sena-a

GĦANDEK GĦATX? – It-3 Ħadd tar-Randan sena A – 12 ta’ Marzu 2023

March 5, 2023

It-3 Ħadd tar-Randan

GĦANDEK GĦATX?

Eżodu 17:3-7;  Salm 94; Rumani 5: 1-2, 5-8; Ġwanni 4: 5-42

Il-Vanġelu

Ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara  mis-Samarija timla l-ilma. “Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara  mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?” Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”

Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.” Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘ma għandix żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!” Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”

Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi trid?’, jew, ‘Għax qiegħed titkellem magħha?’ Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?” U  nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!” Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?” Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.”

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: ‘Qalli kull ma għamilt,’ tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”

Il-Ħsieb

min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.
Fil-ħajja tagħna ma tkunx l-ewwel darba li jaqbadna l-għatx, b’mod speċjali wara xi biċċa xogħol fis-sajf.  Xi kultant iżda jista’ jkun li jkollna għatx għal affarijiet oħra.  Biex tikber il-pożizzjoni soċjali tiegħek jew fuq il-post tax-xogħol.  Is-Samaritana nistgħu nqisuha aħna.  Nersqu lejn Ġesù u nitolbuh il-grazzji, il-grazzji materjali.  Aqlagħli din il-grazzja, ħa nagħmel din il-wegħda; jekk tagħtini hekk nagħtik daqshekk;  Hu diskors fuq livell materjali biss.  Ħafna drabi nirrabjaw ukoll mal-Mulej meta ma jagħtiniex dak li nitolbu fil-pront.  Nibqgħu naħsbu u naġixxu bħala bnedmin anki mal-Mulej, minkejja t-tagħlim tiegħu, minkejja li x-xewqa tiegħu kienet dejjem li ma nibqgħux naħsbu bħala bnedmin.  Meta nirċievu l-Ewkaristija,  Alla jsir

parti minna, mill-ħajja tagħna, mill-mod kif naġixxu.  Iżda ħafna drabi l-għatx għall-materjali jżommna fuq livell ta’ medjokrità b’mod li l-veru għatx għall-valuri ta’ kuljum lanqas biss inħossuh.  It-tielet Ħadd tar-Randan għandu stedina ċara, agħraf dak li se titlob lil Ġesù.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu u għandna r-rakkont ta’ meta l-poplu Lhudi fil-mixja tiegħu lejn l-Art Imwegħda qabdu l-għatx.  Minkejja n-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu f’Alla, Alla jibgħat ilma mill-blat.  Fis-Salm Responsorjali għandna stedina biex nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna.  San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jtenni li minħabba li konna fid-dnub Ġesù Kristu sar għalina l-ilma ħaj li jeħlisna mill-jasar.  Dan seta’ jagħmlu bil-mewt tiegħu.  Fil-Vanġelu għandna d-djalogu bejn Ġesù u s-Samaritana li talbitu jagħtiha l-ilma.  Ġesù jagħtiha ilma differenti, li jagħti l-ħajja.

IL-Ħajja

1.  Il-Mulej jagħtina l-ilma li jżommna ħajjin kull ħin.  Kif qed naċċetta dan l-ilma fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?

2.  Il-Mulej ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħtu, kif itenni fil-Vanġelu tal-lum.  Inti u jien kemm qed nifhmu xi jrid il-Mulej minna?

3.  Kif qed taqta’ l-għatx tiegħek kuljum, bl-ilma li jagħtina Ġesù b’mod speċjali fl-Ewkaristija jew b’affarijiet materjali li jkomplu jagħmlulna aktar għatx?

4.  Kristu jrid u jinsab lest li jkun l-ilma ħaj għalina kull ħin.  L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.

Id-Djalogu

Agħmel Mulej

li ma nfittex imkien biex naqta’ l-għatx ħlief bik,

bil-kelma tiegħek, bil-Ġisem u d-Demm tiegħek.

 

read more

KONFERMA GĦALL-UMANITA’ – It-2 Ħadd tar-Randan sena A – 5 ta’ Marzu 2023

February 26, 2023

It-2 Ħadd tar-Randan

ĠESÙ KRISTU:  KONFERMA GĦALL-UMANITA

Ġenesi  12: 1-4a; Salm 32; 2 Timotju 1:8b-10; Mattew  17:1-9

Il-Vanġelu

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

 

Il-Ħsieb

Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.
Ħafna drabi fil-ħajja tagħna rridu l-konfermi iżda nsibu affarijiet mingħajr stabbilità.  Faċli ngħidu li m’ għandniex nibnu kastelli fl-arja iżda mbagħad inkunu l-ewwel nies li nagħmlu hekk.  Ngħidu li r-reliġjon tagħlaqna f’gaġġa, tnaqqsilna l-libertà u ma nindunawx li sirna skjavi ta’ allat foloz li ħloqniehom aħna.  Infittxu kontinwament il-veru ferħ tal-qalb u ngħixu f’dinja ta’ solitudni.  Għaliex dan kollu?  Hawn xi ħaġa li ma titfarrakx?  Li tibqa soda?  Fil-liturġija tal-lum għandna risposta, KRISTU.  Kristu huwa kkonfermat bħala l-Iben t’Alla: dak li ġie biex jifdi,  Dak li se jsalvana.  U proprju f’dan iż-żmien tar-Randan, żmien ta’ riflessjoni fuq il-mod ta’ ħajja li qed ngħixu, aħna li ngħidu li aħna nsara,  Ġesù Kristu jrid ikun il-gwida tagħna mhux biss fil-mumenti tal-glorja iżda anki fir-realtà ħarxa ta’ kull ġurnata ta’ għajxien tagħna.  Pietru ħa gost fuq it-Tabor iżda Ġesù reġa’ niżżilhom miegħu fir-realtà iebsa fejn Pietru, minkejja li kien ra ħafna fuq it-Tabor, kien minn ta’ l-ewwel li ċaħdu kif nagħmlu jien u inti minkejja li aħna ngħidu li nafu xi jfisser Kristu l-Iben t’Alla għalina.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi u jirrakkonta s-sejħa ta’ Abram missier il-poplu t’Alla.  Sejħa li kellha ħafna diffikultajiet, iżda Abram aċċetta dan ir-riskju kbir ta’ fidi.  Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 32 huwa rakkont kif il-patt ta’ Alla ma’ Abram kien sinjal ta’ għaqda ta’ Alla mal-bnedmin, għaqda li tnissel tama li għad iqum mill-medjokrità tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna messaġġ qawwi, dak li meta wieħed jgħix il-Vanġelu bilfors li jrid ibati; iżda wkoll hemm tama li meta tgħix il-Vanġelu se tikseb dawl qawwi għall-kumplament ta’ ħajtek.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jieħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq il-muntanja u ssir it-trasfigurazzjoni.  Għandna leħen il-Missier li juri kemm tassew hi importanti l-missjoni fdata f’Ġesù Kristu għas-salvazzjoni ta’ l-umanità kollha.

Il-Ħajja

1.  Fil-Ħajja tagħna nippruvaw minn kollox biex insibu ftit hena. Għaliex qatt ma ppruvajna nsibu tassew il-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitna?

2.  Kemm tassew qed ngħixu l-fidi tagħna fid-dawl tal-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu, kliem li jagħtina tama u kuraġġ ma’ kull sfida ta’ ħajjitna?

3.  L-istess sejħa li Alla għamel lil Abraham Alla jagħmilha lil kull wieħed u waħda minna.  Kif qegħdin inwieġbu?

4.  F’dan iż-żmien tar-Randan hemm bżonn li nikbru aktar fl-imħabba tagħna lejn Alla fil-proxxmu.

Id-Djalogu

Mulej, għinni

fit-tfittxija tiegħi għalik

kuljum.

read more

IL-FALLIMENT TAGĦNA – L-1 Ħadd tar-Randan A – 26 ta’ Frar 2023

February 25, 2023

L-1 Ħadd tar-Randan

IL-FALLIMENT TAGĦNA

Ġen 2: 7-9; 3,1-7; Salm 50; Rumani 5: 12-19; Mattew 4:1-11

Il-Vanġelu 

 It-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert 

Mbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.”  Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ “

Mbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li ‘Fuq idejhom jerfgħuk, Ħalli ma taħbatx riġlejk ma’ xi ġebla.’ ” Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ”

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.” Mbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’ ”

Mbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

 

Il-Ħsieb

Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi
     Il-falliment totali tagħna huwa d-dnub.  Iċ-ċaħda tal-grazzja ta’ Alla.  L-għażla libera tagħna li nsegwu lil satana u mhux lil Alla.  F’dan iż-żmien tar-Randan, li bdejna biċ-ċelebrazzjoni ta’ l-irmied, indunajna li lkoll kemm aħna rridu verament inċarrtu qlubna u mhux ilbiesna.  Hemm bżonn li fil-konverżjoni tagħna ma nkunux artifiċjali iżda nkunu radikali.  Il-mument tar-Randan irid ikun mument ta’ verifika għalina lkoll, f’liema livell ta’ fidi ninsabu, kemm tassew aħna anzjużi li niġġeddu fil-ħajja tagħna biex neqirdu d-dnub u noqorbu aktar lejn Alla.  It-tiġrib tagħna minn satana se jibqa’.  Saħansitra Ġesù għadda minnu.  Iżda aħna rridu nkunu sodi, bil-kelma ta’ l-istess Ġesù, li nagħmlu għażliet ta’ ħajja u mhux għażliet li jmewtu mhux biss il-fidi tagħna iżda wisq aktar l-għemil tagħna.  Ħafna drabi naħlu ħajjitna naduraw u nsiru skjavi ta’ allat foloz.  Kemm tassew hemm xewqa fina li niskopru u naduraw lil Alla veru fil-ħajja tagħna?  Iż-żmien tar-Randan huwa l-mument ġust li nagħmlu din l-iskoperta.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħolqien ta’ Adam u Eva u d-dnub tagħhom.  Ħolqien li juri l-imħabba kbira ta’ Alla u l-libertà assoluta li ta lill-bniedem.  Is-silta tas-salm, meħuda minn Salm 80, hija talba ta’ ħniena lil Alla meta nagħrfu li aħna midinbin.  Fit-Tieni Qari tal-lum għandna s-silta mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn naraw b’mod ċar it-tweġiba ta’ Alla għall-falliment tal-bniedem.  Il-ġustifikazzjoni li kisbilna Kristu hija att kbir ta’ mħabba ta’ Alla lejna.  Fil-Vanġelu tal-lum l-Evanġelista San Mattew jirrakkonta t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù mix-xitan fid-deżert.  Ġesù jitkellem u jkeċċi x-xitan.  Fid-diskors ta’ Ġesù għandna s-sinjali fejn irridu npoġġu tassew l-għażliet ta’ ħajjitna; mhux fuq it-tlellix iżda fuq il-Kelma t’Alla.

Il-Ħajja

1.  Bdejna r-Randan.  Irid ikun mument ta’ MISTOQSIJIET U GĦAŻLIET fuq x’tip ta’ ħajja qed ngħixu?

2.  Iż-żmien tar-Randan m’huwiex żmien ta’ tiġdid spiritwali biss iżda wkoll ta’ riforma fuq il-mod ta’ ħajja u attitudnijiet tagħna ta’ kuljum  – TIĠDID

3.  X’għażliet qed tagħmel kull ħin fil-ħajja tiegħek?  Imbuttati mix-xitan jew favur Ġesù?

4.  Xi programm ta’ tiġdid lestejt għal dan iż-żmien tar-Randan?

Id-Djalogu

Mulej, għallimni

matul dan ir-Randan

insib aktar lilek u lili nnifsi.

read more

AĦFER – ĦOBB – SERVI – Is-7 Ħadd matul is-sena A – 19 ta’ Frar 2023

February 18, 2023

Is-7 Ħadd Matul is-Sena

AĦFER – ĦOBB – SERVI

Levitiku 19: 1-2, 17-18; Salm 102; 1 Kor 3: 16-23; Mattew 5: 38-48

Il-Vanġelu

Il-vendetta

“Smajtu x’intqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’ Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll;  u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar.  U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.  Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

L-imħabba lejn l-għedewwa

“Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq   il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex. Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?  U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan?  Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet. 

Il-Ħsieb

Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom
     Kemm hi iebsa li taħfer kompletament.  “Naħfer iva… ninsa le”.  Kemm nisimgħu espressjonijiet bħal dawn u nibqgħu inroddu s-salib u nżejnu l-ħitan bis-slaleb.  Il-Vanġelu tal-lum huwa messaġġ qawwi għall-konverżjoni mhux biss personali iżda wkoll soċjali.  Kemm tassew għandna l-kuraġġ naħfru?  Kemm tassew għandna l-kuraġġ induru lejn xi ħadd li nafu li ma jridilniex il-ġid?  Għalhekk huwa iebes il-Vanġelu.  Għalhekk il-ħajja nisranija hija mingħajr kantunieri.  Biex inkunu “speċjali”  għall-Mulej hemm bżonn li nagħmlu l-affarijiet iebsa.  L-avventuri huma iebsin, hemm bżonn li lkoll kemm aħna bħala Nsara ma nagħmlux biss l-ovvju fil-ħajja tagħna.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Levitiku u jirrakkonta parti mil-liġi li għandha x’taqsam mal-qdusija tal-poplu.  Wieħed jgħix fil-qdusija meta jimxi fil-kmandamenti ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 102, insibu li meta aħna nħobbu lill-proxxmu kollu tagħna nkunu qegħdin nixbhu lil Alla li huwa Alla ħanin u ta’ qalb tajba.  San Pawl ikompli jenfasizza fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, li aħna tempju qaddis ta’ Alla u li ħadd ma għandu jqarraq.  Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum insibu żvilupp tat-tielet beatitudni fid-diskors tal-Muntanja, fejn insibu:  “Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa”.  Ġesù jagħti eżempju ta’ dan bil-ħajja tiegħu stess.

Il-Ħajja

1.  Kemm aħna kapaċi naħfru?  Kif qegħdin naħfru?  Kemm tassew aħna nies ta’ kompassjoni u mogħdrija?

2.  Għandek għedewwa?  Kif qed tħares lejhom?  Hemm xi persuna fil-ħajja tiegħek li ilek ma tkellimha snin?

3.  Aħfer – Ħobb – Servi… kemm taħseb li huma possibbli fil-ħajja tiegħek?  Kemm taħseb li huma possibbli li tgħixhom kuljum?

4.  Il-ġlieda tagħna kuljum trid tkun magħna nfusna.  Hemm bżonn li nagħrfu nnaqqsu minna l-egoiżmu tagħna biex inkunu nistgħu nħarsu f’għajnejn xulxin mingħajr biżà jew mistħija.

Id-Djalogu

     Mulej għallimni naħfer lill-għadu tiegħi,

     għallimni nħobb lil dawk li jriduli d-deni,

     għallimni nimxi, kontra l-kurrent, lejk imsallab.

read more

NGĦIXU L-KMANDAMENTI – Is-6 Ħadd matul is-sena A – 12 ta’ Frar 2023

February 10, 2023

Is-6 Ħadd Matul is-Sena

NGĦIXU L-KMANDAMENTI

Bin Sirak 15, 15-20; Salm 118; 1 Korintin 2, 6-10; Mattew 5:17-37

Il-Vanġelu

Il-Liġi ta’ Mosѐ u l-liġi l-ġdida

“Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed  mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.

“Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.”

“Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna.  Imma jien ngħidilkom li  l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern. Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu  bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

“Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern. 

“Ntqal ukoll, ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.

 “Smajtu wkoll x’intqal lin-nies ta’ dari, ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.’ Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas- Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.

Il-Ħsieb

Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, 'Iva, iva', 'Le, le'; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin
Kollox m’hu xejn fil-ħajja!  Hekk jagħmel kulħadd!  Jien se nkun differenti?  Huma frażijiet li nisimgħu kuljum u li forsi rridu ngħidu li xi kultant nismgħuhom aħna wkoll.  Lesti nippuntaw subgħajna biex nikkritikaw lil ħaddieħor iżda ma aħniex lesti li naċċettaw jew nagħmlu awtokritika fuqna stess.  Fil-Liturġija tal-lum Ġesù jikxfilna l-maskra.  Maskra li ħafna drabi turi l-mod immatur li bih ngħixu r-reliġjon tagħna.  Mod ta’ reliġjon li fih aħna biss spettaturi.  Ġesù jurina li hu ġie biex jipperfezzjona t-tagħlim u għalhekk jenfasizza għajxien sħiħ tal-kmandamenti.

Il-Kelma

Il-bniedem ġie maħluq minn Alla liberu u rajh f’idejh.  Il-bniedem huwa msejjaħ biex minn rajh jagħżel li jimxi fuq il-liġi ta’ Alla kif itenni l-awtur tal-Ktieb ta’ Bin Sirak fl-Ewwel Qari tal-lum.  Is-Salm 118 juri li hemm minn dawk li jimxu  fuq l-liġi tal-Mulej.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin insibu li l-għerf ta’ Alla jistgħu jagħrfuh dawk li huma mrawmin sewwa fil-fidi u fl-imħabba.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna t-tifsira ta’ Ġesù li ġie biex jipperfezzjona l-liġi u l-profeti.  Huwa jispjega wkoll l-importanza tal-ħames, is-sitt u t-tmien kmandament.

Il-Ħajja
  1. Il-ħeġġa tan-nisrani kuljum hija dik li tgħinu jfittex u jikseb aktar territorju qrib tal-Mulej.  Hemm bżonn li niddrittaw it-toroq tagħna fid-dawl tal-liġi tiegħu.
  2. L-għażla tad-dnub u għad-dnub hija f’idejna.  Alla ħalliena liberi saħansitra li neħduha kontra tiegħu.  Kemm tassew qed inħares lejn il-kmandamenti bħala mumenti ta’ grazzja li permezz tagħhom aħna stess nirregolaw il-ħajja tagħna?
  3. Hemm bżonn li nagħmlu għażliet ċari u bla tlaqliq fuq it-tip ta’ fidi li qed ngħixu.
  4. Id-diskors ta’ Krisu llum huwa ċar għal min irid jifhem – le għad-divorzju u responsabbiltà kbira fuq kull min ikisser żwieġ.

 

Id-Djalogu

Fehemni Mulej

biex inżomm il-liġi tiegħek

u nħarisha b’qalbi kollha.

read more

IL-MELĦ, ID-DAWL U L-GĦEMIL – Il-5 Ħadd matul is-sena A – 5 ta’ Frar 2023

February 2, 2023

Il-5 Ħadd Matul is-Sena

IL-MELĦ, ID-DAWL U L-GĦEMIL

Isaija 58: 7-10; Salm 111; Korintin 2, 1-5; Mattew 5:13-16

Il-Ħsieb

“Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

“Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem   il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

Il-Ħsieb

Intom il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja!
Wara l-Ħdud li fihom rajna l-bidu tal-missjoni pubblika ta’ Ġesù  kif ukoll ir-radikalità li qed joffri l-Vanġelu, illum għandna deskrizzjoni ta’ l-effettività tal-missjoni tagħna bħala dixxipli tal-Mulej fid-dinja tal-lum.  L-għemil tagħna jrid ikun melħ u dawl għas-soċjetà li fiha ngħixu.  Ma nistgħux nirriskjaw li nkunu dixxipli ta’ l-apparenza għax inkella nkunu qegħdin f’soċjeta li fiha ma nħallux marka.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum insibu lill-Profeta Isaija jċanfar lil dawk li kienu jaħsbu li s-salvazzjoni se tasal bis-sawm biss.  Huwa jtenni li hemm bżonn li wieħed juri l-fidi tiegħu fl-għemil b’atti konkreti ta’ ħniena.  Is-Salm Responsorjali juri li l-għemil tal-ġust jidher bħad-dawl fid-dlam.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl juri li l-fidi tagħna mhix mibnija fuq l-għerf tal-bniedem iżda fuq il-qawwa t’Alla.  Fil-Vanġelu Ġesù juri kif l-insara jridu jkunu l-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja.  L-insara għalhekk JAGĦTU SENS LILL-ĦAJJA u huma SINJAL TAL-PATT.

Il-Ħajja

  1. Nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna fid-dawl tal-Vanġelu tal-lum. Kemm tassew qegħdin inkunu melħ ta’ l-art u dawl għad-dinja ta’ madwarna.
  2. Ma nistgħux inżommu l-iskoperti tal-fidi tagħna, id-dawl ta’ ħajjitna, għalina biss.  Hemm bżonn li b’ġesti konkreti umani u soċjali ngħaddu dan id-dawl lil ta’ madwarna (Ara l-Ewwel Qari x’jgħid Isaija).
  3. Mar-riflessjoni li smajna llum ta’ min isemmi din li ġejja:

    Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u tlaqliq ħalli tkunu

    nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin

    ta’ ħajja mgħawġa u mħassra.  Fosthom intom għandkom

    tiddu fid-dinja bħal kwiekeb u ddawluhom bil-kelma tal-ħajja (Filippin 2, 14-16).

  4. NIRRIBELLAW kontra l-fatt li nkunu nsara ta’ l-isem. Hemm bżonn li nuru u nsemmgħu leħinna aktar bħala nsara biex ma niġux magħġuna fil-monotonija.

 

 

Id-Djalogu

Mulej, inti d-dawl tiegħi.

Għinni nkun imqar rifless

tiegħek f’dawk ta’ madwari.

read more

IL-FQAR: HENJIN JEW IMSIEKEN? – Ir-4 Ħadd Matul is-Sena A – 29 ta’ Jannar 2023

January 24, 2023

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

IL-FQAR: HENJIN JEW IMSIEKEN?

Sofonija 2,3:3,12.13; Salm 145; Korintin 1,26-31; Mt 5: 1-12a

 

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

”Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin l-imnikkta,

għax huma jkunu mfarrġa.

Henjin ta’ qalbhom ħelwa,

għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,

għax huma jkunu mxebbgħin.

Henjin dawk li jħennu,

għax huma jsibu ħniena.

Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,

għax huma jaraw lil Alla.

Henjin dawk li jġibu l-paċi,

għax huma jissejħu wlied Alla.

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu

kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.”

Il-Ħsieb

Jien Hieni?
F’ħajja li tippriedka lussu, kumdità u flus; f’ħajja fejn kull diskors fuq sagrifiċċju jistona, il-Vanġelu tal-lum jidher bla sens.  Jidher bla sens kważi anki għal dawk li llum ukoll sejrin għall-quddiesa tal-Ħadd.  Iżda l-Liturġija tal-Kelma tal-lum tgħinna u tgħallimna biex nifhmu aktar il-faqar ta’ l-ispirtu fil-ħajja.  Nifhmu aktar kif mhux biss għandna ngħinu lill-fqar imma aħna stess niftaqru biex inkunu nistgħu mhux biss naċċettaw il-Mulej fil-ħajja tagħna, iżda fuq kollox biex inħallu lill-Mulej jimliena hu u mhux nimtlew aħna b’dak kollu li jifga kull sens reliġjuż fil-ħajja tagħna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum għandna silta mill-ktieb tal-Profeta Sofonija fejn il-Profeta, minkejja t-tifrik u l-umiljazzjoni li Israel, fis-sena 640, kien għaddej minnha, jagħraf li l-Mulej se jkompli l-missjoni tas-salvazzjoni permezz ta’ dawk li huma l-umli u foqra.  L-umli ta’ l-art se jkollhom l-appoġġ sħiħ ta’ Alla.  Alla se jerfa’ kontinwament u jgħin lill-fqir li jafda f’idejn Alla.  Dan huwa l-messaġġ li joħroġ mis-Salm Responsorjali tal-lum fejn jurina li huma l-umli li jġarrbu tassew il-ferħ.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, jurina li Alla “għażel il-ħwejjeġ boloh tad-dinja biex iħawwad l-għorrief.”  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-bidu tad-diskors tal-muntanja.  Diskors li juri fil-beraħ ir-radikalità tal-Vanġelu.  Quddiem dan id-diskors m’hemmx indeċiżjoni.  Trid għażla ċara u soda b’konvinzjoni.

Il-Ħajja

  1. Quddiem id-diskors li jagħmel Ġesù llum għandna għażla xi nwettqu: jew ir-radikalità ta’ għażla li ġġib il-vera bidla fil-ħajja u fil-qalb tagħna, jew inkomplu ngħixu fil-medjokrità.
  2. Hemm bżonn li nagħrfu u nistaqsu kemm tassew fil-ħajja qed inkunu nies ta’ ħniena u ta’ servizz għal ta’ madwarna.
  3. X’tip ta’ għerf qed tfittex għall-ħajja tiegħek? Dak mogħti minn Alla lill-umli jew dak li jiswa biex ineffaħ il-persuna li mhix id-dinjità tal-persuna.
  4. Hemm bżonn li bl-għemil tagħna f’ħajjitna nfittxu aktar il-ġustizzja u l-umiltà.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

nitolbok tgħinni

biex f’għemili u f’ruħi nkun

dejjem fqir u umli.

read more

BEDA JXANDAR… BEDA JSEJJAĦ – It-3 Ħadd matul is-sena A – 26 ta’ Jannar 2020

January 21, 2020

It-3 Ħadd Matul is-Sena

BEDA JXANDAR… BEDA JSEJJAĦ

Isaija 9: 1-4, Salm 26;  Korintin 1:10, 13-7;  Mattew 4: 12-23

 

Il-Vanġelu

Il-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

‘Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art ‘il hem mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.’

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.”

Ġesù jsejjaħ erba’ sajjieda

Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejjħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.

U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost  il-poplu.

Il-Ħsieb

Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin
Ġesù jibda jxandar.  Ġesù jibda l-missjoni li għaliha ġie fid-dinja u propju mill-ewwel mumenti jibda jsejjaħ il-grupp miegħu biex jevanġelizzaw.  Propju fil-bidu tal-missjoni tiegħu Ġesù wera biċ-ċar li jrid miegħu nies li jxandru wkoll li s-saltna tas-smewwiet waslet.  Ried li miegħu jkollu ħabbara tas-Saltna, is-Saltna tad-dawl biex tegħleb is-Saltna tad-Dlam li ħafna drabi tiċċirkonda d-dinja li ngħixu fiha.  Huma impressjonanti f’din is-silta r-risposti li jagħtu b’għemilhom l-Appostli.  “Telqu kollox u marru warajh”.  Li timpressjonak hi li għall-ordni jew forsi stedina ta’ Ġesù ma għamlu l-ebda domanda, iżda marru warajh.  Minkejja d-dgħufija tagħhom, l-Appostli aċċettaw din l-isfida b’fidi kbira.  Fis-Salm Responsorjali wkoll nagħmlu din l-aċċettazzjoni għall-istedina ta’ Ġesù: ilkoll naffermaw li l-MULEJ HUWA D-DAWL U S-SALVAZZJONI TIEGĦI… iżda l-għemil tagħna, il-ħajja tagħna, il-ħidma tagħna, tagħti xhieda ta’ dan il-kliem?

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, is-silta meħuda mill-Ktieb tal-Profeta Isaija turi l-poplu Lhudi fl-aktar mumenti diffiċli u ta’ għajb għalih, meta nqasam f’żewġ partijiet:  is-Saltna ta’ Ġuda u s-Saltna ta’ Israel.  Propju f’dan it-tiġrib, Isaija jħabbar il-ħelsien taħt ix-xbieha ta’ dawl li se jiddi fid-dlamijiet.  Fis-Salm Responsorjali għandna l-parteċipazzjoni tagħna fl-aċċettazzjoni ta’ Kristu bħala d-dawl u s-salvazzjoni tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna stedina għall-unità fil-Knisja, unità li titlob li l-komunità tkun qalb waħda u ruħ waħda.  Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, juri li l-profezija ta’ Isaija li smajna fl-Ewwel Qari seħħet tabilħaqq fi Kristu.  Ġesù jippriedka l-indiema fil-qalb tal-bniedem li tbiddlu mid-dlam għad-dawl.

Il-Ħajja

  1. Illum għandna stedina ċara mingħand Kristu.  Stedina mhux biss naċċettaw id-dawl li qed jagħtina hu, iżda wkoll biex inkunu xandara ta’ dan l-istess dawl.  X’se nagħżlu?
  2. Biex nagħmlu din l-għażla rridu nkunu sinċieri magħna nfusna u nagħrfu tassew jekk naċċettawx li ngħixu fid-dlam jew fid-dawl tul ħajjitna kollha.
  3. Kemm se ndumu biex inwieġbu lill-Mulej?  Għandna l-kuraġġ li wrew l-Appostli?  Kapaċi nieħdu r-riskji tal-fidi tagħna ma’ Kristu?
  4. Kemm tassew bl-għemil tagħna qegħdin inkunu Appostli tad-dawl?

Id-Djalogu

Mulej  Ġesù

għinni ngħidlek IVA

biex inkun miegħek ħabbâr tas-saltna.

 

read more

DAN HU! – It-2 Ħadd matul is-sena A – 19 ta’ Jannar 2020

January 2, 2020

It-2 Ħadd Matul is-Sena

DAN HU!

Isaija 49:3, 5-6; Salm 39;  Korintin 1:1-3; Ġwanni 1,29-34

Il-Vanġelu – Il-Ħaruf ta’ Alla

L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael.” U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.  Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla.’ “

Il-Ħsieb

Kemm tassew qed ikollna kuraġġ nuru lil Ġesù lill-oħrajn?  Kemm qegħdin nifhmu li Ġesù huwa l-Ħaruf t’Alla li bata u miet għalina?  San Ġwann il-Battista kien konvint u xandar dan il-fatt.  Aħna l-insara mmarkati bis-salvazzjoni li kiseb għalina l-Ħaruf t’Alla.  Imma kemm tassew qegħdin inxandru dan il-fatt ma’ l-oħrajn?  L-għajta li ntennu llum fis-Salm Responsorjali turi jekk fhimniex jew le dak li jrid minna dan il-Ħaruf.  “Hawn jien Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.”  Hemm bżonn li bħala Nsara mgħammdin nifhmu dak li jrid Alla minna u nwassluh lill-oħrajn mingħajr dewmien żejjed!

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, insibu li l-qaddej t’Alla huwa msejjaħ Israel għaliex huwa l-aktar rappreżentant tal-poplu ta’ Israel.  Huwa fuq dan il-qaddej li Alla juri l-glorja tiegħu.  Fuq din l-istess tema, bħalma l-Iben ta’ Alla jwieġeb għas-sejħa tal-Missier, is-Salm 39 jurina li għandna nwieġbu mingħajr limiti għas-sejħa tal-Mulej.  Din is-sejħa wkoll hija waħda għall-qdusija, kif ifakkar San Pawl lill-Insara ta’ Korintu fil-bidu ta’ l-Ittra li kitbilhom.  Fil-bidu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġwanni l-Battista juri l-wasla tal-Ħaruf t’Alla li huwa l-istess qaddej t’Alla.

Il-Ħajja

  1. Il-Knisja hija s-sagrament tas-salvazzjoni tal-ġnus u aħna l-qaddejja u l-ministri ta’ dan.
  2. Il-kundizzjoni tan-nisrani mgħammed fid-demm tal-Mulej hija kundizzjoni ta’ servizz.
  3. Il-Ħaruf t’Alla ġie biex ineħħi d-dnubiet.  Taf tassew x’inhu d-dnub jew tlifna kull sens ta’ dnub?
  4. Id-dnub mhux biss hu att kontra l-liġi imma t-tifrik ta’ l-armonija bejn il-bniedem u Alla.

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

iftaħli għajnejja biex nagħraf dnubieti!

 

read more

IL-ĠNUS JAGĦTUK QIMA – L-Epifanija tal-Mulej – Il-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020

January 1, 2020

L-Epifanija tal-Mulej

IL-ĠNUS JAGĦTUK QIMA

Isaija 60:1-6;  Salm 71; Efesin 3: 2-6; Mattew 2:1-12

Il-Vanġelu

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda,

le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda

għax minnek joħroġ mexxej

li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.’

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.”  Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Ħsieb

Erodi u l-Maġi.  Min jibża’ mid-dawl u min ifittex id-dawl.  Min irid jaħbi d-dawl u min jgħożż id-dawl.  Erodi u l-Maġi huma aħna fl-għażliet li nagħmlu kuljum, għażliet ta’ kompromessi jew għażliet mingħajr kundizzjoni biex nimxu wara Kristu.  Hemm bżonn li llum inkunu sinċieri magħna nfusna.  L-Epifanija hija t-tama ta’ Ġesù li ġie biex iġibilna d-dawl fid-dinja.  Il-mixja fil-ħajja tagħna hija mixja mid-dlam għad-dawl, mit-telfien għall-ħajja.

Il-proċess tal-Maġi huwa interessanti:

  1. IL-KEWKBA,
  2. L-ISKRITTURA,
  3. IL-MIĠJA
  4. IL-LAQGĦA
  5. L-EPIFANIJA

Ma kinetx ħaġa faċli li ssib lil Ġesù.  Hemm proċess xi nwettqu kuljum biex niskopru d-dawl.  Hemm bżonn urġenti mhux biss li nfittxu lil Alla iżda li nersqu lejn Alla u nagħrfu s-sinjali li jibgħat lilna, jiġifieri l-kewkba.

Il-Kelma

Is-silta mill-Ktieb tal-Profeta Isaija li nsibu fl-Ewwel Qari hija silta mimlija dawl.  Il-poplu kiseb il-ħelsien mill-jasar u ġej lura minn Ġerusalemm li fuqha issa qed jiddi l-Mulej bil-glorja tiegħu.  Huwa għalhekk li s-Salmista fis-Salm 71 itenni li l-ġnus kollha ta’ l-art se jagħtu qima lil-Mulej.  Fl-Ittra lill-Efesin San Pawl juri li l-Pjan tas-Salvazzjoni huwa universali mhux għall-Lhud biss, xi ħaġa li tidher fl-Epifanija.  Fil-Vanġelu San Mattew ikompli jurina l-ġrajja ta’ Kristu fid-dawl tal-Profezija.  Fil-Maġi hemm rappreżentazzjoni tal-ġnus kollha.

Il-Ħajja

1.  Fil-Ħajja tħobb id-dlam jew id-dawl?

2.  Kemm kien hemm mumenti li permezz tagħhom int adurajt lil Ġesù?

3.  Kemm qed twassal lill-familjari jew lil sħabek għad-dawl li sibt?

4.  Qatt skoprejt li inti tista’ tkun dawl qawwi fl-ambjent tiegħek?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

għinni biex inkun dawl

għal dawk ta’ madwari.

read more