nfiqu u nersqu aktar lejn Alla meta aħna nħarsu madwarna u ngħinu lil min huwa fil-bżonn.  Dawn jistgħu jkunu fil-familji tagħna, fil-postijiet tax-xogħol tagħna, fil-komunitajiet tagħna.

     Hemm bżonn li niċkienu aħna biex jidher Ġesù għax wara kollox l-unika darba li għola aktar minna Ġesù kien fuq is-salib imtertaq għal dnubietna biex jiksbilna s-salvazzjoni tagħna.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-ktieb ta’ Bin Sirak, huwa stedina għall-umiltàu biex wieħed ma jitkabbarx meta jkollu l-ġid, anzi jaqsmu ma’ min huwa fqir u fil-bżonn.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 67, juri li l-Mulej jaħseb ukoll fil-fqir u l-batut u ħejja post għalihom, għax Alla huwa “Missier il-Ħniena u difensur tar-romol.”  Fit-Tieni Qari mill-ittra lil-Lhud insibu li fir-Rabta l-Qadima l-Lhud kienu jersqu lejn Alla bil-biża’ u t-tregħid.  L-awtur ta’ l-ittra lil-Lhud iħeġġeġ lin-nies jersqu lejn il-Mejda Ewkaristika mingħajr biża’.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum insibu lil Ġesù jidħol għand wieħed mill-kapijiet għall-ikla.  Juża dan il-mument biex joħroġ fil-beraħ il-problema ta’ dawk li jagħmlu kollox għal wiċċ in-nies b’tant suppervja.  Isostni li ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar u ta’ l-aħħar  l-ewwel.  Hemm bżonn eżerċizzju kbir fl-umiltà.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew qatt għamilna eżami tal-kuxjenza dwar is-suppervja u l-egoiżmu fil-ħajja tagħna? Dejjem trid tgħaddi tiegħek?  Dejjem int għandek raġun?
  2. Kemm qatt irriflettejt dwar l-għażliet li għamilt fil-ħajja tiegħek għall- foqra?
  3. Il-Mejda Ewkaristika tagħtina l-qawwa u ssaffina mill-egoiżmu u s-suppervja għax nirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Kristu mimlijin tjubija u fejqan. Kemm qed nersqu lejn dan is-sagrament bil-ferħ u mingħajr biża’?
  4. L-għażliet f’ħajjitna jridu jkunu ċari favur u mal-Mulej. Minkejja d-difetti tagħna hemm bżonn li ninħallu mis-suppervja u ngħixu b’umiltà l-jiem ta’ ħajjitna.

Id-Djalogu

  Mulej, taf li xi ftit jew wisq

  jien supperv.

  Għinni nħares lejk,

  lejn is-Salib,

  biex nagħraf inkun umli fil-ħajja tiegħi.

 

read more

LESTI GĦAL ĠLIEDA! – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 14 t’Awwissu 2016

August 9, 2016

L-20 Ħadd Matul is-Sena

LESTI GĦAL ĠLIEDA!

Ġeremija 38: 4-10; Salm 39;  Lhud 12 :1-4; Luqa 12:49-53

Il-Ħsieb

     “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!  Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!  Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;  għax mil-lum ‘il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;  jinfirdu l-missier kontra  l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”

 

Il-Ħsieb

     “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad.”  Huwa l-kliem ta’ Ġesù, kliem li juri li rridu nkunu lesti għal ġlieda kbira magħna nfusna u kontra l-kurrenti li jdawruna.  Kliem li juri li tgħix ma’ Ġesù jfisser li tkun sinjal ta’ kontradizzjoni, li trid tmur kontra l-għażliet egoistiċi tiegħek, li trid tinqata’ minn ħafna affarijiet ta’ din id-dinja u tagħti l-ewwel post fil-ħajja tiegħek lil Alla.  Ġesù ġie fid-dinja b’messaġġ ċar u biex jagħtina viżjoni ċara lejn fejn nindirizzaw il-mod ta’ ħajja tagħna.  Huwa għalhekk li ħafna minna jridu jkunu ħajjin fil-fidi tagħhom, fl-azzjonijiet li jwettqu kuljum.  Ġesù juri li tkun miegħu jfisser li tiġġieled battalja kuljum kontra l-kurrenti ta’ madwarna.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, juri li fil-qadi tal-missjoni tiegħu l-Profeta kellu jkun sinjal ta’ kontradizzjoni; in-nies ma jifhmuhx u jkollu jħallas għall-verità li kien qed jippriedka.  Is-Salm 39 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jurina iżda li l-Mulej qatt m’hu se jħallina waħedna u għalhekk:  “Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej, u miel lejja u sema’ l-għajta tiegħi.”  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lil-Lhud, l-awtur iħeġġiġna biex nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu.  Iġib l-eżempju ta’ tellieqa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna x-xewqa ta’ Ġesù li jsaffi bin-nar dak li l-bniedem ikun akkumula bid-dnub.  It-tieni parti turi l-isfida li għaliha jrid jidħol il-bniedem kemm-il darba jkollu jagħżel ħajja ġdida.

 

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja tiegħek hija sinjal ta’ kontradizzjoni għal dawk ta’ madwarek għall-mod kif tgħix il-fidi tiegħek?
  2. Tirrifletti kemm tassew qed tgħix bħall-oħrajn għax tinġarr mill-kurrent, jew bħal Kristu: tgħix għall-oħrajn permezz tal-fidi bbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù li huwa nar iħeġġeġ kuljum?
  3. Inti lest għall-ġlieda kontra tiegħek innfisek u kontra l-kurrenti ta’ madwarek?
  4. Kemm tassew qed tħoss li, bħala nisrani, inti trid taħdem għall-verità fuq it-tagħlim ta’ Ġesù?
  5. F’dan is-sajf il-fidi tiegħek marret ukoll il-baħar?

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni biex jiena wkoll

  inqabbad in-nar ta’ mħabbtek

  fl-ambjent tiegħi.

read more

NISTENNEW B’FIDUĊJA! – Id-19-il Ħadd Matul is-Sena – 7 t’Awwissu 2016

August 7, 2016

Id-19-il Ħadd Matul is-Sena

NISTENNEW B’FIDUĊJA!

Għerf 18: 6-9;  Salm 32;  Lhud 11,1-2; 8-19; Luqa 12:32-48

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!  Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes  fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.  Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

      “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;   kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.  Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.  U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!  Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.  Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

     “Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”  Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?   Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.  Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.  Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;  sid dak  il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili.  U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.  Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

 

Il-Ħsieb

     Kollox irridu malajr illum.  Kollox mgħaġġel u malajr.  Dan huwa r-ritmu tal-ħajja tagħna.  Min ma jgħaġġilx insejħulu kull titlu:  artab, rieqed, eċċ.  Iżda minkejja din l-għaġla kollha, fil-ħajja tagħna sirna nies li ninjoraw l-ovvju,  ħafna drabi aljenati kif ukoll mhux attenti għal dak li jseħħ madwarna.  U dan b’mod speċjali fejn tidħol il-fidi tagħna.  Il-Mulej jgħidilna llum:  “|ommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula, kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil sidhom jiġi mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi jħabbat jiftħulu malajr!”

     Hemm bżonn li bħala nsara nkunu on alert  għall-mod kif qed ngħixu aħna u kif se nimpenjaw ruħna fis-soċjetà li qed ngħixu fiha.  U għalhekk l-istennija ma tridx tkun waħda passiva iżda attiva b’impenn u ħidma.  Naraw id-differenza bejn dak il-qaddej fidil u l-qaddej imħawwad mingħajr ebda sens ta’ stennija.  Il-ħajja tagħna hija kollha stennija, mhux idejna fuq żaqqna iżda stennija ta’ fidi b’ħidma u fiduċja.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna silta li titkellem dwar dak il-lejl ta’ biża li fih seħħ l-aħħar u l-agħar kastig li laqat lill-Eġizzjani talli ma ridux jeħilsu l-poplu Lhudi.  Kien lejl iebes ta’ stennija b’fiduċja għall-poplu Lhudi.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 32, għandna għanja ta’ tifħir għall-Mulej li għażilna bħala l-poplu u l-wirt tiegħu.

     Fit-Tieni Qari, meħud mill-ittra lil-Lhud, għandna tifsira ta’ x’għandha tkun il-fidi tagħna, li hija l-pedament ta’ dak kollu li nwettqu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-parabbola li fiha Ġesù jqabbel dak kollu li jagħmel il-qaddej tajjeb ma’ dak li jwettaq il-qaddej il-ħażin.  Hemm messaġġ għalina lkoll biex inkunu dejjem imħejjija għal meta jsejħilna l-Mulej.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew tħoss li l-ħajja tiegħek hija mħejjija tajjeb għal meta se jsejjaħlek il-Mulej?
  2. Dan ma għandniex nagħmluh b’sens ta’ biża’, iżda b’sens ta’ mħabba kbira lejn dak Alla li huwa missierna u jrid biss il-ġid u s-salvazzjoni tagħna.
  3. Kemm tassew, kif smajna fit-Tieni Qari, qegħdin nibnu kollox fuq il-fidi tagħna nisranija? Kull proġett ta’ ħajjitna?
  4. Il-Mulej iridna nishru iżda fl-istess ħin naħdmu bla waqfien għas-saltna ta’ kulħadd bil-misssjoni u l-ħidma fdata lilu.

Id-Djalogu

  Mulej, inti għidtilna li inti

  IT-TRIQ, IS-SEWWA U L-ĦAJJA

  Għinna biex ilkoll kemm aħna nagħrfu

  li l-uniku mezz ta’ ħajjitna

  tkun inti,

  biex nersqu aktar lejk

  fix-xandir tas-Saltna ta’ Alla

  fil-ħidma tagħna ta’ kuljum.

  Grazzi talli tgħinna nwettqu dan.

read more

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT! – It-18-il Ħadd Matul is-Sena – 31 ta’ Lulju 2016

July 24, 2016

It-18-il Ħadd Matul is-Sena

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT!

Qoħelet  1,2:2,21-23;  Salm 94;  Kolossin 3:1-4, 9-10; Luqa 12:13-21

Il-Vanġelu

     Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.”  “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”  Mbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”  U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu.  U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!  Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.   Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”  Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’   Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

 

Il-Ħsieb

     Ħafna drabi norbtu qalbna f’din id-dinja ma’ tant affarijiet kbar u żgħar, ħafna minnhom ikunu materjali jew oġġetti jew anki persuni.  Niġu mogħmija li t-teżori tagħna jinsabu biss f’din id-dinja.  Quddiem il-mewt nindunaw li kollox jispiċċa jew kważi… dak li nkunu żrajna fis-sema m’hu se jintemm qatt speċjalment l-għemejjel ta’ karità u dak kollu li nostru għalina fis-sema.  Bil-kliem ta’ Qoħelet il-profeta, frugħa tal-frugħat, il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum iwissina u jħeġġiġna biex inkunu għaqlin u naħarbu mir-regħba li tista’ tfisser dak kollu li nkunu ħdimna għalih fil-ħajja tagħna.  Din hija twissija ferm attwali għal-lum b’mod speċjali meta tisma’ tant ġlied fuq il-wirt.  Nintilfu wara tant affarijiet ta’ din il-ħajja u ma nagħtux kas biex infittxu li naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Qohelet, il-messaġġ ċentrali huwa li dak kollu li jgħaddi ma jistax jimla qalb il-bniedem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 94, itenni li rridu nfasslu ħajjitna billi nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna wkoll messaġġ qawwi:  jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu rridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jwissi fuq ir-regħba u kif għandna naħdmu u ngħixu ħajjitna marbuta ma’ Alla fejn nostru t-teżor tal-ħidma tagħna.

Il-Ħajja

  1. Aħna rxuxtajna ma’ Kristu. Għalhekk miegħu biss irridu norbtu  qalbna u nfittxu biss il-ħwejjeġ tas-sema.  Dan jagħmel sens kbir fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna.
  2. Bħala nsara ħajjin hemm bżonn li nagħrfu li ma għandna qatt norbtu qalbna ma’ ħwejjeġ ta’ din id-dinja li jgħaddu. Hemm bżonn nibdew tassew inħobbu lil Alla billi nħarsu dak li jrid minna.
  3. Inti qed tiġma’ l-ġid għalik innifsek mingħajr ma tistagħna quddiem Alla?  Aghmel ftit eżami tal-kuxjenza.
  4. Hemm bżonn li kuljum nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna. Fejn qed inpoġġu l-prijorità ta’ l-għażliet tagħna u fejn qed nersqu lejn Alla.

Id-Djalogu

  Il-kliem tiegħek Mulej

  huwa spirtu u ħajja

  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

  Għinni nwettqu fil-ħajja tiegħi.


read more

NIMXU WARAJH KULL ĦIN! – It-13-il Ħadd Matul is-Sena – 26 ta’Ġunju 2016

June 22, 2016

It-13-il Ħadd Matul is-Sena

NIMXU WARAJH KULL ĦIN!

1 Slaten 19, 16b 19-21; Salm 15; Galatin 15:1,13-18;  Luqa 9:51-62

 


Il-Vanġelu

      Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. 

      Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta’ l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.”  Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.” U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil  tad-dar.” Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”

 

Il-Ħsieb

     Li timxi tul ħajtek f’direzzjoni tajba kontinwament huwa proġett iebes.  Li timxi wara Ġesù kontinwament huwa iebes ħafna għaliex kif tenna Hu stess il-Ħadd li għadda, trid tkun motivat fil-mixi tiegħek billi terfa’ s-salib kuljum ħalli timxi warajh u xxandru kontinwament.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum aħna ntennu b’fidi kbira li “il-Mulej huwa s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija” għaliex il-Mulej “ma jħallix il-maħbub tiegħu jara t-taħsir.”  Din ix-xewqa jew karba tagħna lkoll toħroġ fil-beraħ meta Ġesù jsejħilna biex nimxu warajh mingħajr kundizzjonijiet.  Ma nistgħux inħarsu lura mill-moħriet.  Meta tlaqna fuq il-ħidma mal-Mulej irridu nħarsu ’l quddiem fil-mixi tagħna biex naraw fejn sejrin, naraw l-ostakli u ma nitfixklux.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tas-Slaten u juri lil Elija jsejjaħ lil Eliżew biex ikun profeta floku.  Bil-mantar tiegħu huwa jagħti l-missjoni u l-impenn ġdid lil Eliżew.  Fis-Salm Responsorjali għandna l-għajta li l-Mulej huwa s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra lill-Galatin, San Pawl jurina tassew x’inhi l-libertà.  San Pawl itenni li meta l-libertà tfisser biss li taħseb għal rasek issir jasar.  Il-libertà vera hija dik ta’ min twieled fil-Ġisem ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nibdew naqraw is-sezzjoni li hija msejħa tal-vjaġġ il-kbir ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm.  Din il-mixja rridu nifhmuha fis-sens simboliku tagħha, jiġifieri li Ġesù jdur u jkompli l-missjoni tiegħu minkejja l-persekuzzjoni.

Il-Ħajja

  1. Jekk tassew irridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù rridu nwieġbu bl-għemil is-sejħa li nimxu warajh.
  2. Timxi warajh ifisser li ma tintrabatx mad-dinja u ma tħarisx lura u titlaq idek mill-moħriet. Taljenax ruħek u kompli aħrat; wettaq il-missjoni fdata f’idejk minn Ġesù.
  3. Kull wieħed u waħda minna fil-Magħmudija u l-Griżma ta’ l-isqof irċevejna konferma ta’ missjoni li rridu nwettqu. Taf x’inhi l-missjoni tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum?  Jekk inti omm ta’ familja, tifel ta’ l-iskola, reliġjuż fil-komunità, qed tagħraf timxi tassew warajh u  twieġeb għal din it-tweġiba li qed jagħmel b’mod personali Ġesù?
  4. Kemm tassew qed tħossok liberu meta ssegwi lil Ġesù? Kemm tassew qed timxi wara Ġesù għax trid inti u mhux imbuttat minn ġrajjiet u tradizzjoni, minn persuni jew forsi superstizzjonijiet reliġjużi?  Qed timxi warajh kull ħin għax veru tħobb u tħossok viċin Ġesù?

Id-Djalogu

  Mulej, inti sejjaħtli,

  inti ssejjaħli kuljum biex nimxi warajk

  inti tgħidli biex ma nħarisx lura,

  inti tridni nibqa’ fid-dinja

  iżda mhux marbut bl-affarijiet tad-dinja.

  Mulej, agħtini kuraġġ

  biex b’ghemili u qalbi

  nimxi warajk

  kull ħin.

read more

TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ – It-12-il Ħadd Matul is-Sena – 19 ta’ Ġunju 2016

June 13, 2016

It-12-il Ħadd Matul is-Sena

TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ

Żakkarija 12:10-11; Salm 62; Galatin 3:26-29;  Luqa 9:18-24

Il-Vanġelu

Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu  d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?”  Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta’ l-imgħoddi.” Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.”

      Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.” Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.

 

Il-Ħsieb

     Ngħidu li aħna nsara.  Ngħidu li aħna ta’ Kristu.  Immorru l-quddies il-Ħadd.  Imma kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dak Kristu li nemmnu fih?  U fuq kollox kemm tassew nemmnu f’dak Kristu li aħna lkoll dixxipli tiegħu?  Min huwa Kristu għalina?  Għadu rilevanti fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inxandruh ma’ l-oħrajn?  Kif u kemm qed inxandruh u ngħixu kliemu kuljum?

     Dawn huma l-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħna meta naqraw il-Vanġelu u l-liturġija tal-lum it-tnax il-Ħadd tas-Sena.  Bdejna mill-ġdid dawn il-Ħdud u lkoll kemm aħna rridu ngħixu l-festi li għadhom kemm għaddew minn fuqna.  Pentekoste, Trinità, Corpus.  Għaddejna wkoll mill-festa tal-Qalb ta’ Ġesù li turi kemm ilkoll kemm aħna għandna qalb kbira tistenniena kull ħin.  Il-mistoqsija ta’ Ġesù lil Pietru hija l-mistoqsija li jagħmel Ġesù lili u lilek kull ħin:  ir-risposta rridu nuruha bil-mod kif qed ngħixu, kif qed nitkellmu, kif qed inwieġbu għal kull proġett ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

     L-Ewwel qari huwa mill-ktieb tal-Profeta Żakkarija fejn il-profeta jħabbar żmien il-Messija meta l-poplu t’Alla jinbena mill-ġdid u jissebbaħ quddiem il-ġnus ta’ l-artijiet kollha.  Dan iż-żmien ikun ta’ tisfija għall-poplu.  Is-Salm 62 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum huwa l-għajta li turi l-għatx li għandna għall-Mulej, għatx li jrid jidher fl-għażla ewlenija tagħna kuljum għal dak li l-Mulej iridna nwettqu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Galatin, jagħtina sensiela ta’ espressjonijiet dwar min huwa n-nisrani: aħna “ilkoll werrieta skond il-wegħda.”  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jistaqsi lill-appostli min jgħidu n-nies li hu.  Domanda mmirata mhux mill-kurżità iżda biex jara l-appostli kemm tassew jafu u fehmu min kien.  Mat-tweġiba ta’ Pietru Ġesù jurihom li d-dixxipulat tiegħu kien ifisser ukoll is-salib.

Il-Ħajja

  1. Biex timxi wara Ġesù u allura tkun taf min hu hemm tliet affarijiet xi ssegwi: (a) tiċħad lilek innifsek; (b) terfa’ salibek kuljum; (c) timxi wara Ġesù. Kemm aħna lesti li nwettqu dan?
  2. Meta terfa’ s-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor hemm tassew tkun qed twieġeb għad-domanda: Min hu Ġesù għalik?
  3. Kemm tassew ilkoll kemm aħna nafu li Ġesù qiegħed magħna kull ħin, proprju biex nagħrfu min hu u nużawh għall-ħtiġijiet tagħna? Din hija l-umiltà kbira ta’ Ġesù.
  4. San Pawl lill-Galatin jgħidilhom li aħna lkoll werrieta ta’ din il-wegħda tas-salvazzjoni li kisbilna Kristu. Huwa għalhekk li aħna lbisna lil Kristu.  Iżda kif qed nagħtu xhieda ta’ dan kull ħin fix-xogħol u fil-ħidma tagħna?

 

Id-Djalogu

  Mulej,

  nazzarda ngħid li naf min inti.

  Inti l-Messija l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.

  Iżda, Mulej, kemm tassew

  nixtieq li tgħinni

  ħalli qatt ma nwarrab minn ħajti

  li nwettaq ir-rieda tiegħek.

 

read more

Bil-Maħfra Lejn l-Imħabba – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena – 12 ta’ Ġunju 2016

June 9, 2016

Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

BIL-MAĦFRA  LEJN  L-IMĦABBA

2 Samwel, 12.7-10,13; Salm 31; Galatin 2, 16,19-21; Luqa 7:36-8,3,

Il-Vanġelu

      Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel.  Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta’ l-alabastru biż-żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!” Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.” “Għid, mgħallem,” qallu dak. “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin.  Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?” Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.” “Ħsibtha tajjeb” qallu Ġesù.  Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” Mbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.” Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?”   Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”

     Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten,  Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

 

Il-Ħsieb

     DJALOGU – MAĦFRA – MĦABBA – ĦBIBERIJA huma l-ingredjenti li qed joffri Ġesù llum.  Ingredjenti li mhux dejjem nagħrfu nagħġnuhom fil-ħajja tagħna.  Huwa għalhekk importanti li l-Kelma tal-Mulej tal-lum inħalluha tinżel fil-fond ta’ qalbna bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar.

     Il-midinba magħrufa ħabbet lil Ġesù.  Ħabbitu fid-deher.  Tat xhieda ta’ l-indiema tagħha b’umiltà kbira.  Il-Mulej Ġesù jfejjaq meta jara l-volontà ta’ l-indiema.  Tliet frażijiet malajr fejquha kompletament.  “Dnubietek maħfura”;  “Il-fidi tiegħek salvatek”; u “Mur fis-Sliem”.  Hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna u aktar fil-qlub tagħna li hija permezz ta’ l-indiema li ser insibu l-paċi.  Ma hemmx għalfejn nistħu.  Jistħi min għad m’għandux il-kuraġġ jaċċetta li huwa midneb.

Il-Kelma

     L-ewwel qari huwa meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel fejn għandna l-għeluq tar-rakkont tad-dnub kbir ta’ David bil-maħfra li Alla jagħti lil David.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 31, huwa talba lill-Mulej biex jaħfer il-ħażen u d-dnubiet tagħha.  Fit-tieni qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, insibu lill-Appostlu jtenni li s-salvazzjoni tiġi biss minn Kristu.

     Il-kontroversja ta’ Kristu li jħalli l-midinbin jersqu tant lejh, hija t-tema prinċipali li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Luqa.  Huwa Vanġelu li lkoll kemm aħna rridu nagħtu każ tiegħu għax fih hemm ritratt tagħna lkoll.

Il-Ħajja

  1. Kemm-il darba fil-ħajja tiegħek aċċettajt il-fatt li inti midneb u ndimt minn dnubietek?
  2. Kemm tassew aċċettajt li Kristu Ġesù huwa l-uniku triq għas-salvazzjoni f’ħajtek?
  3. Kif qed turi li inti ndimt minn dnubek?
  4. Il-fidi tiegħek ser issalvak? Għandek fidi biżżejjed fi Kristu?

Id-Djalogu

  Aħfirli, Mulej, il-ħażen ta’ dnubi.

read more

U L-MEJJET QAM – L-10 Ħadd Matul is-Sena – 5 ta’ Ġunju 2016

May 30, 2016
Jesus Heals The Widow of Nain's Son - William Brassey Hole

L-10 Ħadd Matul is-Sena

U L-MEJJET QAM

1 Slaten 17, 17-24;  Salm 29; Galatin 1,11-19, Luqa 7,11-17

Il-Vanġelu

      Wara dan imbagħad mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies.  Kif wasal qrib il-bieb  tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha. “Tibkix,” qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”  U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.  In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna” u, “Alla żar il-poplu tiegħu.”   U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

Il-Ħsieb

     Ġesù ltaqa’ mal-mewt u rebħilha.  Ġesù ltaqa’ mal-mejjet u qajmu.  Reġa’ tah il-ħajja, reġa’ tah lura għand ommu.  Kemm-il darba nkunu qegħdin agunija spiritwalment u nibqgħu nwebbsu qalbna għal dik il-qalb miftuħa beraħ għalina?  Kemm tassew ilkoll kemm aħna rridu nifhmu li kull darba li nitbegħdu minn Alla għalina tkun mewta?  Kemm-il darba niftakru li kull darba li nersqu lejh huwa ser iqajjimna?  Il-messaġġ tal-lum huwa messaġġ qawwi għaż-żgħażagħ.  Ġesù jiltaqa’ maż-żagħżugħ mejjet u jqajmu.  Kemm hawn żgħażagħ mejtin… żgħażagħ mejtin permezz tad-droga… mejtin permezz tal-vizzji…  mejtin għaliex m’humiex kapaċi jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?

     “Żagħżugħ qiegħed ngħidlek QUM!”  U ż-żagħżugħ qam, kif ser iqumu ż-żgħażagħ kollha, kif ser inqumu aħna meta nersqu mal-Mulej biex nafdawlu l-ħajja tagħna.

Il-Kelma

     L-ewwel qari huwa meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  Fih għandna r-rakkont ta’ l-Armla ta’ Sarefta u l-qawmien tat-tifel tagħha permezz tal-Profeta  Elija.  Fis-Salm Responsorjali, illum mis-Salm 29, għandna għanja lill-Mulej għaliex refagħna mill-mewt tagħna.  Fit-tieni qari, mill-Ittra lill-Galatin, għandna lil San Pawl jurina li l-mirakli li għamel Ġesù huma l-ħelsien mid-dnub u l-mewt li ġab id-dnub.  Fil-Vanġelu San Luqa jirrakkonta l-qawmien ta’ bin l-armla ta’ Najm.  Huwa rakkont li ried jurina l-qawwa ta’ Kristu fuq il-mewt.

Il-Ħajja

  1. Għaliex inkomplu nwebbsu qalbna u ntaqqlu ħajjitna?
  2. Għaliex ma nħallux lill-Mulej iqajjimna… mill-medjokrità ta’ ħajja li ħafna drabi naqgħu fiha?
  3. It-talba tagħna llum tmur b’mod speċjali għaż-żgħażagħ kollha biex il-Mulej imisshom u jfejjaqhom mill-imwiet ta’ kuljum?
  4. Bħall-armla ta’ Sarefta rridu nkunu minn ta’ l-ewwel li nilqgħu l-mexxejja li jibgħatilna l-Mulej biex iwasslulna l-Bxara t-Tajba.

Id-Djalogu

  Mulej, qajjimna mill-imwiet ta’ kuljum.

read more

IMĦABBA ĠO FINA – It-Trinità Qaddisa – 22 ta’ Mejju 2016

May 16, 2016

It-Trinità Qaddisa

IMĦABBA ĠO FINA

Proverbji 8,22-31; Salm 8; Rumani 5:1-5; Ġwanni 16:12-15

Il-Vanġelu

 F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:  “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.  Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom

Il-Ħsieb

     Meta Ġesù wriena l-misteru tat-Trinità Qaddisa, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, ried jgħidilna li fl-għerq ta’ kollox hemm xi ħadd u mhux xi ħaġa.  Hu wriena li dan ix-xi ħadd Alla huwa mħabba (1 Ġwann 4,8), għax it-Trinità qaddisa hi l-misteru ta’ l-imħabba bla tarf li tinsab minn dejjem f’Alla, u fuqha bħal f’mera,  Huwa fassal il-ħolqien u l-bniedem.  Fil-bażi ta’ kollox hemm l-imħabba infinita ta’ Alla għall-bniedem.  Biex nagħrfu din l-imħabba rridu ngħixuha kif itenni Ġwanni fl-Ittra tiegħu vers 4,8.  Hemm bżonn li nagħmlu l-esperjenza li ngħixu dak li għallimna Ġesù bil-qawwa mogħtija lilna bil-preżenza trinitarja fina li rċevejna fis-sagramenti ta’ l-inizjazzjoni.

     Il-festa kbira tal-lum, li tasal Ħadd fuq il-Pentekoste u ġimgħa qabel Corpus, turina li Alla qatt m’hu se jħallina waħedna u mhux biss jibgħat id-Difensur iżda huma l-istess Tliet Persuni f’Alla wieħed li b’imħabba kbira jinsabu fina u qegħdin għad-dispożizzjoni tagħna.  Iżda aħna qegħdin ngħixu f’isimhom…?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Proverbji fejn naraw riflessjoni fuq l-istorja ta’ Israel fir-Rabta l-Qadima li turina kif Alla bil-mod il-mod wassal lill-poplu tiegħu biex jagħrfu u jħobbu.  Hija wkoll l-istorja tar-riflessjonijiet tal-poplu dwar il-ġrajjiet tiegħu.  Is-Salm Responsorjali tal-lum ikompli dak li smajna mill-Ktieb tal-Proverbji.  Jurina u jistedinna nfaħħru lill-Mulej għall-għeġubijiet li jagħmel magħna b’imħabbtu.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, juri li l-ħajja tan-nisrani fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba hija xhieda u frott tal-preżenza tat-Trinita’ Qaddisa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jwiegħed li se jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jirrivelalhom il-verità sħiħa.

Il-Ħajja

  1. Il-Misteru tat-Trinità Mqaddsa huwa misteru li ngħixuh kuljum għax għandna preżenza u qawwa sħiħa tat-Tliet Persuni tat-Trinità li qed jgħinuna kull ħin.
  2. Dak li rċevejna fil-Magħmudija u li ssaħħaħ fina permezz tal-Konfirmazzjoni, jagħti dehra qawwija tal-kuntatt u l-għajnuna li għandna mit-Tliet Persuni tat-Trinità. Alla qatt m’hu qed iħallina waħedna.
  3. Kif tenna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, il-virtujiet tal-fidi, tama u mħabba se jidhru aktar fina permezz tal-preżenza tat-Trinità Mqaddsa.
  4. Kemm tassew qed nippruvaw nifhmu l-Mulej xi jrid minna? Kemm tassew se nippruvaw nitolbu aktar l-intervent tat-Trinità Mqaddsa fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna?

Id-Djalogu

  Glorja lill-Missier,

  lill-Iben

  u lill-Ispirtu s-Santu.

  Kif kien mill-bidu, issa u dejjem

  u jibqa’ għal dejjem

  ta’ dejjem.  Amen.

read more